29.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1268

tat-3 ta' Lulju 2019

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Ejjew intemmu l-era tal-plastik fl-Ewropa”

(notifikata bid-dokument C(2019) 4974)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Mettons fin à l'ère du plastique en Europe” (“Ejjew intemmu l-era tal-plastik fl-Ewropa”) jirreferi għal dan li ġej: “Nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi d-Direttiva dwar l-impatt ta' ċerti plastiks fuq l-ambjent bil-għan li jiġu pprojbiti l-plastiks kollha li jintużaw darba biss.”

(2)

L-għanijiet tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini jirreferu għal dan li ġej: “Fl-10 ta' Mejju, l-Unjoni Ewropea kienet diġà qabżet il-limitu tar-riżorsi li l-pjaneta kapaċi tipprovdilha. Madankollu, u minkejja r-rapporti xjentifiċi li jenfasizzaw l-urġenza tal-kwistjoni, l-Ewropa mhijiex qed timplimenta tibdil radikali fil-mudell tagħha. Il-plastik juri r-rifjut stinat li niffaċċjaw il-fatti u dan imur kontra l-ħtiġijiet tal-ambjent. Għalhekk, qed nitolbu l-projbizzjoni tal-imballaġġ u l-fliexken kollha tal-plastik sal-2027 sabiex ikunu jistgħu jibdew jittieħdu miżuri konkreti biex jirrispettaw il-limitu tar-riżorsi tagħna.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati biex tittieħed azzjoni biex jitwettqu l-objettivi tas-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u ta' użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima, abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 191(1) TFUE.

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, f'konformità mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, fiergħa jew vessatorja, u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 tat-TUE.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li tiġi rreġistrata l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Mettons fin à l'ère du plastique en Europe”.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Mettons fin à l'ère du plastique en Europe” (“Ejjew intemmu l-era tal-plastik fl-Ewropa”) hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-26 ta' Lulju 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu “Mettons fin à l'ère du plastique en Europe”, rappreżentata mis-Sinjura Daniela PLATSCH u s-Sinjura Elice BUSTIN li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-Ewwel Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.


  翻译: