25.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/64


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/871

tat-23 ta’ Ġunju 2020

li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fil-Litwanja

(It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(p) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li, għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal, il-kontenut tal-laħam dgħif irid jiġi vvalutat permezz ta’ metodi ta’ klassifikazzjoni awtorizzati mill-Kummissjoni u jistgħu jiġu awtorizzati biss metodi ta’ valutazzjoni ppruvati statistikament ibbażati fuq il-kejl fiżiku ta’ parti anatomika waħda jew aktar tal-karkassa tal-majjal. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-metodi ta’ klassifikazzjoni tkun soġġetta għall-konformità ma’ tolleranza massima għall-erruri statistiċi fil-valutazzjoni. Dik it-tolleranza hi definita fil-Parti A tal-Anness V tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 (2).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/364/KE (3), ġie awtorizzat l-użu ta’ erba" metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fil-Litwanja.

(3)

Sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata b’mod espliċitu b’Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-modifiki tal-apparat jew tal-metodi ta’ klassifikazzjoni ma jkunux permessi.

(4)

Il-Litwanja talbet lill-Kummissjoni tirtira l-awtorizzazzjoni tal-metodi “Hennessy Grading Probe (HGP7)” u “IM-03” mil-lista tal-metodi awtorizzati għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha, minħabba li dawn il-metodi ma għadhomx jintużaw hemmhekk.

(5)

Il-Litwanja talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tawtorizza metodu ġdid (Fat-O-Meat’er II). Għal dak l-iskop, il-Litwanja ppreżentat deskrizzjoni dettaljata tal-prova tad-dissezzjoni li tindika l-prinċipji li huwa bbażat fuqhom huwa bbażat dan il-metodu ġdidu dak il-metodu ġdid, ir-riżultati tal-prova tad-dissezzjoni tagħha u l-ekwazzjonijiet użati għall-valutazzjoni tal-perċentwal tal-laħam dgħif fil-protokoll previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182. Il-Litwanja talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tawtorizza formuli aġġornati għal żewġ metodi (Fat-O-Meat’er S70 u Manual method-ZP) li huma diġà awtorizzati bid-Deċiżjoni 2008/364/KE għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha.

(6)

L-eżaminazzjoni ta’ dik it-talba wriet li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-metodu l-ġdid ta’ klassifikazzjoni u għall-aġġornament tal-ekwazzjoni huma ssodisfati. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-metodi u l-formuli ta’ klassifikazzjoni jiġu awtorizzati fil-Litwanja.

(7)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/364/KE titħassar.

(8)

Sabiex l-operaturi jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti tekniċi tal-introduzzjoni tal-apparati u l-ekwazzjonijiet ġodda, jenħtieġ li l-metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali awtorizzati skont id-Deċiżjoni 2008/364/KE jibqgħu japplikaw sat-30 ta’ April 2021.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-użu tal-metodi li ġejjin huwa awtorizzat għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali skont il-Punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-Litwanja:

(a)

l-apparat “Fat-O-Meat’er S70 (FOM S70)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti I tal-Anness;

(b)

l-apparat “Fat-O-Meat’er II (FOM II)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti II tal-Anness;

(c)

il-“metodu manwali (ZP)” b’riga u l-metodi ta’ valutazzjoni relatati miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti III tal-Anness.

2.   Il-metodu manwali ZP b’riga, imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu, għandu jiġi awtorizzat biss għall-biċċeriji:

(a)

fejn in-numru ta’ majjali maqtula kull ġimgħa ma jaqbiżx il-500, ikkalkulat bħala medja annwali; jew

(b)

fil-każ biss li l-metodi ta’ gradazzjoni imsemmija fil-punt (a) u (b) tal-paragrafu 1 ifallu, fejn in-numru ta’ majjali maqtula kull ġimgħa jaqbeż il-500, ikkalkulat bħala medja annwali.

Artikolu 2

Il-modifiki tal-apparat jew tal-metodi ta’ klassifikazzjoni awtorizzati ma għandhomx ikunu permessi sakemm ma jkunux awtorizzati espliċitament permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2008/364/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Mejju 2021.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 74).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/364/KE tat-28 ta’ April 2008 li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fil-Litwanja (ĠU L 125, 9.5.2008, p. 32).


ANNESS

METODI GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI TAL-MAJJALI FIL-LITWANJA

PARTI I

Fat-O-Meat’er S70 (FOM S70)

1.

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “Fat-O-Meat’er S70 (FOM S70)”.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar b’sonda b’dijametru ta’ sitt millimetri li jkun fiha fotodijodu tat-tip Siemens SFH 950/960 u li jkollha distanza operattiva ta’ bejn tlieta u 103 millimetri. Ir-riżultati tal-kejl għandhom jiġu kkonvertiti f’kontenut ta’ laħam dgħif stmat permezz ta’ kompjuter.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

LMPFOMS70 = 57,2500 – 0,2516 x F1 -0,3926 x F2 + 0,1620 x M2

fejn,

LMPFOMS70

=

il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

F1

=

il-fond tax-xaħam (inkluża l-ġilda ta’ barra), f’millimetri, imkejla bejn it-tielet u r-raba’ vertebri, 8 ċm mil-linja tat-tbiċċir;

F2

=

il-fond tax-xaħam (inkluża l-ġilda ta’ barra), f’millimetri, imkejla bejn it-tielet u r-raba’ kustilja tal-aħħar, 6 ċm mil-linja tat-tbiċċir;

M2

=

il-fond tal-laħam dgħif f’millimetri, imkejjel bejn it-tielet u r-raba’ kustilja tal-aħħar, 6 ċm ħdejn il-linja tat-tbiċċir.

4.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 50 u 110 kilogramma.

PARTI II

Fat-O-Meat’er II (FOM II)

1.

Ir-regoli previsti f’din il-parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “Fat-O-Meat’er II (FOM II)”.

2.

Il-FOM II jikkonsisti f’sonda ottika b’sikkina, apparat għall-kejl tal-fond li għandu distanza operattiva ta’ bejn 0 u 125 millimetru u bord għall-ġbir u l-analiżi tad-data. Ir-riżultati tal-kejl għandhom jinqalbu f’kontenut tal-laħam dgħif stmat permezz tal-apparat FOM II stess.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

LMPFOMII = 61,4200 – 0,6891 × F2 + 0,0977 × M2

fejn,

LMPFOMII

=

il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

F2

=

il-fond tax-xaħam (inkluża l-ġilda ta’ barra), f’millimetri, imkejla bejn it-tielet u r-raba’ kustilja tal-aħħar, 6 ċm mil-linja tat-tbiċċir;

M2

=

il-fond tal-laħam dgħif f’millimetri, imkejjel bejn it-tielet u r-raba’ kustilja tal-aħħar, 6 ċm ħdejn il-linja tat-tbiċċir.

4.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 50 u 110 kilogramma.

PARTI III

Metodu manwali (ZP)

1.

Ir-regoli pprovduti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-“metodu manwali (ZP)” bil-kejl bir-riga.

2.

Dan il-metodu jista’ jiġi implimentat permezz ta’ riga, meta l-klassifika tiġi ddeterminata abbażi ta’ ekwazzjoni ta’ tbassir. Huwa bbażat fuq il-kejl manwali tal-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma tal-ħxuna tax-xaħam u l-ħxuna tal-muskolu.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassi għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

LMPZP = 54,89 – 0,4751 × F +0,1204 × M

fejn,

LMPZP

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif fil-karkassa,

F

=

il-fond tax-xaħam (inkluża l-ġilda ta’ barra), f’millimetri, imkejla fl-irqaq punt ’il fuq mill-musculus gluteus medius tal-karkassa fil-linja tat-tbiċċir;

M

=

il-ħxuna tal-muskolu tal-lojn f’millimetri, imkejla bħala l-iqsar konnessjoni tat-tarf ta’ quddiem (kranjali) tal-musculus gluteus medius sat-tarf ta’ fuq (dorsali) tal-kanal tas-sinsla tad-dahar tal-karkassa fil-linja tat-tbiċċir.

4.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 50 u 110 kg.

  翻译: