15.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 341/16 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1483
tal-14 ta’ Ottubru 2020
li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. |
(2) |
Fit-12 ta’ Mejju 2020, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni, f’isem l-Unjoni, li ddikjarat li l-Unjoni għadha determinata li tara li l-embargo fuq l-armi tan-NU fil-Libja jiġi rrispettat b’mod sħiħ. Ġie enfasizzat ukoll li jridu jsiru l-isforzi kollha biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, anke permezz tal-fruntieri tal-art u tal-ajru mal-Libja. |
(3) |
Fil-21 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2020/1310 (2), li identifikat tliet entitajiet involuti fil-ksur tal-embargo fuq l-armi tan-NU. |
(4) |
Il-Kunsill għadu mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u b’mod partikolari dwar atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Libja, inkluż ksur tal-embargo fuq l-armi tan-NU. |
(5) |
F’dak il-kuntest, jenħtieġ li persuna involuta f’tali atti tinżied mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi kif stabbiliti fl-Annessi II uIV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. |
(6) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 jiġu emendati skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 huma emendati f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1310 tal-21 ta’ Settembru 2020 li jimplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 305 I, 21.9.2020, p. 5).
ANNESS
(1)
Fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, taħt l-intestatura, "Parti A Persuni", tiżdied l-entrata li ġejja:
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
"19. |
Yevgeniy Viktorovich PRIGOZHIN (Евгений Викторович Пригожин) |
Data tat-twelid: 1 ta' Ġunju 1961 Post tat-twelid: Leningrad (San Pietruburgu) Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Yevgeniy Viktorovich Prigozhin huwa negozjant Russu b'rabtiet mill-qrib, inkluż finanzjarji, mal-kumpannija militari privata Grupp Wagner. B'dan il-mod, Prigozhin hu involut fl-attivitajiet u jipprovdi appoġġ lill-attivitajiet tal-Grupp Wagner fil-Libja li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż. B'mod partikolari, il-Grupp Wagner hu involut fi ksur multiplu u ripetut tal-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbilit fl-UNSCR 1970 (2011) u traspost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, inkluż it-twassil ta' armi kif ukoll l-iskjerament ta' merċenarji fil-Libja b'appoġġ għall-Armata Nazzjonali Libjana. Il-Grupp Wagner ipparteċipa f'operazzjonijiet militari multipli kontra l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali approvat min-NU u kkontribwixxa biex jikkawża danni lill-istabbiltà tal-Libja u jimmina l-proċess ta' paċi." |
15.10.2020 |
(2)
Fl-Anness IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, taħt l-intestatura "Parti A Persuni", jinżiedu l-entrati li ġejjin:
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
"24. |