28.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 189/61 |
REGOLAMENT (UE) 2021/819 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Mejju 2021
dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija
(riformulazzjoni)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie emendat b'mod sostanzjali (4). Peress li għandhom isiru iżjed emendi, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi riformulat fl-interess taċ-ċarezza. |
(2) |
L-evalwazzjonijiet perjodiċi indipendenti tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 294/2008 juru li huma meħtieġa bidliet sostanzjali biex ikomplu jtejbu l-mudell tal-EIT u l-proċessi sottostanti tiegħu. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni interim u l-valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-EIT identifikaw għadd ta' oqsma għal titjib, fost l-oħrajn il-mudell ta' finanzjament tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI), l-integrazzjoni tal-KKI fl-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali, il-ftuħ u t-trasparenza tal-KKI u l-monitoraġġ mill-EIT. Dan ir-Regolament joffri wkoll l-opportunità li dawk l-aspetti jiġu indirizzati. |
(3) |
L-Istati Membri huma responsabbli primarjament għas-sostenn ta' bażi Ewropea soda, industrijali, kompetittiva u innovattiva. Madankollu, in-natura u d-daqs tal-isfida tal-innovazzjoni jeħtieġu wkoll li tittieħed azzjoni b'mod kollaborattiv fil-livell tal-Unjoni. |
(4) |
L-EIT huwa stabbilit biex jikkomplementa l-politiki u l-inizjattivi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti permezz tat-trawwim tal-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfien – l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni – mal-Unjoni kollha. |
(5) |
L-EIT jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar li tiffaċċja s-soċjetà, u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività sostenibbli tal-Unjoni. |
(6) |
L-EIT, permezz tal-KKI, jenħtieġ li jkollu l-għan li jsaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni madwar l-Unjoni b'mod miftuħ u trasparenti. Biex jilħaq dak l-objettiv, l-EIT jenħtieġ li jiffaċilita u jsaħħaħ in-networking, l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni u jippromwovi sinerġiji bejn il-komunitajiet differenti tal-innovazzjoni fl-Ewropa kollha. L-EIT għandu wkoll l-għan li jwettaq il-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi u l-politiki tal-Unjoni, inklużi dawk imsemmija fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, tas-27 ta' Mejju 2020 dwar il-baġit tal-UE li jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa (Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa), tad-19 ta' Frar 2020 dwar strateġija Ewropea għad-data, tal-10 ta' Marzu 2020 dwar Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali u tal-10 ta' Marzu 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, u dawk relatati mal-kisba tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni, filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa. Barra minn hekk, l-EIT jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfidi globali, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti billi jsegwi l-prinċipji tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-"Aġenda 2030") u l-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (5) (Il-‘Ftehim ta' Pariġi’), u għall-kisba ta' tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra (GHG) sa mhux aktar tard mill-2050. It-tranżizzjoni tkun possibbli biss permezz ta' spinta fir-riċerka u l-innovazzjoni, li tissottolinja l-ħtieġa li jiġu rinfurzati kundizzjonijiet favorevoli u investimenti fit-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien tal-Ewropa u l-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa, b'mod partikolari f'teknoloġiji u innovazzjonijiet ekoloġiċi li ma jagħmlux ħsara lill-klima. |
(7) |
L-EIT jenħtieġ li jtejjeb il-ftuħ tal-KKI sabiex isaħħaħ ir-rabtiet kollaborattivi u joħloq sinerġiji bejn il-komunitajiet tal-innovazzjoni differenti fl-Ewropa, u b'hekk jiffaċilita d-diversità ġeografika u ċ-ċirkolazzjoni tat-talenti. |
(8) |
L-oqsma prijoritarji u l-ħtiġijiet finanzjarji tal-EIT għal perjodu ta' seba' snin, li jkopru l-qafas finanzjarju pluriennali (il-QFP) rilevanti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni (l-ASI). L-ASI jenħtieġ li tkun allinjata ma' Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont Ewropa), stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), inkluż fir-rigward tar-rappurtar, monitoraġġ, evalwazzjoni u rekwiżiti oħra stabbiliti f’dak ir-Regolament, u jenħtieġ li tqis l-ippjanar strateġiku ta' Orizzont Ewropa. L-ASI jenħtieġ li tistabbilixxi u trawwem sinerġiji ma' partijiet oħra ta' Orizzont Ewropa, ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni tal-QFP u inizjattivi, politiki u strumenti rilevanti oħra tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari ma' dawk li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-industrija sostenibbli u kompetittiva, l-intraprenditorija u l-iżvilupp reġjonali. Minħabba l-importanza tal-ASI għall-politika tal-innovazzjoni tal-Unjoni u l-impatt soċjoekonomiku mistenni fuq l-Unjoni, l-ASI jenħtieġ li tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni. Dik il-proposta tal-Kummissjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni pprovduta mill-EIT. Dik il-kontribuzzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill. |
(9) |
Il-kriżi li rriżultat mit-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat tfixkil enormi fis-sistemi ekonomiċi u tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri. Il-kollaborazzjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni se jkunu meħtieġa biex jingħelbu l-impatti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u teknoloġiċi mill-kriżi. L-EIT u l-KKI jenħtieġ li jirrispondu bi flessibbiltà għall-isfidi u l-prijoritajiet eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda u mhux mistennija, u jenħtieġ li jkunu jistgħu jadottaw miżuri u inizjattivi biex jipprovdu appoġġ xieraq lill-ekosistemi tagħhom. B'mod partikolari, l-EIT u l-KKI jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-isforzi ta' innovazzjoni li huma meħtieġa biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, skont il-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa, l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa u l-SDGs, filwaqt li tiġi żgurata sinerġija ma' inizjattivi u sħubijiet oħra tal-Unjoni. |
(10) |
Skont ir-Regolament (UE) 2021/695, l-attivitajiet tal-EIT jenħtieġ li jindirizzaw sfidi strateġiċi fit-tul, b'mod partikolari f'oqsma transdixxiplinari u/jew interdixxiplinari, inkluż l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi mhux teknoloġiċi bħala komplement meħtieġ għal attivitajiet tal-innovazzjoni ffukati fuq it-teknoloġija. F'dan ir-rigward, l-EIT jenħtieġ li jippromwovi djalogu regolari mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka, iċ-ċentri ta' innovazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (l-SMEs), l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u r-rappreżentanti tal-industrija. |
(11) |
L-EIT jenħtieġ li, permezz tal-KKI, jagħti prijorità lit-trasferiment tal-attivitajiet tiegħu tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni u tal-intraprenditorija lill-kuntest tan-negozju u lill-applikazzjoni kummerċjali tagħhom u jappoġġja l-kapaċità tal-innovazzjoni u tal-intraprenditorija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-ħolqien u l-iżvilupp ta' negozji innovattivi, b'mod komplimentari mal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), kif ukoll il-partijiet rilevanti l-oħra ta' Orizzont Ewropa u l-Programm InvestEU stabbilit bir-Regolament (EU) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
(12) |
L-EIT jenħtieġ li jopera permezz ta' Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati mmexxija mill-eċċellenza tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tar-riċerka, kumpaniji u partijiet ikkonċernati oħra, inklużi SMEs u kumpaniji pubbliċi, kif ukoll awtoritajiet lokali, intrapriżi soċjali, organizzazzjonijiet rilevanti mingħajr skop ta' qligħ u partijiet ikkonċernati oħra. Minħabba n-natura innovattiva ta' ċerti intrapriżi fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li joffru, l-organizzazzjoni tagħhom jew il-metodi ta' produzzjoni li jużaw, il-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u involviment aktar mill-qrib tal-SMEs u l-intrapriżi soċjali li jiżgura l-parteċipazzjoni attiva tagħhom jenħtieġ li jiġu segwiti. Dawk is-sħubijiet jenħtieġ li jimmiraw li jsiru finanzjarjament sostenibbli billi jużaw fondi minn sorsi pubbliċi u privati oħra u li jattiraw u jinvolvu l-aktar firxa possibbli ta' sħab ġodda. Huma jenħtieġ li jintgħażlu u jinħatru bħala KKI mill-Bord tat-Tmexxija, skont l-oqsma ta' prijorità u l-iskeda ta' żmien stabbiliti fl-ASI, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet kif stabbiliti fl-ippjanar strateġiku ta' Orizzont Ewropa, bl-għan li jiġu indirizzati l-isfidi globali u soċjali emerġenti. Dawn jenħtieġ li jintgħażlu abbażi ta' proċess kompetittiv, miftuħ, trasparenti u bbażat fuq l-eċċellenza, skont dan ir-Regolament u l-kriterji għall-għażla tas-Sħubijiet Ewropej stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695. L-ewwel KKI ta' dan it-tip, li għandha titnieda mill-aktar fis possibbli fl-2022 jew fl-2023, jenħtieġ li tkun relatata mas-Setturi u l-Industriji Kulturali u Kreattivi, u t-tieni KKI ta' dan it-tip, li għandha titnieda fl-2026, jenħtieġ li tkun relatata mas-Setturi u l-Ekosistemi tal-Ilma, tal-Baħar u Marittimi. |
(13) |
Filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tal-KKI, hu meħtieġ li jiġu previsti kundizzjonijiet minimi speċjali biex tiġi ffurmata KKI, b'deroga mir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni ta' Orizzont Ewropa. Bl-istess mod, jaf ikun hemm bżonn regoli speċifiċi dwar is-sjieda, id-drittijiet tal-aċċess, l-isfruttament u d-disseminazzjoni għall-attivitajiet ta' valur miżjud tal-KKI, fejn ikun xieraq. |
(14) |
Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jmexxi u jimmonitorja l-attivitajiet tal-EIT u jkun responsabbli għall-għażla, id-deżinjazzjoni, il-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-KKI skont ir-Regolament (UE) 2021/695 u l-ASI. Meta taħtar il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura rappreżentanza bbilanċjata ta' dawk b'esperjenza fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni jew in-negozju, kif ukoll il-bilanċ bejn il-ġeneri u l-kopertura ġeografika, bl-eċċellenza bħala prinċipju gwida. |
(15) |
L-EIT jenħtieġ li jorganizza monitoraġġ kontinwu u evalwazzjonijiet perjodiċi indipendenti esterni tal-output, tar-riżultati u tal-impatt ta' kull KKI, inkluż il-progress tagħhom lejn is-sostenibbiltà finanzjarja, il-kosteffiċjenza u l-ftuħ għal membri ġodda. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li, jinkludu rieżamijiet interim li jkopru l-ewwel tliet snin tal-ftehim ta' sħubija u t-tliet snin wara kwalunkwe estensjoni, valutazzjonijiet komprensivi mwettqa qabel tmiem is-seba' sena tal-ftehim ta' sħubija, u rieżamijiet finali mwettqa qabel tmiem il-ftehim ta' sħubija. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jieħu miżuri korrettivi fir-rigward tal-KKI meta jkun xieraq. |
(16) |
L-EIT jenħtieġ li jinforma regolarment lill-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri (MSRG) dwar il-prestazzjoni, il-kisbiet u l-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI, ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, u l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-miżuri korrettivi tagħhom. Jenħtieġ li l-MSRG jagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur dwar kwistjonijiet strateġikament importanti u jenħtieġ li jagħti pariri u jikkondividi l-esperjenza mal-EIT u mal-KKI. L-EIT jenħtieġ li jorganizza l-laqgħat tal-MSRG. |
(17) |
Biex jikkontribwixxu għall-kompetittività u jirrinforzaw l-attraenza internazzjonali tal-ekonomija Ewropea u l-kapaċità tal-innovazzjoni u tal-intraprenditorija tagħha, l-EIT u l-KKI jenħtieġ li jkunu kapaċi jattiraw organizzazzjonijiet sħab, riċerkaturi u studenti minn madwar l-Unjoni kollha, inkluż mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, u lil hinn, bħal pereżempju billi jħeġġu l-mobbiltà tagħhom. |
(18) |
Ir-relazzjonijiet bejn l-EIT u l-KKI jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ftehimiet ta' sħubija u ftehimiet ta' għotja, li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-KKI u kontribuzzjoni finanzjarja bbażata fuq il-prestazzjoni tal-EIT lill-KKI. Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq il-KKI u jiġu żgurati aktar riżorsi u attivitajiet ta' ppjanar fit-tul, l-EIT jenħtieġ li jikkonkludi ftehimiet ta' għotja pluriennali sa tliet snin mal-KKI, jew, fejn jitqies li jkun aktar xieraq, ftehimiet ta' għotja annwali. B'deroga mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ir-"Regolament Finanzjarju"), l-EIT jenħtieġ li jkun jista' jistabbilixxi tali ftehim ta' sħubija għal perjodu inizjali ta' seba' snin u, soġġett għal prestazzjoni pożittiva u riżultati pożittivi tar-rieżami interim u tal-valutazzjoni komprensiva tal-KKI, jestendih għal perjodu ieħor ta' mhux aktar minn seba' snin. Wara l-iskadenza tal-ftehim ta' sħubija, l-EIT u l-KKI jistgħu jikkonkludu memorandum ta' kooperazzjoni bil-għan li tinżamm kooperazzjoni attiva. |
(19) |
L-edukazzjoni għolja teħtieġ is-sostenn bħala komponent integrali, iżda ħafna drabi nieqes, tat-triangolu tal-għarfien. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja parteċipanti u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jenħtieġ li jagħtu lawrji u diplomi permezz tal-KKI skont ir-regoli nazzjonali u l-proċeduri ta' akkreditazzjoni. Il-ftehimiet ta' sħubija, il-ftehimiet ta' għotja u l-memoranda ta' kooperazzjoni bejn l-EIT u l-KKI jenħtieġ li jipprevedu li dawk il-lawrji u d-diplomi jiġu indikati wkoll bħala lawrji u diplomi tal-EIT. Barra minn hekk, l-EIT jenħtieġ li jsaħħaħ il-promozzjoni tal-lawrji u d-diplomi bit-tikketta tal-EIT sabiex iżid ir-rikonoxximent tagħhom barra mill-Komunità tal-EIT u jestendi l-użu tagħhom għal programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, taħriġ vokazzjonali, taħriġ tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u programmi ta' titjib tal-ħiliet. Permezz tal-attivitajiet u l-ħidma tiegħu, l-EIT jenħtieġ li, skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jgħin jippromwovi l-mobbiltà għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal, kif ukoll jipprovdi opportunitajiet għal tagħlim tul il-ħajja, mentoring u coaching. |
(20) |
Jenħtieġ li jiġu adottati dispożizzjonijiet adattati li jiggarantixxu r-responsabbiltà, il-ftuħ u t-trasparenza tal-EIT. Jenħtieġ li fl-Istatuti tal-EIT jiġu stabbiliti regoli adattati li jirregolaw il-governanza u l-funzjonament tiegħu. |
(21) |
L-EIT jenħtieġ li jkollu personalità ġuridika u, biex tkun żgurata l-awtonomija u l-indipendenza funzjonali tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali u minn pressjonijiet esterni, dan jenħtieġ li jamministra l-baġit tiegħu stess li d-dħul tiegħu jenħtieġ li jinkludi kontribuzzjoni tal-Unjoni. |
(22) |
Huwa mistenni li l-industrija, kif ukoll is-setturi finanzjarji u tas-servizzi jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-baġit tal-KKI. Il-KKI jenħtieġ li, b'mod partikolari, jimmiraw li jimmassimizzaw is-sehem tal-kontribuzzjonijiet minn sorsi privati u mid-dħul iġġenerat mill-attivitajiet tagħhom u li jsegwu u jiksbu s-sostenibbiltà finanzjarja, sa mhux aktar tard mill-iskadenza ta' 15-il sena ta' appoġġ finanzjarju mill-EIT. Il-KKI u l-organizzazzjonijiet sħab tagħhom jenħtieġ li jippubbliċizzaw il-fatt li l-attivitajiet tagħhom iseħħu fil-kuntest tal-EIT u li dawn jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-trasparenza tal-finanzjament jenħtieġ li tiżdied billi tiġi pprovduta informazzjoni pubblikament disponibbli dwar liema proġetti huma ffinanzjati u dwar l-allokazzjoni tal-finanzjament. |
(23) |
Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun applikabbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni li tkun imħallsa mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-awditjar tal-kontijiet jenħtieġ li tagħmlu l-Qorti tal-Awdituri skont ir-Regolament Finanzjarju. |
(24) |
L-EIT jenħtieġ li jagħmel l-aħjar sforzi biex jiffaċilita tranżizzjoni bla xkiel bejn il-perjodi tal-QFP, b'mod partikolari għall-attivitajiet li jkunu għaddejjin. |
(25) |
Id-dħul tal-EIT jenħtieġ li jinkludi l-kontribuzzjoni mill-Unjoni pprovduta mill-kontribuzzjoni finanzjarja minn Orizzont Ewropa. Dak id-dħul jenħtieġ li jkun jista' jinkludi kontribuzzjonijiet minn sorsi privati u pubbliċi oħra. |
(26) |
L-EIT huwa korp stabbilit mill-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 70 tar-Regolament Finanzjarju u jenħtieġ li jadotta r-regoli finanzjarji tiegħu skont dan. Konsegwentement, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (10) jenħtieġ li japplika għall-EIT. |
(27) |
L-EIT jenħtieġ li jadotta rapport annwali konsolidat tal-attività, li jiddeskrivi l-attivitajiet imwettqa u r-riżultati tal-operazzjonijiet fis-sena kalendarja preċedenti. L-EIT jenħtieġ li jadotta wkoll dokument uniku ta' programmazzjoni, ibbażat fuq l-ASI, skont ir-regoli finanzjarji tiegħu, li jiddeskrivi l-inizjattiva ppjanata tiegħu mil-lat ta' programmazzjoni annwali u pluriennali u li jippermetti lill-EIT jirreaġixxi għal żviluppi interni u esterni fl-oqsma tar-riċerka, tas-soċjetà, tat-teknoloġija, tal-edukazzjoni għolja, tal-innovazzjoni u ta' oqsma rilevanti oħrajn. Jenħtieġ li dak id-dokument uniku ta' programmazzjoni jiġi trażmess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal skopijiet ta' informazzjoni. |
(28) |
Sa mill-ħolqien tiegħu, l-EIT ibbenefika mill-għarfien espert tal-persunal tiegħu. Madankollu, minħabba l-qafas ġuridiku applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 294/2008, xi wħud minn dawk il-kuntratti tal-persunal skadew mingħajr il-possibbiltà ta' tiġdid. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni bħal din fil-futur, u minħabba l-importanza tal-għarfien espert uman għas-suċċess tal-attivitajiet tal-EIT, ikun fl-aħjar interessi tal-EIT li jagħmel kull sforz, fi ħdan il-qafas ġuridiku applikabbli, biex jattira u jżomm persunal ikkwalifikat. |
(29) |
Huwa xieraq li l-Kummissjoni tibda evalwazzjonijiet indipendenti u esterni tal-operat tal-EIT, inklużi l-attivitajiet immaniġġjati permezz tal-KKI, b'mod partikolari bil-ħsieb li tħejji l-ASI. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jeżaminaw kif l-EIT jissodisfa l-missjoni u l-objettivi tiegħu u jkopru l-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI. Jenħtieġ li jivvalutaw il-valur miżjud tal-Unjoni tal-EIT, l-impatt madwar l-Unjoni u l-impatt tal-attivitajiet tal- Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali (RIS), il-ftuħ, l-effikaċja, l-effiċjenza, l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, il-komunikazzjoni, il-viżibbiltà, id-disseminazzjoni tar-riżultati, ir-rilevanza tal-attivitajiet segwiti u jekk humiex konsistenti ma' politiki nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, inkluż kwalunkwe sinerġija ma' partijiet oħra ta' Orizzont Ewropa. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet ta' Orizzont Ewropa mwettqa mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/695. |
(30) |
L-EIT jenħtieġ li jagħmel l-aħjar sforzi biex jissimplifika t-terminoloġija relatata mal-istruttura ta' kull KKI, bil-għan li jkompli jissimplifika u jsaħħaħ ir-rikonoxxibbiltà tal-EIT. |
(31) |
Sabiex jikkontribwixxi għall-indirizzar tad-disparitajiet fl-innovazzjoni fl-Ewropa, l-EIT jenħtieġ li, b'mod partikolari permezz tal-Iskema ta' Innovazzjoni Reġjonali (RIS), kif stabbilit ulterjorment fl-ASI, jappoġġja l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-pajjiżi u r-reġjuni, jimmira li jsaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi globali u jintegra organizzazzjonijiet sħab ġodda fil-KKI. |
(32) |
Il-KKI, filwaqt li jaġixxu bħala faċilitatur tal-innovazzjoni, jenħtieġ li jikkunsidraw il-prijoritajiet tal-istrateġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tal-Istati Membri u jsaħħu l-kapaċità tal-innovazzjoni tagħhom billi jirriflettu b'mod sħiħ il-kapaċitajiet reġjonali u l-punti b'saħħithom, l-opportunitajiet, id-dgħufijiet, kif ukoll l-atturi lokali u l-attivitajiet u s-swieq tagħhom. |
(33) |
Huwa essenzjali li jiġu promossi sinerġiji b'saħħithom bejn l-EIT u l-EIC. Jenħtieġ li l-KKI jistimulaw il-ħolqien ta' negozji innovattivi f'sinerġija mill-qrib mal-EIC, filwaqt li jevitaw id-duplikazzjoni, u l-benefiċjarji tal-EIT jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw l-istrumenti tal-EIC għal appoġġ addizzjonali għas-servizzi pprovduti mill-KKI. B'mod partikolari, in-negozji ġodda b'potenzjal ta' tkabbir għoli appoġġjati mill-KKI jenħtieġ li jkollhom aċċess simplifikat u b'hekk aktar mgħaġġel għall-azzjonijiet tal-EIC skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/695 sabiex jingħataw għajnuna biex jespandu malajr, filwaqt li l-benefiċjarji tal-EIC jenħtieġ li jibbenefikaw mill-iskemi ta' appoġġ ipprovduti mill-EIT. Sabiex tiġi evitata l-kompartimentalizzazzjoni u jiġu promossi s-sinerġiji u l-kollaborazzjoni, l-EIT u l-EIC jenħtieġ li jipprevedu skambji ta' informazzjoni reċiproċi u sistematiċi. Fejn rilevanti, il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jkun jista' jistieden lill-membri tal-Bord tal-EIC għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi. |
(34) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/695, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li japplikaw ċerti dispożizzjonijiet tiegħu, b'effett retroattiv, mill-1 ta' Jannar 2021. |
(35) |
Ladarba l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri iżda jistgħu minflok, għal raġunijiet ta' skala u ta' transnazzjonalità, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dawk l-objettivi jintlaħqu, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
"innovazzjoni" tfisser il-proċess, inkluż l-eżitu tiegħu, li permezz tiegħu jiddaħħlu ideat ġodda b'suċċess f'suq eżistenti li jkunu jirrispondu għad-domanda u l-ħtiġijiet tas-soċjetà, ekonomiċi jew ambjentali u li jkunu jiġġeneraw prodotti, proċessi, servizzi jew mudelli tan-negozju, organizzattivi u soċjali jew li jkunu kapaċi joħolqu swieq ġodda u li jipprovdu ċertu valur lis-soċjetà; |
(2) |
"Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni" jew "KKI" tfisser Sħubija Ewropea Istituzzjonalizzata fuq skala kbira, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2021/695, ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tar-riċerka, kumpaniji u partijiet ikkonċernati oħra fil-proċess tal-innovazzjoni fil-forma ta' network strateġiku, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, ibbażata fuq ippjanar konġunt tal-innovazzjoni għal perjodu medju u fit-tul biex jingħelbu l-isfidi tal-EIT u jingħata kontribut ħalli jintlaħqu l-objettivi stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2021/695; |
(3) |
"ċentru ta' kolokazzjoni" tfisser ċentru fiżiku, stabbilit b'mod miftuħ u trasparenti, li jippromwovi rabtiet bejn l-atturi tat-triangolu tal-għarfien u kollaborazzjoni attiva bejniethom u jaġixxi bħala punt fokali għall-iskambju tal-għarfien u li permezz tiegħu s-sħab tal-KKI jkunu jistgħu jaċċessaw il-faċilitajiet u l-għarfien espert meħtieġ biex isegwu l-objettivi komuni tagħhom; |
(4) |
"ċentru tal-RIS" tfisser ċentru fiżiku, stabbilit b’KKI u li jifforma parti mill-istruttura tagħha, fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat fil-mira tal-RIS li jservi bħala punt fokali għall-attivitajiet tal-KKI u għall-mobilizzazzjoni u l-involviment ta' atturi tat-triangolu tal-għarfien lokali fl-attivitajiet tal-KKI; |
(5) |
"organizzazzjoni sieħba" tfisser entità ġuridika li hija membru ta' KKI u li tista' tinkludi, b'mod partikolari, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, organizzazzjonijiet tar-riċerka, istituzzjonijiet pubbliċi, kumpaniji pubbliċi jew privati, istituzzjonijiet finanzjarji, awtoritajiet reġjonali u lokali, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ; |
(6) |
"organizzazzjoni tar-riċerka" tfisser entità ġuridika pubblika jew privata li fost l-objettivi ewlenin tagħha twettaq żvilupp tar-riċerka jew teknoloġiku; |
(7) |
"istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja" jew "HEI" tfisser università jew xi tip ta' istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li, skont id-dritt jew il-prassi nazzjonali, joffru lawrji u diplomi b'mod partikolari fil-livell ta' masters jew dottorat, irrispettivament mid-denominazzjoni tagħha fil-kuntest nazzjonali; |
(8) |
"Komunità tal-EIT" tfisser l-EIT u l-komunità attiva tal-individwi u l-entitajiet ġuridiċi li bbenefikaw jew jibbenefikaw mill-appoġġ jew mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-EIT; |
(9) |
"L-Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni" jew l-"ASI" tfisser att li jistabbilixxi l-oqsma ta' prijorità u l-istrateġija tal-EIT għall-inizjattivi futuri, il-kapaċità tal-EIT li tiġġenera l-aqwa valur miżjud tal-innovazzjoni, objettivi, azzjonijiet ewlenin, il-mod ta' kif taħdem, ir-riżultati mistennija u l-impatt tal-EIT, kif ukoll stima tar-riżorsi meħtieġa għall-perjodu tal-Orizzont Ewropa u tal-QFP; |
(10) |
"L-Iskema tal-Innovazzjoni Reġjonali" jew l-"RIS" tfisser skema li trawwem l-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfien u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-pajjiżi, (u r-reġjuni f'dawk il-pajjiżi) li huma kklassifikati bħala innovaturi "moderati" jew "modesti" fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea kif imsemmi fl-ASI u tar-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari billi tattira u tintegra sħab ġodda fil-KKI u tnaqqas id-disparitajiet reġjonali, u b'hekk tnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni; |
(11) |
"forum tal-partijiet ikkonċernati" tfisser pjattaforma miftuħa għar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, entitajiet individwali jew ta' interess organizzat mid-dinja tan-negozju, tal-edukazzjoni għolja, tar-riċerka, assoċjazzjonijiet, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet raggruppati, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra min-naħa tat-triangolu tal-għarfien; |
(12) |
"pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-KKI" tfisser dokument anness mal-ftehim ta' għotja li jkopri perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin, li jiddeskrivi l-objettivi tal-KKI, il-mod li bih għandhom jinkisbu, ir-riżultati mistennija, l-attivitajiet ta' valur miżjud tal-KKI ppjanati u l-ħtiġijiet u r-riżorsi finanzjarji relatati, inklużi l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jiksbu s-sostenibbiltà finanzjarja u jżidu l-ftuħ tal-KKI għal sħab ġodda minn madwar l-Unjoni; |
(13) |
"attivitajiet ta' valur miżjud tal-KKI" tfisser attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet sħab skont il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-KKI, li jkunu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfien tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet tal-istabbiliment, tal-amministrazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-KKI, u li jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-EIT; |
(14) |
"attivitajiet trasversali tal-KKI" tfisser attivitajiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn il-KKI, li jrawmu approċċ aktar interdixxiplinari u li joħolqu massa kritika fost il-KKI biex jindirizzaw suġġetti ta' interess komuni; |
(15) |
"memorandum ta' kooperazzjoni" tfisser ftehim bejn l-EIT u KKI, bil-ħsieb li KKI tibqa' membru attiv tal-Komunità tal-EIT wara l-iskadenza tal-ftehim ta' sħubija, u li jinkludi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-sejħiet kompetittivi tal-EIT għal xi attivitajiet speċifiċi u attivitajiet transnazzjonali b'valur miżjud għoli tal-Unjoni; |
(16) |
"sostenibbiltà finanzjarja" tfisser il-kapaċità ta' KKI li tiffinanzja l-attivitajiet tat-triangolu tal-għarfien tagħha indipendentement mill-kontribuzzjonijiet mill-EIT. |
Artikolu 3
Missjoni u objettivi
1. Il-missjoni tal-EIT hi li jikkontribwixxi għal tkabbir u kompetittività ekonomika sostenibbli fl-Unjoni, bit-tisħiħ tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri ħalli jingħelbu l-isfidi l-kbar li tiffaċċja s-soċjetà. Dan għandu jagħmlu billi jippromwovi sinerġiji, integrazzjoni u kooperazzjoni fost l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-aqwa standards, inkluż permezz tat-trawwim tal-intraprenditorija, u b'hekk isaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni madwar l-Unjoni b'mod miftuħ u trasparenti. L-EIT għandu wkoll iwettaq il-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi u l-politiki tal-Unjoni, inklużi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta' Rkupru Ewropew, l-Istrateġija Ewropea għad-Data, l-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali u l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa u dawk relatati mal-kisba tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni, filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa. Barra minn hekk, huwa għandu jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfidi globali, inklużi l-SDGs, billi jsegwi l-prinċipji tal-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta' Pariġi, u jikseb ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra sa mhux aktar tard mill-2050.
2. Għall-perjodu baġitarju tal-2021-2027, l-EIT għandu jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi ta' Orizzont Ewropa billi jqis b'mod sħiħ l-ippjanar strateġiku tiegħu.
Artikolu 4
L-ASI
1. L-ASI għandha tistabbilixxi l-oqsma prijoritarji u l-istrateġija tal-EIT għall-perjodu ta' seba' snin ikkonċernat, skont l-objettivi u l-prijoritajiet ta' Orizzont Ewropa stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695, u għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku mistenni tal-EIT, l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tagħha u l-kapaċità tagħha li tiġġenera l-aqwa valur miżjud tal-innovazzjoni. L-ASI għandha tkun allinjata mar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u rekwiżiti oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695 u għandha tqis ir-riżultati tal-monitoraġġ kontinwu u l-evalwazzjoni indipendenti perjodika tal-EIT kif imsemmi fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament.
2. L-ASI għandha tqis l-ippjanar strateġiku ta' Orizzont Ewropa filwaqt li tiżgura l-koerenza mal-isfidi ta' dak il-programm, kif ukoll il-komplementarjetà mal-EIC stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/695, u għandha tistabbilixxi u trawwem sinerġiji u komplementarjetajiet adatti bejn attivitajiet tal-EIT u programmi rilevanti oħra tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-industrija sostenibbli u kompetittiva, l-intraprenditorija u l-iżvilupp reġjonali.
3. L-ASI għandha tinkludi stima tal-ħtiġijiet u s-sorsi finanzjarji bil-ħsieb tal-operat futur, u l-iżvilupp u l-finanzjament fit-tul tal-EIT. Għandha tinkludi wkoll pjan finanzjarju indikattiv li jkopri l-perjodu tal-QFP rilevanti.
4. L-EIT, wara li jikkonsulta lill-KKI eżistenti u jqis l-opinjonijiet tagħhom, għandu jħejji kontribut għall-proposta tal-Kummissjoni dwar l-ASI u jissottomettih lill-Kummissjoni; Il-kontribut tal-EIT għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.
5. Filwaqt li jaġixxu fuq il-proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw l-ASI skont l-Artikolu 173(3) tat-TFUE.
Artikolu 5
Il-korpi tal-EIT u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri
1. Il-korpi tal-EIT għandhom jinkludu dawk stabbiliti f'dan il-paragrafu.
Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn membri ta' livell għoli b'esperjenza ppruvata fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni jew in-negozju. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun responsabbli għat-tmexxija u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-EIT, għall-għażla, il-ħatra, il-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-KKI, inkluż it-teħid ta' miżuri korrettivi xierqa fil-każ ta' sottoprestazzjoni tal-KKI, u għad-deċiżjonijiet strateġiċi l-oħra. L-għażla tal-Bord tat-Tmexxija għandha tqis kriterji li jikkonċernaw il-bilanċ bejn il-ġeneri u l-bilanċ ġeografiku. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu.
Kumitat Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn membri magħżula li jirrappreżentaw it-tliet dimensjonijiet kollha tat-triangolu tal-għarfien u mill-President tal-Bord tat-Tmexxija. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jassisti lill-Bord tat-Tmexxija fit-twettiq ta' dmirijietu u għandu jħejji l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija b'kooperazzjoni mad-Direttur.
Direttur għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija. Id-Direttur għandu jaġixxi bħala r-rappreżentant legali tal-EIT u għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija, u għall-operazzjonijiet u l-ġestjoni ta' kuljum tal-EIT.
Funzjoni ta' Awditjar Intern għandha topera b'indipendenza sħiħa u b'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti. Il-Funzjoni ta' Awditjar Intern għandha tagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur dwar strutturi ta' ġestjoni u kontroll finanzjarji u amministrattivi fi ħdan l-EIT, dwar l-organizzazzjoni ta' relazzjonijiet finanzjarji mal-KKI u dwar kwalunkwe suġġett ieħor mitlub mill-Bord tat-Tmexxija.
2. Dispożizzjonijiet dettaljati rigward il-korpi tal-EIT huma pprovduti fl-Istatuti tal-EIT, li huma stabbiliti fl-Anness I.
3. Il-grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri (MSRG) għandu jiġi stabbilit.
L-MSRG għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn kull pajjiż assoċjat.
L-MSRG għandu jagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur:
(a) |
dwar l-estensjoni jew it-terminazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija tal-EIT mal-KKI, kif imsemmi fil-punt 6 tat-Taqsima 3 tal-Anness I; |
(b) |
dwar il-konklużjoni ta' memorandum ta' kooperazzjoni ma' kull KKI, kif imsemmi fil-punt 6 tat-Taqsima 3 tal-Anness I; u |
(c) |
dwar kwistjonijiet strateġikament importanti għall-EIT għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b), li jaqsmu l-esperjenzi f'dan ir-rigward. |
L-MSRG għandu wkoll jagħti pariri u jaqsam l-esperjenzi mal-KKI.
L-MSRG għandu jiġi informat regolarment dwar il-prestazzjoni, il-kisbiet u l-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI, ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, u l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-miżuri korrettivi tagħhom. L-MSRG għandu jipprovdi l-opinjoni tiegħu f'dan ir-rigward.
IL-MSRG għandu jiffaċilita sinerġiji u komplementarjetajiet xierqa bejn l-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI mal-programmi u inizjattivi nazzjonali, inkluż il-kofinanzjament nazzjonali potenzjali tal-attivitajiet tal-KKI.
Artikolu 6
Il-kompiti
Biex jikseb il-missjonijiet u l-objettivi tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 3, l-EIT għandu tal-inqas iwettaq dan li ġej:
(a) |
jidentifika, skont l-ASI, il-prijoritajiet u l-attivitajiet ewlenin tiegħu, u jimplimentahom skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/695; |
(b) |
jiżgura ftuħ lejn organizzazzjonijiet sħab ġodda potenzjali u jqajjem kuxjenza fosthom u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tiegħu, b'mod partikolari l-SMEs u ċ-ċentri ta' eċċellenza emerġenti, madwar l-Unjoni, inkluż permezz tal-RIS, billi jibni fuq networks ta' informazzjoni u strutturi eżistenti; |
(c) |
jagħżel u jaħtar KKI skont l-Artikolu 9 u jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-KKI permezz ta' ftehimiet ta' sħubija u ftehimiet ta' għotja, jissorvelja u jipprovdi lill-KKI l-appoġġ meħtieġ u gwida strateġika, b'miżuri xierqa tal-kontroll tal-kwalità, monitoraġġ kontinwu u evalwazzjoni perjodika esterna tal-attivitajiet tagħhom skont l-Artikolu 11, u jieħu miżuri korrettivi meta jkun xieraq; |
(d) |
imexxi l-implimentazzjoni tal-RIS, inkluż permezz tal-implimentazzjoni taċ-ċentri tal-RIS mill-KKI; |
(e) |
jiżgura livell xieraq ta' koordinazzjoni u jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni tematika bejn il-KKI u joħroġ sejħiet għal attivitajiet u servizzi konġunti fost il-KKI; |
(f) |
jiżgura l-implimentazzjoni mifruxa ta' lawrji u diplomi bit-tikketta tal-EIT mill-KKI, isaħħaħ il-promozzjoni tagħhom barra mill-Komunità tal-EIT u jestendihom għall-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja; |
(g) |
jippromwovi d-disseminazzjoni tal-aqwa prassi għall-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfien, inkluż fost il-KKI u madwar l-Unjoni, inter alia permezz tal-RIS, biex joħloq kultura komuni ta' innovazzjoni u trasferiment tal-għarfien, u jħeġġeġ l-ftuħ tal-KKI lejn membri ġodda permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni; |
(h) |
jippromwovi d-disseminazzjoni, il-komunikazzjoni u l-isfruttament wiesgħa tar-riżultati u tal-opportunitajiet li joħorġu mill-Komunità tal-EIT, sabiex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni, il-viżibbiltà u l-għarfien tal-EIT madwar l-Unjoni, kif ukoll biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Komunità tal-EIT; |
(i) |
jappoġġja l-KKI fl-iżvilupp ta' strateġija effettiva għas-sostenibbiltà finanzjarja għall-mobilizzazzjoni ta' fondi minn sorsi pubbliċi u privati oħra; |
(j) |
irawwem l-eċċellenza fl-edukazzjoni għolja, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, b'mod partikolari billi jippromwovi l-KKI bħala sħab eċċellenti tal-innovazzjoni; |
(k) |
jippromwovi approċċi multidixxiplinari għall-innovazzjoni, fis-setturi kollha, inkluż permezz tal-integrazzjoni ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi, soċjali u mhux teknoloġiċi, is-sostenibbiltà u n-newtralità klimatika sa mid-disinn, approċċi organizzattivi, enfasi fuq l-intraprenditorija u mudelli ġodda tan-negozju; |
(l) |
jiżgura sinerġiji u komplementarjetajiet bejn l-attivitajiet tal-EIT u programmi oħra tal-Unjoni, fejn xieraq, skont ir-Regolament (UE) 2021/695; |
(m) |
irawwem id-diskussjoni u l-iskambju u d-disseminazzjoni ta' għarfien espert u know-how bejn il-KKI fir-rigward tal-mudelli innovattivi tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, bl-għan li jippromwovi t-trasferiment u d-disseminazzjoni tal-għarfien, kemm fil-kuntest tal-KKI kif ukoll b'mod aktar wiesa' madwar l-Unjoni; |
(n) |
jipprovdi l-appoġġ meħtieġ u jrawwem is-sinerġiji mal-KKI għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi; |
(o) |
jorganizza laqgħat regolari, mill-inqas kull sentejn, ta' forum tal-partijiet ikkonċernati biex jikkondividi u jiddiskuti l-attivitajiet tal-EIT, l-esperjenzi tiegħu, l-aqwa prassi u l-kontribut għall-politiki u l-objettivi tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-edukazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll politiki u objettivi oħrajn tal-Unjoni meta jkun rilevanti, u biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom; |
(p) |
tal-inqas darbtejn fis-sena, jorganizza laqgħat tal-MSRG, indipendentement mil-laqgħat tal-forum tal-partijiet ikkonċernati. |
(q) |
jiffaċilita l-istabbiliment tal-faċilitajiet tas-servizzi kondiviżi tal-Komunità tal-EIT; |
(r) |
iħeġġeġ in-networking, maż-żmien, taċ-ċentri tal-RIS u taċ-ċentri ta' kolokazzjoni fl-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tagħhom fil-Komunità tal-EIT u mal-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali; |
(s) |
jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-KKI għall-iżvilupp tal-kapaċità intraprenditorjali u tal-innovazzjoni tal-organizzazzjonijiet membri tagħhom, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-SMEs u n-negozji ġodda u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekosistemi tal-innovazzjoni, fl-Unjoni kollha u f'konformità mal-approċċ tat-triangolu tal-għarfien; |
(t) |
ifassal, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-KKI, iniedi u jikkoordina inizjattiva pilota li tappoġġja l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u intraprenditorjali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekosistemi tal-innovazzjoni (inizjattiva pilota għall-edukazzjoni għolja), li għandha tiġi implimentata permezz tal-KKI. |
Artikolu 7
Il-KKI
1. Il-KKI għandhom iwettqu tal-anqas dan li ġej:
(a) |
attivitajiet ta' innovazzjoni u investimenti b'valur miżjud tal-Unjoni, inkluż il-faċilitazzjoni tal-ħolqien ta' negozji ġodda innovattivi u l-iżvilupp ta' negozji innovattivi b'komplementarjetà mal-EIC u l-programm InvestEU, li jintegraw għalkollox id-dimensjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tar-riċerka ħalli jiksbu massa kritika u jistimulaw id-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati; |
(b) |
riċerka, esperimentazzjoni, prototipar u dimostrazzjoni mmexxija mill-innovazzjoni f'oqsma ta' interess ekonomiku, ambjentali u soċjetali ewlieni u bbażati fuq ir-riżultati li jirriżultaw mir-riċerka tal-Unjoni u nazzjonali, bil-potenzjal li ssaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni fil-livell internazzjonali u ssib soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar li għandha s-soċjetà Ewropea, inklużi dawk relatati mas-saħħa u mas-suq diġitali; |
(c) |
attivitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ b'mod partikolari fil-livelli ta' masters u dottorat, kif ukoll korsijiet ta' taħriġ professjonali f'oqsma bil-potenzjal li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjoekonomiċi u soċjoekoloġiċi Ewropej futuri u li jwessgħu l-bażi tat-talent tal-Unjoni, jippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet relatati mal-innovazzjoni, it-titjib tal-ħiliet maniġerjali u intraprenditorjali u l-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-istudenti, u jrawmu l-kondiviżjoni tal-għarfien, il-mentoring u n-networking fost dawk li jirċievu l-attivitajiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-EIT, inkluż dawk bit-tikketta tal-EIT; |
(d) |
azzjonijiet bħala parti mill-inizjattiva pilota tal-edukazzjoni għolja biex jintegraw aħjar fil-katini tal-valur u l-ekosistemi tal-innovazzjoni l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u biex ilaqqgħuhom ma' atturi tal-innovazzjoni ewlenin oħra mit-triangolu tal-għarfien u għaldaqstant tittejjeb il-kapaċità intraprenditorjali u ta' innovazzjoni tagħhom; |
(e) |
attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u d-disseminazzjoni tal-aqwa prassi fil-qasam tal-innovazzjoni b'enfasi fuq l-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju, inklużi s-setturi finanzjarji u dawk tas-servizzi, u fejn ikun rilevanti, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u tat-tielet settur; |
(f) |
attivitajiet tal-RIS, integrati bis-sħiħ fl-istrateġija pluriennali tal-KKI u marbuta mal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti rilevanti, kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/695 sabiex tissaħħaħ il-kapaċità ta' innovazzjoni u jiġu żviluppati ekosistemi tal-innovazzjoni sostenibbli bil-għan li jitnaqqsu d-disparitajiet u d-distakk fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni fl-Unjoni kollha; |
(g) |
tiftix ta' sinerġiji u komplementarjetajiet bejn l-attivitajiet tal-KKI u l-programmi tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali eżistenti, b'mod partikolari l-EIC, Sħubijiet Ewropej oħra u missjonijiet ta' Orizzont Ewropa, kif xieraq; |
(h) |
mobilizzazzjoni ta' fondi minn sorsi pubbliċi u privati, b'mod partikolari biex jippruvaw iżidu proporzjon dejjem akbar mill-baġit tagħhom minn sorsi privati u minn dħul ġenerat mill-attivitajiet tagħhom stess, skont l-Artikolu 18; |
(i) |
tqegħid għad-dispożizzjoni, fuq talba, ta' informazzjoni dwar l-outputs u r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni, u d-drittijiet intellettwali relatati, żviluppati skont l-attivitajiet tal-KKI, u dwar l-inventuri rilevanti. |
2. Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet ta' sħubija u l-ftehimiet ta' għotja bejn l-EIT u l-KKI, il-KKI għandu jkollhom awtonomija sostanzjali biex jistabbilixxu l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni interna tagħhom, kif ukoll l-aġenda u l-metodi ta' ħidma tagħhom, dment li dawn jirriżultaw fi progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-EIT u tal-KKI, filwaqt li jqisu l-ippjanar strateġiku ta' Orizzont Ewropa u d-direzzjoni strateġika tal-EIT stabbiliti fl-ASI u mill-Bord tat-Tmexxija.
B'mod partikolari, il-KKI għandhom:
(a) |
jistabbilixxu arranġamenti ta' governanza trasparenti interni li jirriflettu t-triangolu tal-għarfien tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni; |
(b) |
jiżguraw u jippromwovu l-attitudni miftuħa tagħhom permezz ta' kriterji ta' adeżjoni u ta' ħruġ ċari u trasparenti, inkluż permezz ta' sejħiet miftuħa, lill-organizzazzjonijiet sħab ġodda potenzjali madwar l-Unjoni li jżidu l-valur tas-sħubija; |
(c) |
jistabbilixxu regoli interni, fosthom kodiċijiet ta' kondotta, li jiżguraw il-funzjonament tagħhom b'mod miftuħ u trasparenti; |
(d) |
jistabbilixxu u jimplimentaw il-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju tagħhom; |
(e) |
jistabbilixxu u jimplimentaw strateġiji għall-kisba tas-sostenibbiltà finanzjarja. |
3. Il-KKI jistgħu jadottaw miżuri u inizjattivi bl-għan li jimmitigaw l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19, b'mod partikolari azzjonijiet bl-għan li jżidu r-reżiljenza tal-mikrointrapriżi, l-SMEs u n-negozji ġodda, kif ukoll tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-impjegati.
4. Ir-relazzjoni bejn l-EIT u kull KKI għandha tkun ibbażata fuq ftehim ta' sħubija, ftehim ta' għotja jew, soġġett għall-Artikolu 12, memorandum ta' kooperazzjoni.
Artikolu 8
Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni
Għandhom japplikaw ir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni ta' Orizzont Ewropa. B'deroga minn dawk ir-regoli:
(a) |
il-kundizzjonijiet minimi biex tiġi ffurmata KKI huma stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u (4) ta' dan ir-Regolament; |
(b) |
regoli speċifiċi dwar is-sjieda, id-drittijiet tal-aċċess, l-isfruttament u d-disseminazzjoni jistgħu japplikaw għall-attivitajiet ta' valur miżjud tal-KKI, fejn xieraq. |
Artikolu 9
L-għażla u l-ħatra tal-KKI
1. Sħubija għandha tintgħażel u tinħatar mill-EIT bħala KKI wara proċedura kompetittiva, miftuħa u trasparenti. Il-kundizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695, inter alia fl-Artikolu 28(3) tiegħu, kif ukoll il-kriterji għall-għażla tas-Sħubijiet Ewropej, għandhom japplikaw. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jispeċifika dawk il-kriterji f'aktar dettall, billi jadotta u jippubblika kriterji għall-għażla tal-KKI abbażi tal-prinċipji tal-eċċellenza u tar-rilevanza għall-innovazzjoni biex jinkisbu riżultati fl-isfidi globali u fil-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.
2. L-EIT għandu jniedi l-għażla u l-ħatra tal-KKI skont l-oqsma ta' prijorità u l-iskeda ta' żmien definiti fl-ASI, b'kont meħud tal-prijoritajiet stabbiliti fl-ippjanar strateġiku ta' Orizzont Ewropa.
3. Il-kundizzjoni minima biex tiġi ffurmata KKI hija l-parteċipazzjoni ta' mill-anqas tliet organizzazzjonijiet sħab indipendenti, li li huma magħmula minn mill-anqas istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja waħda, organizzazzjoni ta' riċerka waħda u kumpannija privata waħda u li jkunu stabbiliti f'mill-anqas tliet Stati Membri differenti.
4. Minbarra l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 3, mhux inqas minn żewġ terzi tal-organizzazzjonijiet sħab li jiffurmaw KKI għandhom ikunu stabbiliti fl-Istati Membri.
5. L-EIT għandu jadotta u jippubblika l-kriterji u l-proċeduri għall-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-KKI qabel it-tnedija tal-proċedura tal-għażla għall-KKI ġodda. L-EIT għandu jinforma minnufih lill-MSRG u lill-Parlament Ewropew dwar dawk il-kriterji u l-proċeduri.
Artikolu 10
Il-prinċipji għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-KKI
L-EIT għandu, abbażi tal-indikaturi u d-dispożizzjonijiet ta' monitoraġġ stabbiliti, fost l-oħrajn, fir-Regolament (UE) 2021/695 u fl-ASI, u b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jorganizza monitoraġġ kontinwu u evalwazzjonijiet indipendenti esterni minn żmien għal żmien tal-kisbiet, ir-riżultati u l-impatt ta' kull KKI, inkluż il-progress tal-KKI lejn is-sostenibbiltà finanzjarja, il-kosteffiċjenza u l-ftuħ għal membri ġodda.
Ir-riżultati ta' dan il-monitoraġġ u ta' dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandhom isiru pubbliċi.
Artikolu 11
Id-durata, l-estensjoni u t-terminazzjoni ta' ftehim ta' sħubija
1. B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 130(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-EIT jista' jistabbilixxi ftehim ta' sħubija ma' KKI għal perjodu inizjali ta' seba' snin.
2. Abbażi ta' monitoraġġ kontinwu tal-KKI skont l-Artikolu 10, l-EIT, taħt is-superviżjoni tal-Bord tat-Tmexxija, għandu jwettaq rieżamijiet interim tal-prestazzjoni u l-attivitajiet tal-KKI li jkopru l-ewwel tliet snin tal-ftehim ta' sħubija.
Fil-każ ta' estensjoni tal-ftehim ta' sħubija, l-EIT għandu jwettaq tali rieżamijiet interim li jkopru l-ewwel tliet snin wara l-estensjoni tiegħu.
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħmel dawk ir-rieżamijiet interim pubbliċi.
3. Qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' seba' snin imsemmi fil-paragrafu 1, l-EIT, taħt is-superviżjoni tal-Bord tat-Tmexxija, għandu jwettaq valutazzjoni komprensiva tal-prestazzjoni u l-attivitajiet ta' kull KKI, bl-appoġġ ta' esperti indipendenti esterni.
4. Wara li jikkonsulta lill-MSRG, il-Bord tat-Tmexxija jista' jestendi l-ftehim ta' sħubija għal perjodu ulterjuri ta' mhux aktar minn seba' snin jew iwaqqaf il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-EIT u ma jestendix il-ftehim ta' sħubija ma' KKI abbażi ta':
(a) |
l-eżitu tar-rieżami interim imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2; u |
(b) |
l-eżitu ta' valutazzjoni komprensiva msemmija fil-paragrafu 3. |
L-EIT għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel ma jestendi l-perjodu ta' seba' snin imsemmi fil-paragrafu 1.
5. Għall-fini li jiġi deċiż jekk il-ftehim ta' sħubija ma' KKI jiġix estiż skont il-paragrafu 4, il-Bord tat-Tmexxija għandu jqis il-kriterji għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-Sħubijiet Ewropej stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695 u, fir-rigward tal-KKI, il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a) |
ir-rilevanza tagħhom għall-isfidi globali tal-Unjoni; |
(b) |
il-valur miżjud tal-Unjoni u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-objettivi tal-EIT; |
(c) |
il-kisba tal-objettivi tagħhom; |
(d) |
l-isforzi tagħhom biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ma' inizjattivi rilevanti oħra ta' riċerka u innovazzjoni; |
(e) |
il-kapaċità tagħhom li jiżguraw ftuħ għal membri ġodda; |
(f) |
il-kisbiet tagħhom fir-rigward tal-fatt li jattiraw membri ġodda mill-Unjoni kollha; |
(g) |
il-konformità tagħhom mal-prinċipji ta' governanza tajba; |
(h) |
l-isforzi u r-riżultati tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri u attivitajiet sensittivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru; u |
(i) |
il-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw ekosistemi tal-innovazzjoni sostenibbli u l-livell miksub ta' sostenibbiltà finanzjarja. |
6. F'każ li l-monitoraġġ kontinwu, rieżami interim jew il-valutazzjoni komprensiva ta' KKI imsemmija fil-paragrafu 2 u 3 turi progress inadegwat f'oqsma msemmija fl-Artikolu 10 jew nuqqas ta' valur miżjud tal-Unjoni, il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu l-miżuri korrettivi xierqa, fosthom it-tnaqqis, il-modifika jew l-irtirar tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-EIT jew it-tmiem tal-ftehim ta' sħubija.
7. L-EIT, taħt is-superviżjoni tal-Bord tat-Tmexxija, għandu jwettaq rieżami finali tal-prestazzjoni u l-attivitajiet tal-KKI qabel l-iskadenza tal-ftehim ta' sħubija. Soġġett għall-eżitu pożittiv ta' rieżami finali qabel l-iskadenza tal-ftehim qafas ta' sħubija, l-EIT jista' jikkonkludi memorandum ta' kooperazzjoni ma' KKI.
Artikolu 12
Memorandum ta' kooperazzjoni
1. Id-durata, il-kontenut u l-istruttura tal-memorandum ta' kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija, b'kont meħud ta' studju fil-fond u indipendenti. L-istudju għandu jinkludi valutazzjoni tal-isforzi tal-KKI biex tikseb sostenibbiltà finanzjarja, id-dħul iġġenerat u l-prospettiva finanzjarja tal-KKI. Barra minn hekk, il-valutazzjoni għandha tidentifika kwalunkwe attività li l-kontinwazzjoni tagħha tista' tkun f'riskju minħabba nuqqas ta' riżorsi.
2. Il-memorandum ta' kooperazzjoni għandu jinkludi:
(a) |
id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tat-triangolu tal-għarfien kif ukoll iż-żamma tal-ekosistema u n-network tal-KKI; |
(b) |
il-kundizzjonijiet għall-użu tal-marka tal-EIT u l-parteċipazzjoni fil-Premjijiet tal-EIT u f'inizjattivi oħra organizzati mill-EIT; |
(c) |
il-kundizzjonijiet għall-antiċipazzjoni f'attivitajiet ta' edukazzjoni għolja u ta' taħriġ inkluż l-użu tat-tikketta tal-EIT għall-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ u għar-relazzjonijiet mal-Komunità ta' Alumni tal-EIT; |
(d) |
il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f'sejħiet kompetittivi tal-EIT għal xi attivitajiet speċifiċi, inklużi l-attivitajiet trasversali tal-KKI u s-servizzi kondiviżi; |
(e) |
kundizzjonijiet għal appoġġ addizzjonali mill-EIT għal attivitajiet ta' koordinazzjoni transnazzjonali fost iċ-ċentri ta' kolokazzjoni b'valur miżjud għoli tal-Unjoni. |
3. Fejn ma jiġi konkluż ebda memorandum ta' kooperazzjoni, il-KKI ma għandhiex tuża l-marka tal-EIT għall-attivitajiet tagħha.
Artikolu 13
Lawrji u diplomi
1. Il-lawrji u d-diplomi relatati mal-attivitajiet tal-edukazzjoni għolja msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1) għandhom jingħataw minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja parteċipanti u fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali skont ir-regoli u l-proċeduri ta' akkreditazzjoni nazzjonali. Il-ftehimiet ta' sħubija, il-ftehimiet ta' għotja u l-memoranda ta' kooperazzjoni bejn l-EIT u l-KKI għandhom jipprevedu li dawn il-lawrji u d-diplomi jiġu indikati wkoll bħala lawrji u diplomi tal-EIT.
2. L-EIT għandu jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja parteċipanti u lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex:
(a) |
jagħtu lawrji u diplomi konġunti jew multipli, li jkunu jirriflettu n-natura integrata tal-KKI, li jistgħu jingħataw ukoll minn istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja waħda jew fornitur wieħed tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; |
(b) |
ixerrdu l-aqwa prassi dwar kwistjonijiet orizzontali; |
(c) |
jippromwovu u jirreklamaw it-tikketta tal-EIT fit-taħriġ u d-diplomi tagħhom; |
(d) |
jiżviluppaw strateġiji differenti bl-għan li jippromwovu kooperazzjoni effettiva ma' ekosistemi tal-innovazzjoni u ma' negozji u li jrawmu mentalità intraprenditorjali; |
(e) |
joħolqu programmi li jiffukaw fuq it-tagħlim tul il-ħajja u ċ-ċertifikazzjoni; |
(f) |
jagħtu attenzjoni speċjali lill-bilanċ bejn il-ġeneri u lil approċċi sensittivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, b'mod partikolari f'oqsma fejn in-nisa għadhom sottorappreżentati, bħat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; |
(g) |
iqisu:
|
Artikolu 14
L-indipendenza operazzjonali tal-EIT u l-konsistenza mal-azzjoni tal-Unjoni, tal-Istati Membri jew intergovernattiva
1. L-EIT għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu indipendentement mill-awtoritajiet nazzjonali u l-pressjonijiet esterni, filwaqt li jiżgura li tali attivitajiet ikunu konsistenti, permezz ta' koordinazzjoni, ma' azzjoni u strumenti oħrajn li għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
2. L-EIT għandu jfittex ukoll sinerġiji u komplementarjetajiet billi jqis kif xieraq il-politiki u l-inizjattivi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u intergovernattivi sabiex iħaddem l-aqwa prassi, il-kunċetti stabbiliti sew u r-riżorsi eżistenti.
Il-Kummissjoni għandha toffri lill-EIT l-appoġġ meħtieġ kollu fl-istabbiliment ta' sinerġiji u komplementarjetajiet xierqa ma' attivitajiet oħra mwettqa fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/695, kif ukoll ma' inizjattivi u programmi oħra tal-Unjoni, filwaqt li tevita d-duplikazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-EIT dwar kif inaqqas il-piż amministrattiv fuq il-KKI.
Artikolu 15
L-istatus ġuridiku
1. L-EIT għandu jkun korp tal-Unjoni u għandu jkollu personalità ġuridika. F'kull Stat Membru, għandu jgawdi l-aktar kapaċitajiet ġuridiċi estensivi possibbli mogħtija lill-persuni ġuridiċi skont id-dritt nazzjonali. B'mod partikolari, għandu jkun jista' jakkwista u jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jkun parti fi proċedimenti legali.
2. Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u mat-TFUE għandu japplika għall-EIT.
Artikolu 16
Ir-responsabbiltà
1. L-EIT għandu jkun unikament responsabbli li jwettaq l-obbligi tiegħu.
2. Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-EIT għandhom jirregolawha d-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u l-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-‘Qorti tal-Ġustizzja’) għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni skont kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tinsab f'kuntratt konkluż mill-EIT.
3. Fil-każ tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-EIT għandu jagħmel tajjeb, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għal kull ħsara li jikkaġuna jew li jikkaġunaw il-membri tal-persunal tiegħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwima relatata ma' kumpens għal din il-ħsara.
4. Kwalunkwe ħlas mill-EIT li jkopri r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 2 u 3 u l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba b'rabta magħha għandhom jitqiesu bħala nefqa tal-EIT u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi tal-EIT.
5. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fl-azzjonijiet miġjuba kontra l-EIT skont l-Artikoli 263 u 265 tat-TFUE.
Artikolu 17
Trasparenza u aċċess għad-dokumenti
1. L-EIT u l-KKI għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jitwettqu b'livell għoli ta' trasparenza. B'mod partikolari, l-EIT u l-KKI għandhom jistabbilixxu sit web aċċessibbli u mingħajr ħlas li jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom u l-opportunitajiet li joffru, b'mod partikolari fir-rigward ta' sejħiet miftuħa.
2. L-EIT u l-KKI għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni informazzjoni dettaljata dwar sejħiet għal proposti maħruġa minnhom, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċessi ta' evalwazzjoni tagħhom u r-riżultati minn dawk is-sejħiet għal proposti. Dik l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni b'mod f'waqtu, li jista' jitfittex u traċċabbli fil-bażijiet tad-data online komuni rilevanti tal-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-Unjoni, skont ir-Regolament (UE) 2021/695.
3. Qabel ma joħroġ sejħiet għal proposti għall-għażla tal-KKI, l-EIT għandu jagħmel pubbliċi r-regoli ta' proċedura tiegħu, ir-regoli finanzjarji speċifiċi tiegħu msemmija fl-Artikolu 23(1) u l-kriterji għall-għażla tal-KKI msemmija fl-Artikolu 9.
4. L-EIT għandu jagħmel pubbliku mingħajr dewmien id-dokument uniku tal-programmazzjoni tiegħu u r-rapport annwali konsolidat tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 19.
5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 6 u 7, l-EIT ma għandux jiżvela lil partijiet terzi informazzjoni kunfidenzjali li jkun irċieva u li għaliha jkun intalab, u jkun ġustifikat, trattament kunfidenzjali.
6. Il-membri tal-korpi tal-EIT għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit tal-kunfidenzjalità msemmi fl-Artikolu 339 tat-TFUE.
L-informazzjoni miġbura mill-EIT skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
7. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-EIT.
Artikolu 18
L-iffinanzjar tal-KKI
1. Il-KKI għandhom jiġu ffinanzjati, b'mod partikolari, mis-sorsi li ġejjin:
(a) |
kontribuzzjonijiet mingħand organizzazzjonijiet sħab, bħala sors sostanzjali ta' finanzjament; |
(b) |
kontribuzzjonijiet volontarji mingħand l-Istati Membri, pajjiżi assoċjati jew pajjiżi terzi jew awtoritajiet pubbliċi oħra fi ħdan dawk l-Istati Membri jew il-pajjiżi; |
(c) |
kontribuzzjonijiet mingħand entitajiet jew istituzzjonijiet internazzjonali; |
(d) |
dħul iġġenerat mill-assi proprji u l-attivitajiet tal-KKI stess u r-royalties mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; |
(e) |
dotazzjonijiet ta' kapital; |
(f) |
wirt, donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet mingħand individwi, istituzzjonijiet, fondazzjonijiet jew xi entitajiet nazzjonali oħra stabbiliti fl-ambitu tad-dritt nazzjonali; |
(g) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EIT; |
(h) |
strumenti finanzjarji, inklużi dawk iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. |
2. Il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EIT għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli finanzjarji tal-EIT imsemmija fl-Artikolu 23(1).
3. L-impenji baġitarji għall-azzjonijiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali, soġġetti għal monitoraġġ xieraq tal-bżonnijiet finanzjarji stmati tal-KKI li jridu jiġu stabbiliti fuq bażi annwali.
4. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-EIT lill-KKI tista' tkopri sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attivitajiet ta' valur miżjud tal-KKI fil-fażijiet inizjali tat-terminu tal-KKI. Tali kontribuzzjoni għandha tonqos gradwalment maż-żmien skont ir-rati ta' finanzjament stabbiliti fl-ASI.
5. Il-KKI u l-organizzazzjonijiet sħab tagħhom jistgħu japplikaw għal finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qafas tal-programmi u l-fondi tal-Unjoni, skont ir-regoli rilevanti. Tali finanzjament ma għandhomx ikopru l-ispejjeż li jkunu diġà ġew iffinanzjati fl-ambitu ta' programm ieħor tal-Unjoni.
6. Il-kontribuzzjonijiet mingħand organizzazzjonijiet sħab biex jiffinanzjaw il-KKI għandhom jiġu determinati skont ir-rati ta' finanzjament imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u jkunu jirriflettu l-istrateġija tal-KKI biex tinkiseb is-sostenibbiltà finanzjarja.
7. L-EIT għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' allokazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni biex jagħti l-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu lill-KKI. Dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju u tal-prestazzjoni tal-KKI kif imkejla b'monitoraġġ kontinwu skont l-Artikolu 10 u kif stabbilit fl-ASI.
Artikolu 19
Programmazzjoni u rappurtar
1. L-EIT għandu jadotta dokument uniku ta' programmazzjoni ibbażat fuq l-ASI, skont ir-regoli finanzjarji tiegħu msemmija fl-Artikolu 23(1), li jkun fih dan li ġej:
(a) |
dikjarazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-inizjattivi ppjanati tal-EIT u tal-KKI; |
(b) |
stima tal-ħtiġijiet u s-sorsi finanzjarji; |
(c) |
stima tal-ħtiġijiet ta' persunal li jirriżultaw minn kompiti ġodda; |
(d) |
metodi, għodod u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi xierqa għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI, bl-użu ta' approċċ orjentat lejn l-impatt u bbażat fuq il-prestazzjoni; |
(e) |
komponenti oħra kif stabbiliti fir-regoli finanzjarji tiegħu. |
2. L-EIT għandu jadotta rapport annwali konsolidat tal-attività, li għandu jinkludi informazzjoni komprensiva dwar l-attivitajiet li wettqu l-EIT u l-KKI tul is-sena kalendarja preċedenti u dwar il-kontribut tal-EIT għall-objettivi ta' Orizzont Ewropa, u għall-politiki u l-objettivi tal-Unjoni dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni. Ir-rapport annwali konsolidat tal-attività għandu jivvaluta r-riżultati fir-rigward tal-objettivi, l-indikaturi u l-iskeda taż-żmien stabbiliti, ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet imwettqa, l-użu tar-riżorsi, inkluża l-kontribuzzjoni tiegħu għall-mira tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet klimatiċi fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/695 diżaggregata skont il-KKI, u l-operat ġenerali tal-EIT. Ir-rapport annwali konsolidat tal-attività għandu jinkludi informazzjoni komprensiva ulterjuri skont ir-regoli finanzjarji tal-EIT.
Sad-29 ta’ Mejju 2022 u fuq bażi annwali minn hemm 'il quddiem, id-Direttur għandu jippreżenta r-rapport annwali konsolidat tal-attività lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.
Artikolu 20
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-EIT
1. L-EIT għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu, inkluż dawk immexxija permezz tal-KKI, għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ sistematiku u kontinwu u għal evalwazzjoni perjodika indipendenti skont ir-regoli finanzjarji tiegħu, biex ikunu żgurati eżitu tal-aqwa kwalità, eċċellenza xjentifika u l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi. L-eżiti tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi.
2. Il-Kummissjoni, bl-assistenza ta' esperti esterni indipendenti u b'kont meħud tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, għandha twettaq, fil-ħin, evalwazzjoni interim u finali tal-EIT u tal-KKI. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet ta' Orizzont Ewropa previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2021/695.
Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jeżaminaw kif l-EIT jissodisfa l-missjoni u l-objettivi tiegħu u jkopru l-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI. Għandhom jivvalutaw il-valur miżjud tal-Unjoni tal-EIT, l-impatt fl-Unjoni kollha u l-impatt tal-attivitajiet tal-RIS, il-ftuħ, l-effikaċja, l-effiċjenza u r-rilevanza tal-attivitajiet imwettqa tal-EIT u l-konsistenza u l-komplementarjetà tagħhom ma' politiki rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż is-sinerġiji ma' partijiet oħra ta' Orizzont Ewropa, b'mod partikolari s-Sħubijiet Ewropej u l-missjonijiet l-oħra u l-EIC.
L-evalwazzjoni interim għandha tivvaluta wkoll, inter alia, ir-riżultat u l-impatti tal-inizjattiva pilota tal-edukazzjoni għolja, l-effikaċja tal-istrateġiji tas-sostenibbiltà finanzjarja tal-KKI u l-kollaborazzjoni bejn l-EIT u l-korpi ta' implimentazzjoni taħt il-Pilastru III "Ewropa Innovattiva" ta' Orizzont Ewropa. F'dak ir-rigward, l-evalwazzjonijiet tal-EIT għandhom jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet ta' Orizzont Ewropa, anke fid-dawl ta' valutazzjoni sistematika tal-Pilastru III "Ewropa Innovattiva" ta' Orizzont Ewropa, b'mod partikolari fir-rigward tal-‘punt uniku ta' servizz’ għall-innovazzjoni.
3. Il-Kummissjoni tista' twettaq evalwazzjonijiet oħra dwar temi jew suġġetti ta' rilevanza strateġika, bl-għajnuna ta' esperti esterni indipendenti magħżula abbażi ta' proċess trasparenti, biex teżamina l-progress li għamel l-EIT fir-rigward tal-objettivi stabbiliti, tidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tidentifika l-aħjar prassi. Billi twettaq dawn l-evalwazzjonijiet ulterjuri, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra bis-sħiħ il-piż amministrattiv fuq l-EIT u l-KKI.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultati tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jqis is-sejbiet tal-evalwazzjonijiet fit-twettiq tal-programmi u l-operazzjonijiet tal-EIT.
Artikolu 21
Il-baġit tal-EIT
1. Id-dħul tal-EIT għandu jikkonsisti f'kontribuzzjoni mill-Unjoni. Id-dħul tal-EIT jista' jinkludi wkoll kontribuzzjonijiet mingħand sorsi privati u pubbliċi oħra.
Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tiġi pprovduta minn kontribuzzjoni finanzjarja minn Orizzont Ewropa bl-ammont stabbilit ta' EUR 2 726 000 000 fi prezzijiet attwali, b'ammont addizzjonali ta' EUR 210 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018, għall-perjodu 2021-2017.
L-EIT jista' jirċievi riżorsi finanzjarji addizzjonali minn programmi oħra tal-Unjoni.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarji tal-EIT lill-KKI għandha tiġi pprovduta mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 22
Tħejjija u adozzjoni tal-baġit annwali tal-EIT
1. Il-kontenut u l-istruttura tal-baġit tal-EIT għandhom ikunu stabbiliti skont ir-regoli finanzjarji tiegħu. In-nefqa tal-EIT għandha tinkludi ir-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u infrastrutturali u n-nefqa operattiva. L-ispejjeż amministrattivi għandhom jinżammu minimi. Il-baġit tal-EIT għandu jkun ibbilanċjat f'termini ta' dħul u nefqa.
2. Id-Direttur għandu jfassal abbozz ta' stima tad-dħul u tan-nefqa tal-EIT għas-sena finanzjarja sussegwenti u għandu jgħaddiha lill-Bord tat-Tmexxija.
3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-abbozz ta' stima tad-dħul u tan-nefqa tal-EIT, flimkien ma' abbozz ta' tabella tal-persunal, u għandu jgħaddihom bħala parti mid-dokument uniku ta' programmazzjoni sad-data speċifikata fir-regoli finanzjarji tal-EIT lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
4. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-baġit tal-EIT. Il-baġit tal-EIT għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Meta jkun xieraq, għandu jiġi aġġustat skont dan.
5. Il-Bord tat-Tmexxija, mill-aktar fis possibbli, għandu jinnotifika lill-awtorità baġitarja dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tal-EIT, b'mod partikolari l-proġetti li għandhom x'jaqsmu mal-proprjetà bħall-kiri jew ix-xiri tal-bini. Għandu jinforma kif xieraq lill-Kummissjoni.
6. Kwalunkwe modifika sostanzjali tal-baġit tal-EIT għandha ssegwi l-istess proċedura.
Artikolu 23
Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit
1. L-EIT għandu jadotta r-regoli finanzjarji tiegħu skont l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Finanzjarju. Għandha tiġi kkunsidrata kif xieraq il-ħtieġa ta' flessibbiltà operattiva xierqa sabiex l-EIT ikun jista' jikseb l-objettivi tiegħu u jattira u jżomm is-sħab fis-settur privat.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-EIT minn Orizzont Ewropa u programmi oħra tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-regoli ta' dawk il-programmi.
3. Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit tal-EIT.
4. Il-kontijiet tal-EIT għandhom jiġu kkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni.
Artikolu 24
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Bil-ħsieb li jkunu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u atti illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) għandu japplika għall-EIT.
2. L-EIT għandu jaderixxi għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (16). Il-Bord tat-Tmexxija għandu jifformalizza dik l-adeżjoni u jadotta l-miżuri meħtieġa biex jgħin lill-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet interni.
3. Id-deċiżjonijiet kollha adottati u l-ftehimiet ta' sħubija jew il-ftehimiet ta' għotja konklużi mill-EIT għandhom jipprevedu espliċitament li l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jistgħu jwettqu spezzjonijiet fuq il-post tad-dokumenti tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi li rċevew fondi tal-Unjoni, inkluż fl-istabbilimenti tal-benefiċjarji finali.
Artikolu 25
Ix-xoljiment tal-EIT
Fil-każ tax-xoljiment tal-EIT, dan għandu jsir taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni skont il-liġijiet applikabbli. Il-ftehimiet ta' sħubija jew il-ftehimiet ta' għotja mal-KKI għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa.
Artikolu 26
Rieżami
Sal-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni, abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(2) u (3), għandha tippreżenta, fejn xieraq, kwalunkwe proposta għal emendi għal dan ir-Regolament li tqis li tkun meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward tal-missjoni u l-objettivi tal-EIT stabbiliti fl-Artikolu 3 u bil-ħsieb li l-baġit tal-EIT jiġi estiż lil hinn mill-perjodu speċifikat fl-Artikoli 3 u 21 skont il-programm qafas rilevanti tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni.
Artikolu 27
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 hu mħassar mit-28 ta’ Mejju 2021, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 3 u 5, l-Artikolu 6(1) u l-Artikoli 7, 14, 17 u 19 tiegħu, li għandhom jitħassru b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 28
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikoli 3, 4 u 6, l-Artikolu 7(1) u (3), u l-Artikoli 8, 9, 18 u 21 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) ĠU C 47, 11.2.2020, p. 69.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2021(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2021.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1).
(4) Ara l-Anness II.
(5) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(6) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107,26.3.2021, p. 30).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(9) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(10) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(12) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/1994 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1).
(15) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
ANNESS I
STATUTI TAL-ISTITUT EWROPEW TAL-INNOVAZZJONI U T-TEKNOLOĠIJA
TAQSIMA 1
KOMPOŻIZZJONI TAL-BORD TAT-TMEXXIJA
1. |
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn 15-il membru, maħtura mill-Kummissjoni, b'mod trasparenti, li jipprovdi bilanċ bejn dawk b'esperjenza fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni jew in-negozju. Dik il-ħatra għandha ssir wara sejħa miftuħa għal espressjonijiet ta' interess. Il-mandat tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ta' erba' snin. Il-Kummissjoni tista' testendi l-mandat darba b'perjodu ta' sentejn fuq proposta tal-Bord tat-Tmexxija.
Meta taħtar il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura rappreżentanza bilanċjata ta' dawk bl-esperjenza fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja (inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali), fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fin-negozju kif ukoll bilanċ bejn il-ġeneri u ġeografiku u rikonoxximent tal-ambjent tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni. Fejn meħtieġ, il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat lill-Kummissjoni lista ta' kandidati għall-fini tal-ħatra ta' membru jew membri. Il-kandidati fil-lista għandhom jintgħażlu abbażi tar-riżultat ta' proċedura trasparenti u miftuħa mibdija mill-EIT. Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membru jew il-membri skont il-proċedura stabbilita fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet paragrafi u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċeduri tal-għażla u tal-ħatra finali ta' dawk il-membri tal-Bord tat-Tmexxija. F'każ li membru ma jkunx jista' jibqa' sat-tmiem tal-mandat tiegħu, għandu jinħatar membru sostitut permezz tal-proċedura stabbilita fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet paragrafi sabiex jikkompleta l-mandat tal-membru li ma jkunx jista' jibqa' sat-tmiem. Membru sostitut li jkun serva għal perjodu ta' inqas minn sentejn jista' jinħatar mill-ġdid mill-Kummissjoni għal mandat addizzjonali ta' erba' snin fuq talba tal-Bord tat-Tmexxija. Il-Kummissjoni għandha taħtar tliet membri addizzjonali fil-Bord tat-Tmexxija biex sad-29 ta’ Novembru 2022 isiru 15-il membru. Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija maħtura qabel it-28 ta’ Mejju 2021 għandhom jikkompletaw il-mandat tagħhom li ma jiġġeddidx. F'ċirkostanzi eċċezzjonali u ġustifikati kif dovut, b'mod partikolari sabiex tinżamm l-integrità tal-Bord tat-Tmexxija, il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva proprja, twaqqaf il-mandat ta' membru tal-Bord tat-Tmexxija. |
2. |
Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jaġixxu fl-interessi tal-EIT, jissalvagwardjaw l-missjoni u l-objettivi, l-identità, l-awtonomija u l-koerenza tiegħu, b'mod indipendenti u trasparenti. |
3. |
Il-Bord tat-Tmexxija jista' jistieden lil Membru tal-Bord tal-EIC jew lil partijiet ikkonċernati oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi. |
4. |
Meta jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jaġixxi taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-missjoni u l-objettivi tal-EIT stabbiliti fl-Artikolu 3. |
TAQSIMA 2
RESPONSABBILTAJIET TAL-BORD TAT-TMEXXIJA
1. |
Il-Bord tat-Tmexxija, fl-eżerċitar tar-responsabbiltà tiegħu li jmexxi u jimmonitorja l-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI, għandu jieħu deċiżjonijiet strateġiċi. B'mod partikolari, huwa għandu:
|
2. |
Minbarra d-deċiżjonijiet strateġiċi msemmija fil-punt 1, il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu dawn id-deċiżjonijiet proċedurali u operattivi oħra neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tiegħu u tal-attivitajiet tal-EIT. Huwa għandu, b'mod partikolari:
|
3. |
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1) (li ssir referenza għalihom bħala r-"Regolamenti tal-Persunal" u l-"Kondizzjonijiet tal-Impjieg", rispettivament), b'rabta mal-persunal tal-EIT u l-kondizzjonijiet tal-impjieg tiegħu. B'mod partikolari, għandu:
|
TAQSIMA 3
FUNZJONAMENT TAL-BORD TAT-TMEXXIJA
1. |
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu. Il-mandat tal-President għandu jkun għal sentejn, li jista' jiġġedded darba. |
2. |
Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija, mingħajr ma jkollu d-dritt tal-vot, iżda l-qbil tiegħu għandu jkun rikjest fil-każijiet imsemmija fil-punt 5. Għandu jkollu d-dritt li jissuġġerixxi l-punti tal-aġenda tal-Bord tat-Tmexxija. |
3. |
Id-Direttur għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija, mingħajr ma jkollu d-dritt tal-vot. |
4. |
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjonijiet b'maġġoranza sempliċi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot.
Madankollu, id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-punti (1)(a), (b), (c), (d), u (n) tat-Taqsima 2 u l-punti (2)(e) u (j) tat-Taqsima 2, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-punt 1 ta' din it-Taqsima għandhom ikunu jeħtieġu maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija li għandhom id-dritt tal-vot. |
5. |
Id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija li jaqgħu taħt il-punti (1)(c), (e), (g), (h), (j) u (m), il-punt (2)(c) u l-punt (3)(a) tat-Taqsima 2 għandhom ikunu jeħtieġu l-ftehim tal-Kummissjoni, espress mir-rappreżentant tagħha fil-Bord tat-Tmexxija. |
6. |
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jitlob l-opinjoni tal-MSRG qabel ma jadotta deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-estensjoni jew it-terminazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija mal-KKI skont il-punti (1)(h) u (k) tat-Taqsima 2, u dwar il-konklużjoni tal-memorandum ta' kooperazzjoni skont il-punt (1)(g) tat-Taqsima 2.
L-opinjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ma għandhiex tkun vinkolanti għall-Bord tat-Tmexxija. Għandha tinħareġ mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahrejn wara li tkun intalbet. |
7. |
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiltaqa' f'sessjoni ordinarja mill-anqas erba' darbiet fis-sena u f'sessjoni straordinarja meta jitlaqqa' mill-President tiegħu jew fuq talba ta' mill-anqas terz tal-membri kollha tiegħu jew tar-rappreżentant tal-Kummissjoni. |
TAQSIMA 4
IL-KUMITAT EŻEKUTTIV
1. |
Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jassisti lill-Bord tat-Tmexxija fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. |
2. |
Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn ħames membri, inkluż il-President tal-Bord tat-Tmexxija, li għandu jippresiedi wkoll il-Kumitat Eżekuttiv. L-erba' membri apparti l-President għandhom jintgħażlu mill-Bord tat-Tmexxija minn fost il-membri tiegħu, sabiex ikun hemm bilanċ bejn dawk b'esperjenza fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni jew in-negozju. Il-mandat tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv għandu jkun ta' sentejn, u jiġġedded darba. |
3. |
Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jħejji l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija f'kooperazzjoni mad-Direttur. |
4. |
Il-Bord tat-Tmexxija jista' jitlob lill-Kumitat Eżekuttiv biex iwettaq superviżjoni u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija. |
5. |
Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jħejji d-diskussjoni u l-adozzjoni mill-Bord tat-Tmexxija dwar l-abbozz ta' kontribut tal-EIT għall-proposta tal-Kummissjoni dwar l-ASI. Barra minn hekk, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jħejji d-diskussjoni tal-Bord tat-Tmexxija dwar l-abbozz ta' dokument uniku ta' programmazzjoni, l-abbozz ta' rapport annwali konsolidat tal-attività, l-abbozz ta' baġit annwali u l-abbozz ta' kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċi qabel ma jitressqu quddiem il-Bord tat-Tmexxija. |
6. |
Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv għandhom jiġu adottati abbażi tal-maġġoranza tal-membri preżenti. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. |
7. |
Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv, mingħajr ma jkollu d-dritt tal-vot. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt li jissuġġerixxi l-punti tal-aġenda tal-Kumitat Eżekuttiv. |
8. |
Id-Direttur għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv, mingħajr ma jkollu d-dritt tal-vot. |
9. |
Il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv għandhom jaġixxu fl-interessi tal-EIT, filwaqt li jissalvagwardjaw il-missjoni u l-objettivi u, l-identità, l-awtonomija u l-koerenza tiegħu, b'mod indipendenti u trasparenti. Għandhom jirrappurtaw lill-Bord tat-Tmexxija regolarment dwar id-deċiżjonijiet adottati u l-kompiti assenjati lilhom mill-Bord tat-Tmexxija. |
TAQSIMA 5
ID-DIRETTUR
1. |
Id-Direttur għandu jkun persuna b'kompetenza u reputazzjoni tajba fl-oqsma li fihom jopera l-EIT. Id-Direttur għandu jkun membru tal-persunal tal-EIT u għandu jiġi impjegat bħala aġent temporanju skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. |
2. |
Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija minn lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara li tkun saret proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Bil-għan li jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur, l-EIT għandu jiġi rrappreżentat mill-President tal-Bord tat-Tmexxija. |
3. |
Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' erba' snin. Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tqis l-evalwazzjoni tagħha tal-prestazzjoni tad-Direttur u l-aħjar interessi tal-EIT kif ukoll il-kompiti u l-isfidi futuri tiegħu, jista' jestendi dak il-mandat darba għal perjodu ta' mhux aktar minn erba' snin. Direttur li l-mandat tiegħu ġie estiż ma għandux jipparteċipa fi proċedura tal-għażla oħra għall-istess pożizzjoni. |
4. |
Id-Direttur għandu jitneħħa mill-kariga tiegħu biss b'deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija, li jkun qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni. |
5. |
Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-operazzjonijiet u għall-ġestjoni ta' kuljum tal-EIT u għandu jkun ir-rappreżentant legali tiegħu. Id-Direttur għandu jagħti rendikont lill-Bord tat-Tmexxija u jgħaddilu rapporti fuq bażi regolari dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-EIT u l-attivitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu. |
6. |
Id-Direttur għandu b'mod partikolari:
|
7. |
Id-Direttur għandu jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor li jingħatalu mill-Bord tat-Tmexxija u li jaqa' fir-responsabbiltà tiegħu. |
TAQSIMA 6
IL-PERSUNAL TAL-EIT U ESPERTI NAZZJONALI SEKONDATI
1. |
Il-persunal tal-EIT għandu jkun magħmul minn persuni impjegati direttament mill-EIT. Ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati bi qbil bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jitqiegħdu fis-seħħ għandhom japplikaw għall-persunal tal-EIT. Dan il-punt għandu japplika għall-persunal impjegat mill-EIT fit-28 ta’ Mejju 2021, irrispettivament mid-data tal-bidu tal-kuntratt tal-impjieg tagħhom. |
2. |
Esperti nazzjonali jistgħu jiġu ssekondati mal-EIT għal perjodu limitat. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta dispożizzjonijiet li jippermettu lill-esperti nazzjonali sekondati jaħdmu mal-EIT u li jiddefinixxu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. |
ANNESS II
IR-REGOLAMENT IMĦASSAR BL-EMENDA GĦALIH
Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
|
Ir-Regolament (UE) Nru 1292/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
ANNESS III
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2, punt 1 |
Artikolu 2, punt 1 |
Artikolu 2, punt 2 |
Artikolu 2, punt 2 |
Artikolu 2, punt 3 |
Artikolu 2, punt 3 |
Artikolu 2, punt 5 |
Artikolu 2, punt 5 |
Artikolu 2, punt 6 |
Artikolu 2, punt 6 |
Artikolu 2, punt 7 |
Artikolu 2, punt 7 |
- |
Artikolu 2, punt 8 |
Artikolu 2, punt 8 |
- |
Artikolu 2, punt 9 |
Artikolu 2, punt 9 |
Artikolu 2, punt 9a |
Artikolu 2, punt 10 |
Artikolu 2, punt 10 |
Artikolu 2, punt 11 |
- |
Artikolu 2, punt 12 |
Artikolu 2, punt 11 |
Artikolu 2, punt 13 |
- |
Artikolu 2, punt 14 |
- |
Artikolu 2, punt 15 |
- |
Artikolu 2, punt 16 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3(1) u (2) |
Artikolu 4(1), punti (a), (c) u (d) |
Artikolu 5(1) |
Artikolu 4(2) |
- |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 5(2) |
- |
Artikolu 5(3) |
Artikolu 5(1), punti (a) sa (c) |
Artikolu 6, punti (a), (b) u (c) u l-punt (e) |
Artikolu 5(1), punt (d) |
- |
- |
Artikolu 6, punt (d) |
Artikolu 5(1), punti (e) u (f) |
Artikolu 6, punti (f) u (g) |
- |
Artikolu 6, punti (h) u (i) |
Artikolu 5(1), punti (g) sa (i) |
Artikolu 6, punti (j), (k) u (l) |
Artikolu 5(1), punt (j) |
- |
- |
Artikolu 6, punti (m) u (n) |
Artikolu 5(1), punt (k) |
Artikolu 6, punti (o) u (p) |
- |
Artikolu 6, punti (q) sa (t) |
Artikolu 5(2) |
- |
Artikolu 6(1), punti (a) sa (c) |
Artikolu 7(1), punti (a), (b) u (c) |
- |
Artikolu 7(1), punt (d) |
Artikolu 6(1), punt (d) |
Artikolu 7(1), punt (e) |
- |
Artikolu 7(1), punt (f) |
Artikolu 6(1), punt (e) |
Artikolu 7(1), punt (g) |
- |
Artikolu 7(1), punti (h) u (i) |
Artikolu 6(2), punti (a) sa (e) |
Artikolu 7(2), punti (a) sa (e) |
- |
Artikolu 7(3) |
Artikolu 6(3) |
Artikolu 7(4) |
- |
Artikolu 8 |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 9(1) |
Artikolu 7(1a) |
Artikolu 9(2) |
Artikolu 7(2) |
- |
Artikolu 7(3) |
Artikolu 9(3) |
Artikolu 7(4) |
Artikolu 9(4) |
Artikolu 7(5) |
Artikolu 9(5) |
Artikolu 7a |
Artikolu 10 |
Artikolu 7b(1) |
- |
Artikolu 7b(2) |
Artikolu 11(1) |
- |
Artikolu 11(2) |
- |
Artikolu 11(3) |
Artikolu 7b(3) |
Artikolu 11(4) |
- |
Artikolu 11(5) |
Artikolu 7b(4) |
Artikolu 11(6) |
- |
Artikolu 11(7) |
- |
Artikolu 12 |
Artikolu 8(1) |
Artikolu 13(1) |
Artikolu 8(2), punt (a) |
Artikolu 13(2), punt (a) |
Artikolu 8(2), punt (aa) |
Artikolu 13(2), punt (b) |
- |
Artikolu 13(2), punti (c) sa (f) |
Artikolu 8(2), punt (b) |
Artikolu 13(2), punt (g) |
Artikolu 9(1) u (2) |
Artikolu 14(1) |
Artikolu 9(3) |
Artikolu 14(2) |
Artikolu 11 |
Artikolu 15 |
Artikolu 12 |
Artikolu 16 |
Artikolu 13(1) |
Artikolu 17(1) |
- |
Artikolu 17(2) |
Artikolu 13(2) sa (7) |
Artikolu 17(3) sa (8) |
Artikolu 14(1) |
- |
Artikolu 14(2) |
Artikolu 18(1) |
Artikolu 14(3) |
Artikolu 18(2) |
- |
Artikolu 18(3) |
Artikolu 14(4) |
Artikolu 18(4) |
Artikolu 14(5) |
Artikolu 18(5) |
Artikolu 14(6) |
- |
- |
Artikolu 18(6) |
Artikolu 14(7) |
Artikolu 18(7) |
Artikolu 15(1) |
Artikolu 19(1) |
Artikolu 15(2) |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 16(1) |
Artikolu 20(1) |
Artikolu 16(2) |
Artikolu 20(2) |
Artikolu 16(2a) |
Artikolu 20(3) |
Artikolu 16(3) |
Artikolu 20(4) |
Artikolu 17(1) |
- |
- |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 17(2) |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 17(2a) |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 17(3) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 17(4) |
Artikolu 4(5) |
Artikolu 18 |
- |
Artikolu 19(1) |
- |
- |
Artikolu 21(1) |
Artikolu 19(2) |
- |
Artikolu 19(3) |
Artikolu 21(2) |
Artikolu 20(1) |
Artikolu 22(1) |
Artikolu 20(2) |
- |
Artikolu 20(3) |
Artikolu 22(2) |
Artikolu 20(4) |
- |
Artikolu 20(5) |
Artikolu 22(3) |
Artikolu 20(6) |
- |
Artikolu 20(7) |
- |
Artikolu 20(8) |
Artikolu 22(4) |
Artikolu 20(9) |
Artikolu 22(5) |
Artikolu 20(10) |
Artikolu 22(6) |
Artikolu 21(1) |
Artikolu 23(1) |
Artikolu 21(1a) |
Artikolu 23(2) |
Artikolu 21(2) |
Artikolu 23(3) |
Artikolu 21(3) |
Artikolu 23(4) |
Artikolu 21(4) |
- |
Artikolu 22 |
Artikolu 24 |
Artikolu 22a |
Artikolu 25 |
Artikolu 23 |
- |
- |
Artikolu 26 |
- |
Artikolu 27 |
Artikolu 24 |
Artikolu 28 |
Anness |
Anness I |
- |
Anness II |
- |
Anness III |