18.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/82


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1966

tas-17 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Jannar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/34/PESK (1) dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali).

(2)

Fit-23 ta' Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/434 (2) li tadatta u testendi l-mandat tal-EUTM Mali sat-18 ta' Mejju 2024.

(3)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu 2640 (2022), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fost oħrajn iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari r-Rappreżentant Speċjali tagħha għas-Saħel u l-missjonijiet tagħha EUTM Mali u EUCAP Sahel Mali, fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom, biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Mali fir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u l-istabbiliment mill-ġdid tal-awtorità u l-preżenza tal-Istat fit-territorju kollu tal-Mali.

(4)

Wara r-Rieżami Strateġiku Olistiku tal-EUTM Mali u l-EUCAP Sahel Mali, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-mandat tal-EUTM Mali, li jintemm fit-18 ta' Mejju 2024, jiġi adattat għas-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà fil-Mali.

(5)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/34/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2013/34/PESK huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Għall-fini tal-objettiv imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2, EUTM Mali għandha tipprovdi lill-FAM pariri u edukazzjoni militari, sakemm il-KPS ma jiddeċidix li jissospendi dawk l-attivitajiet. Barra minn hekk, jekk il-KPS jiddeċiedi li l-kondizzjonijiet ikunu ssodisfati, EUTM Mali għandha tipprovdi lill-FAM taħriġ, inkluż taħriġ qabel l-istazzjonar, u mentoraġġ, permezz ta' akkumpanjament mhux eżekuttiv sal-livell tattiku, sabiex EUTM Mali tkun tista' twettaq segwitu għall-attivitajiet tal-FAM u tissorvelja l-prestazzjoni u l-imġiba tagħhom, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.”

(2)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“7.   EUTM Mali għandha tkompli, bil-mezzi u l-kapaċitajiet disponibbli, l-attivitajiet iffukati fin-Niġer u l-Burkina Faso mill-Mali skont il-mandat eżistenti, b'kont sħiħ meħud tal-kuntest politiku u l-ħtiġijiet espressi mill-awtoritajiet, sakemm jiġu stabbiliti soluzzjonijiet dedikati biex jiġu żgurati l-kontinwità u l-permanenza tal-operazzjonijiet.

8.   EUTM Mali għandha tappoġġa l-isforzi għal komunikazzjoni strateġika biex jitrawmu l-valuri tal-Unjoni, tiġi promossa l-azzjoni tal-Unjoni u jinkixfu l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali minn forzi barranin fil-Mali.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Mali (EUTM Mali) (ĠU L 14, 18.1.2013, p. 19).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/434 tat-23 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (ĠU L 89, 24.3.2020, p. 1).


  翻译: