13.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2439

tat-8 ta’ Diċembru 2022

li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal mit-tneħħija jew iż-żamma b’mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika.

(2)

Il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/1111 (2) (“ir-Regolament Brussell IIb”), li għandu l-għan li jipproteġi lill-minuri mill-effetti ta’ ħsara tat-tneħħija jew taż-żamma b’mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn immedjat tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.

(3)

Ir-Regolament Brussell IIb jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta’ obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati Kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn immedjat ta’ minuri li jitneħħew jew jinżammu b’mod illeċitu.

(4)

L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)

L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

(6)

Qafas ġuridiku komuni applikabbli bejn l-Istati Membri u Stati terzi jista’ jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri.

(7)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista’ taderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, u lanqas ma tista’ tressaq dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ stat aderenti.

(9)

Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

(10)

Il-Filippini ddepożitaw l-istrument tagħhom ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fis-16 ta’ Marzu 2016. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Filippini fl-1 ta’ Ġunju 2016.

(11)

Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Filippini wasslet għall-konklużjoni li l-Istati Membri huma f’pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Filippini skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjoni tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Filippini fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(13)

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament Brussell IIa u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(14)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Filippini mal--Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Diċembru 2023, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara/tiddikjara li jaċċetta/taċċetta l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2439”.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Filippini u jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitawhom.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

V. RAKUŠAN


(1)   ĠU C 224, 8.6.2022, p. 159.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU L 178, 2.7.2019, p. 1).

(3)  ECLI:UE:C:2014:2303.


  翻译: