19.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/99


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2494

tad-9 ta’ Diċembru 2022

dwar l-approvazzjoni tat-talba mressqa mil-Litwanja għar-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tagħha għat-tielet perjodu referenzjarju

(notifikata bid-dokument C(2022) 8985)

(It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, għandha tiġi stabbilita skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ANS”), li tinkludi pjanijiet tal-prestazzjoni nazzjonali li jistabbilixxu miri vinkolanti tal-prestazzjoni konsistenti mal-miri mal-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Ir-regoli dettaljati dwar dawk il-pjanijiet tal-prestazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’konformità mal-Artikolu 11(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, il-Kummissjoni tivvaluta l-miri tal-prestazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri għall-konsistenza mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha.

(2)

Fit-13 ta’ April 2022, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2022/769 (3), li fiha kkonkludiet li l-miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) imressaq mir-Repubblika tal-Litwanja (“il-Litwanja”) kienu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha. Abbażi tad-Deċiżjoni (UE) 2022/769, il-Litwanja adottat formalment il-pjan tal-prestazzjoni tal-RP3 tagħha f’konformità mal-Artikolu 16(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(3)

Fis-26 ta’ Awwissu 2022, il-Litwanja ressqet talba lill-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità en route tagħha u tal-kosteffiċjenza en route tagħha għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024, abbażi tal-Artikolu 18(1)(a)(ii) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vverifikat jekk it-talba għal reviżjoni mressqa mil-Litwanja hijiex meħtieġa u proporzjonata fid-dawl tal-ġustifikazzjonijiet ipprovduti, u vvalutat il-konsistenza tal-miri riveduti tal-prestazzjoni maħsuba mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha billi użat il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(5)

Il-korp ta’ rieżami tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni li fih inkluda l-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tat-talba għar-reviżjoni mressqa mil-Litwanja.

RAĠUNIJIET GĦAR-REVIŻJONI TAL-MIRI TAL-PRESTAZZJONI

(6)

Il-Litwanja tqis li t-talba għar-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tal-RP3 tagħha hija ġġustifikata minħabba ċ-ċirkostanzi imprevedibbli li rriżultaw mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022.

(7)

Il-Litwanja tqis li s-suppożizzjonijiet inizjali li abbażi tagħhom ġew stabbiliti l-miri tal-prestazzjoni tagħha, ma għadhomx validi minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ titjiriet li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tal-Litwanja, b’konsegwenza tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, is-sanzjonijiet konsegwenti imposti mill-Unjoni u l-kontromiżuri li ħadet ir-Russja. Il-Litwanja tispeċifika li l-movimenti tat-titjiriet fl-ispazju tal-ajru tagħha operati skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti (“IFR”) u l-għadd ta’ unitajiet ta’ servizzi en route irreġistrati għal dawk it-titjiriet huma t-tnejn mistennija li jonqsu b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tat-traffiku stabbiliti fil-pjan tal-prestazzjoni.

(8)

Il-movimenti IFR previsti fit-talba għal reviżjoni mil-Litwanja għaż-żona tal-imposti en route tagħha għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024, meta mqabbla maċ-ċifri inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni, huma ppreżentati fit-tabella li ġejja:

Il-Litwanja

Movimenti IFR fis-sena

2022

2023

2024

Tbassir tat-traffiku stabbilit fil-pjan tal-prestazzjoni, espress f’eluf ta’ movimenti IFR

220

255

291

Tbassir aġġornat tat-traffiku, espress f’eluf ta’ movimenti IFR

186

213

217

Differenza

-15,5  %

-16,5  %

-25,4  %

(9)

L-unitajiet ta’ servizzi mbassra mil-Litwanja għaż-żona tal-imposti en route tagħha għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024, meta mqabbla maċ-ċifri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, huma ppreżentati fit-tabella li ġejja:

Il-Litwanja

Unitajiet ta’ servizzi en route fis-sena

2022

2023

2024

Tbassir tat-traffiku stabbilit fil-pjan tal-prestazzjoni, espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi

506

611

673

Tbassir aġġornat tat-traffiku, espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

372

416

435

Differenza

-26,4  %

-32,0  %

-35,4  %

(10)

Il-Kummissjoni tinnota li, fit-talba tagħha għal reviżjoni, il-Litwanja użat tbassir tat-traffiku lokali għall-movimenti IFR u l-unitajiet ta’ servizzi li huwa ogħla mit-tbassir bażi tat-traffiku tas-Servizz tal-Istatistika u t-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ippubblikat f’Ġunju 2022. Il-projezzjonijiet tat-traffiku lokali tal-Litwanja huma aktar ottimisti mit-tbassir tal-iSTATFOR. Il-Litwanja tispjega li d-differenza hija dovuta għall-użu ta’ data aktar riċenti dwar l-evoluzzjoni tat-traffiku, li turi li t-telf kbir tat-traffiku rreġistrat f’Marzu u f’April 2022 treġġa’ lura parzjalment fix-xhur sussegwenti.

(11)

Meta mqabbel mal-pjan tal-prestazzjoni, it-tnaqqis reali fl-għadd ta’ unitajiet ta’ servizzi għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024 huwa fil-medda approssimattiva ta’ -26 % sa -35 %. Madankollu, l-għadd ta’ movimenti ta’ titjiriet fl-ispazju tal-ajru Litwan operati skont l-IFR ma huwiex previst li jonqos bl-istess rata bħall-unitajiet ta’ servizzi en route. Dik id-diskrepanza hija dovuta għat-tnaqqis sinifikanti tat-titjiriet fuq it-territorju, li bħala medja jiġġeneraw għadd proporzjonalment ogħla ta’ unitajiet ta’ servizzi en route minn titjiriet li jinżlu fl-ajruporti fil-Litwanja u li jitilqu minnhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ammont ta’ xogħol tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ANSP”), li huwa ġġenerat mill-movimenti ta’ titjiriet ikkontrollati, ma huwiex mistenni li jonqos f’korrelazzjoni mat-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta min-numru aktar baxx ta’ unitajiet ta’ servizzi en route.

(12)

Il-Litwanja tispjega li n-nuqqas ta’ dħul mill-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru kkawżat minn livelli aktar baxxi ta’ traffiku, ikkombinat ma’ inflazzjoni għolja u pressjoni tas-suq tax-xogħol fuq il-pagi, għandu impatt serju fuq il-kapaċità tal-ANSP li jissodisfa l-obbligi finanzjarji futuri u li jimplimenta l-investimenti ppjanati. Għalhekk, il-Litwanja tiddikjara li r-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni hija essenzjali sabiex jiġu ggarantiti s-saħħa finanzjarja tal-ANSP u riżorsi adegwati għall-awtorità superviżorja nazzjonali li hija ffinanzjata mid-dħul mill-imposti tal-ANS.

(13)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-suppożizzjonijiet inizjali li fuqhom huwa bbażat il-pjan tal-prestazzjoni tal-Litwanja ma għadhomx validi minħabba t-tnaqqis sinifikanti tat-traffiku tal-ajru b’konsegwenza tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel li r-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni hija meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà operazzjonali u finanzjarja tal-ANSP u biex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ likwidità li qed jiffaċċja bħala konsegwenza tal-bidla fiċ-ċirkostanzi.

(14)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li t-talba għal reviżjoni mressqa mil-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni lokali stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(a)(ii) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

VALUTAZZJONI TAL-MIRI RIVEDUTI TAL-PRESTAZZJONI MAĦSUBA

Miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità

(15)

Il-Litwanja titlob reviżjoni tal-miri tal-kapaċità en route tagħha għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024 b’reazzjoni għall-bidla fiċ-ċirkostanzi deskritti fil-premessi (6) sa (13), b’mod partikolari l-għadd imnaqqas ta’ movimenti IFR imbassra għal dawk is-snin kalendarji u l-impatt tiegħu fuq il-provvista tal-kapaċità.

(16)

It-tabella li ġejja tippreżenta l-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità en route tal-RP3 tal-Litwanja, kif inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni, u l-miri riveduti tal-prestazzjoni maħsuba proposti mil-Litwanja fit-talba tagħha għal reviżjoni. It-tabella tiddeskrivi wkoll il-valuri ta’ referenza korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fit-2 ta’ Ġunju 2021, iż-żmien tal-adozzjoni tal-miri riveduti tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3, li ntużaw mill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-konsistenza tal-miri tal-kapaċità lokali mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, abbażi tal-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

Il-Litwanja

2022

2023

2024

Miri tal-kapaċità en route inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni, espressi f’minuti ta’ dewmien fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) għal kull titjira

0,03

0,03

0,03

Miri riveduti tal-kapaċità en route maħsuba, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,02

0,02

0,02

Valuri referenzjarji

0,03

0,03

0,03

(17)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri riveduti tal-kapaċità maħsuba, proposti mil-Litwanja huma aktar baxxi, u għalhekk aktar ambizzjużi, mill-valuri ta’ referenza nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja.

(18)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Litwanja aġġustat il-miżuri stabbiliti fil-pjan tal-prestazzjoni biex jintlaħqu l-miri lokali tal-kapaċità en route sabiex tqis il-bidla fiċ-ċirkostanzi.

(19)

Għalhekk, fid-dawl tal-premessi (16), (17) u (18), il-miri tal-kapaċità en route proposti mil-Litwanja fit-talba tagħha għal reviżjoni jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

Miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(20)

Il-Litwanja titlob reviżjoni tal-miri tagħha tal-kosteffiċjenza en route għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024 b’reazzjoni għall-bidla fiċ-ċirkostanzi deskritti fil-premessi (6) sa (13), b’mod partikolari, it-tnaqqis fl-unitajiet ta’ servizzi previst għal dawk is-snin kalendarji u l-impatt tiegħu fuq id-dħul u s-saħħa finanzjarja tal-ANSP.

(21)

It-tabella li ġejja tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza en route tal-RP3 għaż-żona tal-imposti tal-Litwanja, kif inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni, u l-miri riveduti tal-prestazzjoni maħsuba għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024 proposti mil-Litwanja fit-talba tagħha għal reviżjoni. Il-valuri bażi tal-2014 u l-2019 u l-miri tal-prestazzjoni għall-2020 u l-2021 jibqgħu l-istess.

Iż-żona tal-imposti en route tal-Litwanja

2022

2023

2024

Miri tal-kosteffiċjenza en route riveduti inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni, espressi bħala kost unitarju en route determinat (f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017)

44,40 EUR

41,02 EUR

37,52 EUR

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route maħsuba, espressi bħala kost unitarju en route determinat (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

48,87 EUR

46,90 EUR

45,96 EUR

(22)

Il-Kummissjoni tosserva li r-reviżjoni maħsuba tal-Litwanja tal-miri tal-kosteffiċjenza lokali tagħha għall-2022, l-2023 u l-2024, tirriżulta, meta mqabbla mal-pjan tal-prestazzjoni, f’kost unitarju determinat (“DUC”) kumplessiv li huwa 16,0 % ogħla matul dawk it-tliet snin kalendarji u 11,1 % ogħla fuq l-RP3 kollu kemm hu. Dawk iż-żidiet tad-DUC huma kompletament dovuti għad-deterjorament sinifikanti fit-tbassir tal-unitajiet ta’ servizzi stabbilit fil-premessa (9), li huwa konsegwenza tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(23)

L-għadd aktar baxx ta’ unitajiet ta’ servizzi previst għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024 huwa parzjalment ikkumpensat mil-Litwanja permezz ta’ tnaqqis tal-kostijiet determinati. Il-Kummissjoni tinnota li l-Litwanja tipproponi li tirrevedi ’l isfel il-kostijiet determinati f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017 għal kull waħda minn dawk is-snin, kif stabbilit fit-tabella li ġejja:

Żona tal-imposti en route tal-Litwanja

2022

2023

2024

Kostijiet determinati inizjali f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017 (inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni)

22,5 M EUR

25,1 M EUR

25,3 M EUR

Kostijiet determinati riveduti maħsuba f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017

18,2 M EUR

19,5 M EUR

20,0 M EUR

Differenza

-19,0  %

-22,2  %

-20,8  %

(24)

It-talba għal reviżjoni tinkludi previżjoni aġġornata tal-inflazzjoni għal-Litwanja għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024, kif deskritt fit-tabella li ġejja:

Żona tal-imposti en route tal-Litwanja

2022

2023

2024

Indiċi tal-inflazzjoni inizjali, bil-bidla fl-inflazzjoni mbassra minn sena għal sena fil-parentesi (data inkluża fil-pjan tal-prestazzjoni)

112,4

(2,8  %)

115,4

(2,7  %)

117,8

(2,1  %)

Indiċi tal-inflazzjoni rivedut, b’bidla fl-inflazzjoni minn sena għal sena fil-parentesi

130,6

(17,9  %)

141,7

(8,5  %)

146,0

(3,0  %)

(25)

It-tabella li ġejja turi l-kostijiet determinati f’termini nominali għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024:

Żona tal-imposti en route tal-Litwanja

2022

2023

2024

Kostijiet inizjali determinati f’termini nominali (inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni)

24,5 M EUR

27,9 M EUR

28,6 M EUR

Kostijiet determinati riveduti maħsuba f’termini nominali

21,9 M EUR

24,9 M EUR

26,1 M EUR

Differenza

-10,4  %

-10,9  %

-8,9  %

(26)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Litwanja rrevediet ’l isfel il-kostijiet determinati nominali għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024, minkejja r-reviżjoni ’l fuq tal-previżjoni tal-inflazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri ta’ konteniment tal-kostijiet stabbiliti mil-Litwanja mhux biss jinnewtralizzaw l-effett tal-inflazzjoni ogħla mbassra fuq il-bażi tal-kost, iżda wkoll iwasslu għal tnaqqis ulterjuri sinifikanti tal-kostijiet determinati imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru.

(27)

Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri riveduti tal-kosteffiċjenza maħsuba proposti mil-Litwanja abbażi tal-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(28)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +5,1 % matul l-RP3 għandha prestazzjoni aktar baxxa mix-xejra madwar l-Unjoni ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(29)

Fir-rigward tal-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2”) u l-RP3 ta’ +0,2 % għandha prestazzjoni aktar baxxa mix-xejra fit-tul madwar l-Unjoni ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(30)

Kif innotat fil-premessi (8) u (9), il-Kummissjoni tfakkar li l-bidliet fit-traffiku li rriżultaw mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslu għal deterjorament serju tal-prospetti tat-traffiku tal-Litwanja għall-RP3, li huwa rifless f’għadd sostanzjalment imnaqqas ta’ unitajiet ta’ servizzi previsti għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024. Għalhekk, għall-finijiet tal-kriterji ta’ valutazzjoni eżaminati fil-premessi (28) u (29), huwa meħtieġ u xieraq li jiġi eżaminat jekk il-Litwanja tissodisfax ix-xejriet tal-kosteffiċjenza fl-Unjoni kollha fin-nuqqas tat-tnaqqis sever fit-traffiku għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024, li huwa dovut għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi.

(31)

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid ix-xejra tad-DUC tal-Litwanja tul l-RP3 u x-xejra fit-tul tad-DUC tal-Litwanja tul l-RP2 u l-RP3 billi użat it-tbassir bażi tat-traffiku ta’ STATFOR ta’ Ottubru 2021. Dak il-kalkolu mill-ġdid irriżulta f’xejra ta’ DUC aġġustata għal-Litwanja ta’ -7,9 % fuq l-RP3 u f’xejra ta’ DUC en route fit-tul aġġustata għal-Litwanja ta’ -5,5 % fuq l-RP2 u l-RP3. Dawn iż-żewġ xejriet aġġustati huma ferm inqas mix-xejriet korrispondenti tad-DUC mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % u -1,3 %, rispettivament. Għalhekk, fin-nuqqas tal-bidliet fit-traffiku kkawżati mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Litwanja tissodisfa l-kriterji ta’ valutazzjoni msemmija fil-premessi (28) u (29).

(32)

Fir-rigward tal-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur ta’ bażi ta’ EUR 37,64 tad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti tal-Litwanja (espress fi prezzijiet tal-2017) huwa 46,4 % ogħla mill-valur medju bażi ta’ EUR 25,71 (espress fi prezzijiet tal-2017) tal-grupp komparatur rilevanti.

(33)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-miri riveduti tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti tal-Litwanja huma ogħla mill-miri inizjali inklużi fil-pjan tal-prestazzjoni adottat fl-2022. Madankollu, dan id-deterjorament huwa kompletament dovut għas-suppożizzjonijiet ta’ tnaqqis kbir fit-traffiku. Meta jiġi eskluż l-impatt negattiv tal-bidliet fit-traffiku li rriżultaw mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa evidenti li l-Litwanja tissodisfa kemm ix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha kif ukoll ix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha. Irrispettivament mid-differenza bejn il-valur ta’ bażi tal-Litwanja u l-medja tal-grupp komparatur imsemmija fil-premessa (32), il-Kummissjoni tqis li hemm raġuni suffiċjenti biex il-miri riveduti tal-kosteffiċjenza maħsuba tal-Litwanja jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha għall-RP3.

(34)

Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ġie stabbilit fil-premessi (23) sa (26), il-Kummissjoni tinnota li l-Litwanja ħadet miżuri ta’ trażżin tal-ispejjeż biex ittaffi dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali billi naqqset b’mod konsiderevoli l-kostijiet determinati tagħha, kemm f’termini reali kif ukoll f’termini nominali, għall-bqija tal-RP3. Il-miżuri relatati stabbiliti fit-talba għal reviżjoni tal-Litwanja jinkludu l-posponiment tar-reklutaġġ għal ċerti pożizzjonijiet vakanti u tnaqqis fl-għadd ippjanat ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f’operazzjonijiet għall-bqija tal-RP3. Il-Kummissjoni tosserva li dawk il-miżuri ta’ trażżin tal-kostijiet huma ġeneralment proporzjonati man-numru aktar baxx ta’ movimenti IFR previst għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024, kif ippreżentat fil-premessa (8).

(35)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ġie stabbilit fil-premessi (20) sa (34), il-miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route li l-Litwanja pproponiet fit-talba tagħha għal reviżjoni, jenħtieġ li jitqiesu bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

KONKLUŻJONIJIET

(36)

Għalhekk, fid-dawl tal-premessi (6) sa (35), il-Litwanja jenħtieġ li tkun awtorizzata tirrevedi l-miri tagħha tal-prestazzjoni tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024 f’konformità mat-talba għal reviżjoni mressqa fis-26 ta’ Awwissu 2022,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba għal reviżjoni mressqa mil-Litwanja fis-26 ta’ Awwissu 2022, fir-rigward tal-miri tal-prestazzjoni tagħha għat-tielet perjodu referenzjarju fl-oqsma ewlenin tal-prestazzjoni tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza, hija approvata.

Il-Litwanja hija awtorizzata tadotta pjan rivedut tal-prestazzjoni li jinkludi l-miri tal-prestazzjoni proposti, elenkati fl-Anness, li huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/769 tat-13 ta’ April 2022 dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mil-Litwanja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (ĠU L 139, 18.5.2022, p. 116).


ANNESS

Miri tal-prestazzjoni inklużi fit-talba mressqa mil-Litwanja għar-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tagħha għat-tielet perjodu referenzjarju, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

Il-Litwanja

2022

2023

2024

Miri riveduti tal-kapaċità en route maħsuba, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,02

0,02

0,02

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju determinat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Litwanja

2022

2023

2024

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju determinat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

48,87 EUR

46,90 EUR

45,96 EUR


  翻译: