1.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 179/19 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel
(2007/C 179/07)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
SINTEŻI
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 510/2006
“ΣΤΑΦΙΔΑ ΖΑΚΥΝΘΟΥ (STAFIDA ZAKYNTHOU)”
Nru tal-KE: EL/PDO/005/0493/12.9.2005
DPO ( X ) IĠP ( )
Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:
Isem: |
Ministeru għall-iżvilupp rurali u l-ikel direttorat ta' l-agrikoltura organika, dipartiment DPO, IĠP, STG |
Indirizz: |
Αcharnon 29, GR-101 76, Athènes |
Telefon: |
(30) 210 823 20 25 |
Feks: |
(30) 210 882 12 41 |
Posta elettronika: |
yp3popge@otenet.gr |
2. Grupp:
Isem: |
Grupp ta' produtturi (i) frott u ħaxix, għaqda ta' kooperattivi agrikoli ta' Zakynthos (passolina ta' Zakynthos) |
Indirizz: |
Lomvardou 42, GR-291 00, Zakynthos |
Telefon: |
(30) 269 502 76 11/504 24 26 |
Feks: |
(30) 269 502 22 68 |
Posta elettronika: |
easzakinthoy@aias.gr |
Kompożizzjoni: |
Produtturi/proċessaturi ( X ) Oħrajn: ( ) |
3. Tip ta' prodott:
Klassi 1.6 — Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
4. Speċifikazzjoni
(sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1 Isem: “Σταφίδα Ζακύνθου” (Stafida Zakynthou)
4.2 Deskrizzjoni: “Σταφίδα Ζακύνθου” (Stafida Zakynthou) jiġi esklussivament mill-għeneb Vitis corinthica, li jitnexxef naturalment bix-xemx.
Il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott ipproċessat huma:
id-daqs żgħir u uniformi, b'dijametru ta' bejn 4 u 8 mm
il-kulur uniformi aħmar jagħti fil-vjola;
il-kontenut massimu ta' rtuba huwa 18 % tal-piż tal-prodott;
l-assenza ta' żrieragħ. Il-preżenza ta' passolini biż-żerriegħa hija permessa sa total ta' 2 %.
Fis-swieq Ewropej u internazzjonali, il-prodott huwa magħruf bl-isem ta' “Zante currants” u jitqiegħed fis-suq f'dawn it-tliet tipi:
“żgħir”, fejn id-dijametru tal-passolina jvarja bejn erba' u seba' millimetri;
“medju”, fejn id-dijametru tal-passolina jvarja bejn sitta u tmien millimetri;
“imħallat”, fejn id-dijametru tal-passolina jvarja bejn erba' u tmien millimetri.
4.3 Żona ġeografika: Il-prodott “Σταφίδα Ζακύνθου” (Stafida Zakynthou) jitkabbar u jitnixxef fil-gżira ta' Zakynthos. Iż-żona ta' produzzjoni tkopri 16 700 stremmas (1 stremma = 100 m.q.) u tammonta għal 10 % ta' l-art agrikola tal-gżira.
4.4 Prova ta' l-oriġini: Il-membri tal-grupp ta' produtturi (i) Frott u Ħaxix ta' l-Għaqda ta' Kooperattivi Agrikoli ta' Zakynthos (Zante Currants) huma obbligati li jirreġistraw il-pjantaġġuni ta' l-għeneb għall-passolina tagħhom f'lista li tkun magħmula, miżmuma u aġġornata mill-korp ta' spezzjoni. Il-prodott jinġarr mingħand il-produttur għal għand il-proċessatur f'kaxxi magħmulin minn plastik li jista' jinżamm l-ikel fih u li jkunu stivati fuq xulxin u nnumerati. Kull kaxxa nnumerata tikkorrispondi għal xi produttur speċifiku. Sabiex jiżgura t-traċċabilità tal-prodott, il-proċessatur iżomm reġistru annwali li fih, in-numerazzjoni tal-kaxxi tal-kartun li jintużaw għal-ippakkeġġar tal-prodott finali tkun tikkorrispondi man-numerazzjoni tal-kaxxi tal-plastik.
4.5 Metodu ta' produzzjoni:
Kultivazzjoni
F'Zakynthos, il-passolina ta' Zakynthos titkabbar mingħajr l-użu ta' irrigazzjoni. It-tqassim tad-dwieli huwa lineari, u meta jinżabru, z-zokk jitħaffer f'forma ta' nofs tond. Element importanti tat-teknika ta' kultivazzjoni hija “il-qatgħa”, fejn il-qoxra tal-biċċa zokk tad-dielja li jibqa' fl-art tiġi mibruxa. Bħala alternattiva għall-“qatgħa”, l-għenieqed ta' l-għeneb jintbexxew b'taħlita ta' sustanzi għall-pjanti li jkunu adekwati u approvati mill-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u Komunitarji.
Ħsad u tnixxif
Il-frott jinħasad bl-idejn, meta l-għeneb jikseb il-kulur (aħmar jagħti fil-vjola) u l-ħlewwa karatteristiċi tiegħu u l-għenieqed jinqatgħu faċilment. Fl-istess jum, l-għeneb li jinħasad jiġi espost għax-xemx ħalli jinxef; fuq art li jkollha formazzjoni permanenti speċjali — art għat-tnixxif — fuq xtillieri li jistgħu jkunu tal-karti jew tal-plastik. Fil-proċess tat-tnixxif ma jintużawx kimiċi. Meta l-għenieqed ikunu niexfa għal kollox, dawn jintgħorku b'mod ġentili, fuq l-art, permezz ta' furkettuni tal-plastik biex b'hekk, iz-zkuk jintgħażlu u jitneħħew. Mbagħad, il-prodotturi jaħżnu l-prodott.
Il-ġbir u l-ħażna
Fl-ewwel ħmistaxil ġurnata ta' Settembru, jibda l-ġbir tal-prodott. Dan jinħareġ mill-imħażen, jintgħarbel u jittieħed għand il-proċessatur għall-ħażna. Il-prodott jibqa' maħżun għand il-proċessatur sakemm jasal iż-żmien li jiġi pproċessat.
Proċessar
Il-proċessar tal-prodott imnixxef jonvolvi dawn l-operazzjonijiet:
— |
it-tneħħija tal-passolina li tkun żgħira ħafna, tal-passolina li tkun weħlet ma' xulxin, ta' biċċiet ta' zkuk u ta' materjal veġetali li jkun ġej mill-għalqa tad-dwieli; |
— |
It-tqassim tal-prodott fil-kategoriji “żgħir”, “medju” u “mħallat”; |
— |
il-ħasil tal-frott fl-ilma nadif biss; |
— |
it-tneħħija totali ta' rtuba mill-wiċċ tal-passolina (tnixxif), permezz ta' kurrenti ta' l-arja li jingħaddu tul il-linja ta' produzzjoni; |
— |
it-tneħħija tal- pedunkulu u l-kontroll finali tal-prodott. |
Tul il-proċess, ma tiġi miżjuda ebda sustanza.
L-ippakkeġġar u l-eliminazzjoni ta' l-insetti
Il-proċessatur jippakkja l-prodott finali f'kontenituri li jkunu jesgħu bejn 0,2 kg u 1 kg jekk ikun għal bejgħ bl-imnut, filwaqt li jekk ikun destinat għall-bejgħ bl-ingrossa, il-prodott jitqiegħed f'kontenituri tal-kartun li jkunu jesgħu bejn 10 kg u 15 kg. Qabel ma tintbagħat biex tinħareġ fis-suq, it-tagħbija titnaddaf mill-insetti.
4.6 Rabta: F'Zakynthos, il-produzzjoni tal-Passolina ta' Zakynthos inbdiet fil-bidu tas-seklu 16 u, taħt it-tmexxija tal-Venezjani, nfirxet rapidament mal-gżira kollha. Sa mill-bidu, il-kwalità eċċezzjonali tal-prodott wasslet għal talba akbar għalih fil-pajjiżi Ewropej.
L-istess bħal ma jiġri llum, f'dak iż-żmien, id-domanda għolja għall-prodott wasslet biex il-kultivazzjoni ta' l-għeneb issir is-settur ewlieni tal-produzzjoni agrikola tal-gżira, u b'hekk dan is-settur kiseb rwol prominenti fl-ekonomija tal-pajjiż.
Il-kwalità eċċezzjonali tal-prodott hija frott tal-ħamrija u kundizzjonijiet klimatiċi speċjali tar-reġjun u tal-metodi li jintużaw fil-kultivazzjoni, tnixxif u proċessar.
Il-ħamrija ta' Zakynthos (li fiha ħafna alkali u ġir), in-nuqqas ta' ġlata fir-Rebbiegħa, ix-xemx abbundanti u t-temperatura għolja fil-perjodu ta' bejn Mejju u Lulju, u l-ftit xita li tinżel f'Lulju u Awwissu kollha jikkontribwixxu biex il-prodott jikseb kontenut għoli ta' zokkor u allura, jagħtuh dik it-togħma helwa, qawwija u karatteristika tiegħu. Dawn l-elementi jikkontribwixxu wkoll biex il-frotta żżom id-daqs żgħir uniformi tagħha u biex iżidu l-kontenut tal-pigment li jagħti dak il-kulur ħamrani fil-vjola skur lill-prodott finali.
It-temperatura medja għolja ta' l-arja flimkien mal-predominanza ta' riħ mit-tramuntana matul il-perjodu tat-tnixxif jippermettu li l-għeneb jinxef kemm ikun meħtieġ u fi żmien mixtieq, permezz ta' espożizzjoni għax-xemx biss u mingħajr l-assistenza ta' xi sustanzi oħra.
Barra minn hekk, il-metodu ta' kultivazzjoni (li huwa adattat għall-utilizzazzjoni totali tal-ħamrija u tal-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjun), il-metodi ta' kura u delikati li bihom jiġi trattat il-prodott waqt il-ħsad u tnixxif, il-proċessar u l-kontroll metikoluż li jiġu applikati l-ħin kollu, jiggarantixxu l-kwalità eċċezzjonali tal-prodott u s-sikurezza tal-konsumatur.
4.7 Organu ta' spezzjoni:
Isem: |
Organu għall-Akkreditament tal-Prodotti Agrikoli (OPEGEP) — AGROCERT |
Indirizz: |
Androu 1 & Patission, GR-112 57, Athènes |
Telefon: |
(30) 210 823 12 77 |
Feks: |
(30) 210 823 14 38 |
Posta elettronika: |
agrocert@otenet.gr |
Isem: |
Awtorità tal-Prefettura ta' Zakynthos, Direttorat għall-Iżvilupp Rurali |
Indirizz: |
Diikitirio, GR-291 00, Zakynthos |
Telefon: |
(30) 269 504 93 41 |
Feks: |
(30) 269 504 83 12 |
Posta elettronika: |
u14804@minagric.gr |
4.8 Tikkettar: L-ippakkeġġar għandu jkollu l-indikazzjoni “ΣΤΑΦΙΔΑ ΖΑΚΥΝΘΟΥ (ΠΟΠ)”. Din l-indikazzjoni għandha tkun tidher fuq rappreżentazzjoni tal-gżira ta' Zakynthos li tkun fuq skala ta' 1:300 000 u f'ittri li jkunu ħoxnin talanqas id-doppju ta' l-ittri li jintużaw fi kwalunkwe indikazzjoni oħra.
Barra minn hekk, l-ippakkeġġar għandu jkollu l-indikazzjonijiet meħtieġa skond il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u Komunitarji.
Fuq il-kontenituri li jintużaw għall-bejgħ bl-ingrossa, it-tip tal-prodott għandu jkun indikat permezz tal-kliem “żgħir” jew “medju” jew “imħallat”, jew bit-traduzzjoni tagħhom.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.