Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex jiġu inklużi attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità /* KUMM/2008/0221 finali - COD 2006/0304 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 22.4.2008 KUMM(2008) 221 finali 2006/0304 (COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex jiġu inklużi attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità 2006/0304 (COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex jiġu inklużi attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità (Test b'relevanza għaż-ŻEE) 1. IL-KUNTEST Id-data ta' trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2006)818 finali – 2006/0304COD): | l-20 ta’ Diċembru 2006 | Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | il-31 ta’ Mejju 2007 | Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: | l-10 ta’ Ottubru 2007 | Data ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari | it-13 ta’ Novembru 2007 | Data ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni (b'unanimità): | l-18 ta’ April 2008 | 2. L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI L-għan ta' din il-proposta huwa li jiġi indirizzat l-impatt dejjem jikber tat-tibdil fil-klima mill-avjazzjoni permezz ta' l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-iskema tal-Komunità ta' l-iskambju ta' l-emissjonijiet Dan jagħmel parti minn approċċ komprensiv għat-tnaqqis ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima kif stipulat fid-dokument COM (2005) 459 finali tas-27 ta’ Settembru 2005. 3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI 3.1 Kummenti ġenerali Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-13 ta' Novembru 2007. Il-Kummissjoni aċċettat bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju 22 mid-59 emenda proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu. Ħdax minn dawn it-22 emenda ġa huma riflessi, mill-inqas parzjalment, fil-pożizzjoni komuni Il-Kummissjoni aċċettat emendi, jew bi sħiħ jew fil-prinċipju jew parzjalment, li jiċċaraw il-kuntest tal-proposta, ma jnaqqsu xejn mill-għan ġenerali tal-proposta jew jagħmlu modifiki lill-kategoriji tat-tipi speċjali ta' titjiriet li huma esklużi mill-iskema. Il-Kummissjoni rrifjutat emendi li jistgħu jbiddlu n-natura tal-proposta, bħal emendi li jillimitaw il-ħila tas-settur ta’ l-avjazzjoni li jixtri konċessjonijiet minn setturi oħra inklużi fl-Iskema ta’ l-UE għall-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet. Irrifjutat ukoll emendi li teknikament mhumiex fattibbli jew li huma ta’ xkiel mhux meħtieġ mil-lat amministrattiv. Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni komuni ma tibdilx l-approċċ jew l-għanijiet tal-Proposta u għaldaqstant tista' tappoġġaha hekk kif inhi. 3.2. Kummenti dettaljati 3.2.1. Emendi Parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni L-emendi 14, 76, 30, 40, 47, 49, 51, 52, u 53 ġew inkorporati, b'formulazzjoni kemmxejn differenti, fil-pożizzjoni komuni. L-emenda 30 hija kjarifika siewja u konsistenti ma’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva u ġiet inkorporata għal kollox fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill. L-emendi 76 u 14 jikkonċernaw l-użu ta’ l-irkant u huma inklużi sal-punt fejn jagħmlu referenza espliċita għall-użu tad-dħul mill-irkanti biex jiġi affrontat it-tibdil fil-klima fl-UE u f’pajjiżi terzi u sal-punt li miżuri bħal dawn jistgħu jintużaw sabiex iħeġġu t-trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. L-emenda 40 hija aċċettabbli għaliex tiżgura li d-dispożizzjonijiet rigward l-użu tas-CERs/ERUs mill-operaturi ta’ l-inġenji ta’ l-ajru jkunu konsistenti ma’ dawk applikati f’setturi oħra mill-2013. L-emenda 47 ġiet inkorporata sal-punt fejn tipprovdi għat-tħassir tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni li hemm fil-proposta tal-Kummissjoni. L-emenda 49 għandha l-għan li tibgħat sinjal li l-UE lesta timpenja ruħha mal-bqija tad-dinja biex tilħaq qbil dwar it-trattament ta' l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u tadatta l-iskema tagħha għar-regoli ta' skema komuni maqbula mal-pajjiżi terzi. L-ispirtu ta’ din l-emenda huwa rifless fil-pożizzjoni komuni L-emenda 51 hija inkoroprata fil-pożizzjoni komuni sal-punt fejn ikun jeħtieġ li t-titjiriet Statali mill-Kapijiet ta' l-Istat ta' l-UE jiġu inklużi f'din l-iskema. L-emendi 52 u 53 huma inklużi, billi l-pożizzjoni komuni tipprovdi għall-esklużjoni ta’ titjiriet tat-tiftix u s-salvataġġ, tat-tifi tan-nar, u tas-servizz mediku umanitarju u ta’ emerġenza. L-emendi 70 u 79 ġew inklużi sal-punt fejn il-pożizzjoni komuni eskludiet titjiriet imwettqa esklussivament għall-iskop ta' ċċekkjar, ittestjar jew ta' ċertifikazzjoni ta' inġenji ta’ l-ajru jew tagħmir, sew li jtir jew li qiegħed fl-art. 3.2.2. Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni iżda mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni Ħames emendi li ġew irrifjutati mill-Kummissjoni ġew inkorporati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni L-emenda 13 ġiet aċċettata sal-punt li l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tinkludi referenza għall-mira ta’ 20 fil-mija fil-premessi tagħha. Il-Kummissjoni taqbel li s-settur ta’ l-avjazzjoni għandu jikkontribwixxi għall-mira kumplessiva ta’ l-UE għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet b’20 sa 30 fil-mija meta mqabbel mal-livelli ta' l-1990. L-ispirtu ta’ l-emendi 22 , 28 u 33 , li għandhom x’jaqsmu mal-ħtieġa ta’ riżerva ġdida għal operaturi ġodda għas-settur ta’ l-avjazzjoni, ġiet inkorporata fil-pożizzjoni komuni bis-saħħa ta’ inklużjoni ta’ Artikolu 3d(a) ġdid li jipprovdi għal riżerva speċjali għall-operaturi l-ġodda ta’ l-inġenji ta’ l-ajru u operaturi li jgħaddu minn tkabbir sinifikanti. L-emenda 78 hija inkorporata fil-pożizzjoni komuni sal-punt fejn ikun jeħtieġ li tipprovdi biex it-titjiriet kollha lejn jew minn l-ajruporti ta’ l-UE jkunu inklużi fl-iskema mill-bidunett milli gradwalment kif ipprovdut fil-proposta tal-Kummissjoni. 3.2.3. Emendi Parlamentari aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju mill-Kummissjoni iżda mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni L-emendi 1, 3, 4, 5, 7, 8, 10, 35, 45, 17 u 65 ġew parzjalment aċċettati jew aċċettati fil-prinċipju mill-Kummissjoni, iżda mhumiex inkorporati. Fil-biċċa l-kbira jirrigwardaw tibdiliet żgħar fil-premessi. 3.2.4. Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni Dawk l-emendi Parlamentari li jittrattaw b’mod partikolari d-definizzjonijiet fil-proposta, limitu ta’ l-użu mill-operaturi ta’ l-inġenji ta’ l-ajru ta’ konċessjonijiet minn setturi oħra, multiplikatur li jqis impatti li mhumiex tas-CO2 fuq l-avjazzjoni, u l-limitu tal-piż għall-eżenzjoni mill-iskema, ma kinux aċċettabbli għall-Kummissjoni jew għall-Kunsill u mhumiex inkorporati fil-pożizzjoni komuni. 3.2.5. Bidliet li għamel il-Kunsill lill-Proposta Il-Kunsill ippropona il-bidliet addizzjonali ewlenin li ġejjin lill-proposta tal-Kummissjoni: Id-data tal-bidu: Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tipprovdi li t-titjiriet kollha jiġu inklużi fl-iskema mill-2012. Tneħħi għalhekk id-dipożizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi fl-2011 it-titjiriet bejn l-ajruporti ta’ l-UE Filwaqt li l-Kummissjoni tippreferi l-proposta oriġinali tagħha għal approċċ gradwali, tista’ taċċetta approċċ f’daqqa. Il-Kummissjoni tixtieq li l-iskema tibda mill-aktar fis. Madankollu, minħabba ż-żmien li x’aktarx għad hemm bżonn biex il-leġiżlazzjoni tiġi maqbula għal kollox u biex il-miżuri ta’ implimentazzjoni jiġu stabbiliti, u l-fatt li t-titjiriet kollha se jiġu inklużi fl-istess data, l-2012 huwa aċċettabbli għall-Kummissjoni. Dħul mill-irkanti: Il-proposta tal-Kummissjoni pprovdiet li d-dħul mill-irkanti tal-konċessjonijiet għandu jintuża għat-taffija u l-adattament għall-impatti tal-bidla fil-klima u biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi ta’ l-iskema. Il-Kummissjoni jisgħobbija li l-pożizzjoni komuni ddgħajjef id-diċitura u tistqarr biss li d-dħul mill-irkant għandu jintuża għal dawn l-għanijiet. Reviżjoni tal-limiti (l-ikkappjar): Il-pożizzjoni komuni tinkludi dispożizzjoni għall-Kummissjoni biex tirrevedi t-tħaddim tad-Direttiva b'rabta ma' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni sa l-1 ta' Ġunju 2015. Dan jinkludi li jiġi kkunsidrat sa liema punt għandha titnaqqas il-kwantità totali tal-konċessjonijiet li għandhom jiġu allokati lill-operaturi ta’ l-ajru, b’mod konformi mal-miri kumplessivi tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni taqbel li tkun xierqa reviżjoni bħal din. Interazzjoni ma’ miżuri ta’ pajjiżi terzi Il-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi għal titjiriet li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi biex ikun eżenti jekk koperti minn miżuri ekwivalenti f'dawk il-pajjiżi. Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tipprovdi għal approċċ aktar flessibbli sabiex tinsab l-aħjar alternattiva sabiex tiġi żgurata interazzjoni bejn l-iskema tal-Komunità u l-miżuri meħuda f’pajjiż terz. Il-Kummissjoni tappoġġa dan l-approċċ. Livell ta’ l-irkant: Il-Kummissjoni pproponiet li, fil-perjodu qabel l-2013, il-peċentwal ta’ konċessjonijiet li għandu jiġi irkantat fis-settur ta’ l-avjazzjoni għandu jkun il-medja tal-perċentwali proposti mill-Istati Membri li jinkludu l-irkantar fil-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom. Abbażi tat-tagħrif li għandha f'idejha l-Kummissjoni dwar il-pjanijiet għall-irkanti, il-medja b'koeffiċjent korrettiv tkun ta' madwar 7-8%. Il-Kummissjoni xorta tqis il-proposta oriġinali tagħha bħala l-aħjar alternattiva. Madankollu, iċ-ċifra ta’ 10 fil-mija inkluża fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hija aċċettabbli għall-Kummissjoni għaliex ma twassalx fil-prattika għal differenzi mhux dovuti fit-trattament ta' l-irkantar bejn l-avjazzjoni u setturi oħra ta' l-ekonomija. Il-proposta tal-Kummissjoni pprovdiet biex il-livelli ta’ l-irkantar għall-perjodi li ġejjin iqisu r-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tipprovdi biex għall-perjodi li ġejjin is-sehem ta’ l-irkantar ikun jista’ jiżdied bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE. Dan huwa aċċettabbli għall-Kummissjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra {COM(2008) 16 finali} tipprovdi li “l-avjazzjoni għandha tiġi ttrattata bħall-industriji l-oħra li jirċievu allokazzjoni mingħajr ħlas tranżitorja aktar milli bħala ġeneraturi ta' l-elettriku. Dan ifisser li 80% tal-kwoti jiġu allokati mingħajr ħlas fl-2013, u minn hemm 'il quddiem l-allokazzjoni mingħajr ħlas għall-avjazzjoni titnaqqas kull sena b'ammonti ugwali sakemm fl-2020 tirriżulta f'allokazzjoni mhux mingħajr ħlas.” Aġġustamenti għad-dispożizzjonijiet dwar il-benchmarking Il-pożizzjoni komuni taġġusta t-tagħbija u d-distanza użata biex jiġu kkalkulati t-tunnellati-kilometri li jsiru minn kull operatur ta’ inġenju ta’ l-ajru li huma l-bażi għal-limitu użat biex jitqassmu l-konċessjonijiet b’xejn. Il-massa għal kull passiġġier u l-bagalji ċċekkjati tiegħu tgħaddi għal 100kg u 95km jiżdiedu għad-distanza ortodromika. Il-Kummissjoni jisgħobbija li l-Kunsill ma adottax il-benchmark kif propost iżda tista’ taċċetta dan l-approċċ sabiex ikun jista’ jintlaħaq qbil. Pjanijiet ta’ monitoraġġ u rappurtar: Il-pożizzjoni komuni tintroduċi rekwiżit addizzjonali għall-Istati Membri biex jiżgura li l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru jressqu pjanijiet ta' monitoraġġ li jistipulaw miżuri għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-emissjonijiet u dejta dwar tunnellati-kilometri. Il-Kummissjoni tqis li dan ir-rekwiżit addizzjonali jkun siewi sabiex jiżgura li l-operaturi kollha ta’ l-inġenji ta’ l-ajru jkunu konxji mir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ li japplikaw għalihom taħt din l-iskema. Riżerva speċjali: Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fiha Artikolu ġdid li jipprovdi biex tinħoloq riżerva speċjali għall-operaturi ġodda ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-operaturi li jesperjenzaw tkabbir qawwi (ta' aktar minn 18% annwalment fis-snin wara s-sena bażi użata biex tassenja l-konċessjonijiet lill-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru). L-Artikolu l-ġdid jipprovdi biex 3% tal-konċessjonijiet jitqiegħdu fir-riżerva u għal tqassim ta' darba tal-konċessjonijiet ibbażat fuq l-istess sistema ta’ benchmarking kif propost għall-allokazzjoni inizjali tal-konċessjonijiet. Minkejja li l-Kummissjoni kieku tkun tippreferi ma tipprovdix speċifikament għall-ġodda fis-suq, tista' taċċetta l-Artikolu l-ġdid billi fih biżżejjed salvagwardji biex jiġi żgurat li l-effett tiegħu huwa limitat u li ma jimminax il-metodoloġija ta' l-allokazzjoni stipulata fil-proposta tal-Kummissjoni. Il-konverżjoni tal-konċessjonijiet ta’ l-avjazzjoni: Billi l-emissjonijiet ta’ l-avjazzjoni internazzjonali mhumiex integrati fl-impenji ta’ l-Istati Membri skond il-Protokoll ta’ Kjoto, il-konċessjonijiet allokati lis-settur ta’ l-avjazzjoni jistgħu biss jintużaw għall-konformità mill-operaturi ta’ l-inġenji ta’ l-ajru. Dan huwa meħtieġ sabiex tinżamm l-integrità tas-sistema tal-kontabilità li tipprovdi li l-konċessjonijiet jintrabtu ma’ l-AAUs fil-perjodu 2008-12. Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni kienet tinkludi dispożizzjoni li setgħet tippermetti lill-operaturi ta’ l-inġenji ta’ l-ajru jikkonvertu l-konċessjonijiet tagħhom f’konċessjonijiet li setgħu jintużaw minn operaturi oħra. Il-pożizzjoni komuni kieku tħassarha din id-dispożizzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni tippreferi tinkludi dispożizzjoni għall-konverżjoni tal-konċessjonijiet, it-tħassir tad-dispożizzjoni tqies aċċettabbli sabiex jiġi ffaċilitat ftehim. Dispożizzjonijiet dwar l-infurzar: Il-Kunsill ippropona miżuri ta’ infurzar addizzjonali biex jiżgura li meta operatur jonqos milli jimxi ma’ l-obbligi ta’ l-iskema, u l-miżuri ta' l-infurzar użati mill-Istat Membru jkunu ġew eżawriti, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni operattiva fil-livell Komunitarju fuq l-operatur ta’ l-inġenju ta’ l-ajru. Il-miżuri ta’ l-infurzar huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-iskema hija effettiva fit-tnaqqis ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq it-tibdil tal-klima. L-Artikolu addizzjonali jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta' l-infurzar taħt l-iskema u huwa disinċentiv ulterjuri għan-non-konformità. Il-Kummissjoni għalhekk taqbel ma’ l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet addizzjonali. Eżenzjoni de minimis: Il-pożizzjoni komuni fiha bosta bidleit għall-esklużjonijiet fil-proposta. L-aktar sinifikanti hija l-inklużjoni ta’ esklużjoni de minimis li teskludi l-operaturi kummerċjali li joperaw inqas minn 243 titjira kull perjodu għal tliet perjodi konsekkuttivi ta’ erba’ xhur. Il-Kummissjoni tappoġġa esklużjoni de minimis li teskludi it-tajjara infrekwenti lejn l-UE u li, b’mod partikolari, għandha l-potenzjal li tgħin dawk il-linji ta’ l-ajru ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw bl-aktar rabtiet dgħajfa u limitati ma’ l-UE. 4. KONKLUŻJONI Il-bidliet introdotti mill-Kunsill huma aċċettabli għall-Kummissjoni għaliex huma konsistenti ma' l-għan tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta’ l-avjazzjoni li jġibu t-tibdil fil-klima u jibnu fuq il-proposta tal-Kummisjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-pożizzjoni komuni.