26.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 230/7 |
Il-Ħamis, 8 ta' Ottubru 2009
L-effetti tal-kriżi ekonomika globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P7_TA(2009)0029
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2009 dwar l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-koperazzjoni għall-iżvilupp
2010/C 230 E/02
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-laqgħa għolja tal-G20 li saret f'Londra fit-2 ta' April 2009 u d-dikjarazzjoni tagħha dwar il-Pjan Globali għall-Irkupru u r-Riforma,
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali, fost affarijiet oħra, għall-eliminazzjoni tal-faqar u l-ġuħ,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) bl-isem “Global Monitoring Report 2009: A Development Emergency” ippublikat f'April 2009,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji bl-isem “Global Development Finance: Charting a Global Recovery 2009” ippublikat f'Ġunju 2009,
wara li kkunsidra l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriżi Finanzjarja u Ekonomika Dinjija u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp u l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tar-riżultati tal-konferenza permezz tar-Riżoluzzjoni 63/303 tad-9 ta' Lulju 2009,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2009 bl-isem “Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi” (COM(2009)0160),
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 u d-19 ta' Mejju 2009 dwar l-appoġġ li għandu jingħata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar ir-reviżjoni strateġika tal-Fond Monetarju Internazzjonali (1),
wara li kkunsidra l-istudju mill-Professur Ngaire Woods dwar ir-reazzjoni internazzjonali għall-kriżi globali u r-riforma tal-istruttura finanzjarja u ta' għajnuna internazzjonali (2),
wara li kkunsidra l-Konferenza dwar l-Iffinanzjar Innovattiv li saret f'Pariġi fit-28 u d-29 ta' Mejju 2009 u l-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp li saret f'Doha bejn it-28 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru 2008,
wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Marzu 2009 tal-Kumitat tal-Minsitri tal-Finanzi Afrikani u tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali li ġie stabbilit biex jimmoniterja l-kriżi, bl-isem “Impact of the Crisis on African Economies - Sustaining Growth and Poverty Reduction”,
wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-3 ta' Settembru 2009 lill-Kummissjoni dwar l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp (O-0088/2009 – B7-0209/2009),
wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. |
Jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kkawżawx il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, iżda huma affettwati b'mod sproporzjonat minnha, u qed jiffaċċjaw tnaqqis drammatiku fit-tkabbir u l-impjiegi, impatti negattivi fuq il-bilanċ tal-kummerċ u l-bilanċ tal-pagamenti, tnaqqis drastiku ta' influssi netti ta' kapital privat u investiment barrani dirett, inqas aċċess għall-kreditu u l-finanzjament tal-kummerċ, tnaqqis fil-bgħit ta' flus, movimenti kbar u volatili fir-rati tal-kambju, il-kollass tar-riservi, żieda fil-volatilità u tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti primarji, kif ukoll inqas dħul mit-turiżmu; |
2. |
Jaqbel mal-opinjoni ta' Ban Ki–moon, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-kriżi finanzjarja globali kkawżat emerġenza għall-iżvilupp peress li qed tagħmel ħsara, u f'xi każi anke xxejjen, il-progress li nkiseb b'diffikultà fit-tnaqqis tal-faqar, tal-ġuħ u tal-mortalità tal-ommijiet u tat-tfal, kif ukoll fl-edukazzjoni primarja, l-ugwaljanza fis-sessi u l-aċċess għall-ilma nadif u għal iġjene xierqa, u b'hekk qed ixxekkel il-ksib tal-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp, b'mod partikolari dawk marbuta mas-saħħa; |
3. |
Jinnota bi tħassib kbir li din il-kriżi, li qed issegwi tant mill-qrib fuq il-kriżi tal-ikel u tal-prezz tal-kombustibbli, diġà qed iġġib magħha spejjeż kbar għall-bniedem u għandha effetti devastanti għall-vulnerabbli fl-ifqar pajjiżi b'żieda mistennija ta' 23 miljun persuna bla xogħol, sa 90 miljun f'faqar iktar estrem fl-2009 biss, b'theddid għat-trattment mediċinali li jsalva l-ħajja għal sa 1,7 miljun persuna li qed tbati mill-HIV, u bejn 200 000 u 400 000 aktar imwiet tat-trabi kull sena bħala medja bejn l-2009 u l-2015, li hija s-sena sa meta għandhom jinkisbu l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
4. |
Jenfasizza li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw qed isibu li s-sorsi kollha tagħhom ta' finanzjament għall-iżvilupp kienu affettwati mill-kriżi u mhux se jkunu jistgħu jissalvagwardjaw il-progress ekonomiku tagħhom, miksub bi tbatija, mingħajr appoġġ estern estensiv; |
5. |
Jistieden lill-UE biex tieħu azzjoni biex teqred l-abbużi tar-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali tal-kapital minn pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob, għalhekk, li jkun hemm ftehima finanzjarja globali vinkolanti ġdida li tobbliga lill-korporattivi transnazzjonali biex jiżvelaw awtomatikament il-profotti li jkunu għamlu u t-taxxi li jkunu ħallsu għal kull pajjiż, sabiex tkun żgurata t-trasparenza f'dak li jħallsu f'kull pajjiż li qed jiżviluppa fejn joperaw; |
6. |
Jinnota r-rikonoxximent tal-G20 tar-responsabbiltà kollettiva tiegħu biex jittaffa l-impatt soċjali tal-kriżi sabiex tkun imminimizzata ħsara dejjiema għall-potenzjal globali, u l-affermazzjoni mill-ġdid tiegħu ta' wegħdiet ta' għajnuna eżistenti u wegħdiet ta' riżorsi ġodda, inklużi USD 50 biljun għall-appoġġ tal-protezzjoni soċjali, biex jagħtu spinta lill-kummerċ u jħarsu l-iżvilupp fil-pajjiżi bi dħul baxx, bħala parti minn żieda sinifikanti tal-appoġġ fil-kriżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u aktar riżorsi għall-protezzjoni soċjali għall-ifqar pajjiżi; |
7. |
Jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-mexxejja tal-G8 fis-samit ta' L'Aquila, l-Italja, f'Lulju 2009 li jagħtu USD 20 000 miljun għall-iżvilupp rurali u s-sikurezza tal-ikel; |
8. |
Jibża' li r-riżorsi finanzjarji mwiegħda mhux se jkunu biżżejjed, mhux se jkunu jistgħu jiġu konċentrati fuq l-ifqar pajjiżi u gruppi tal-popolazzjoni u mhux se jkunu jistgħu jingħataw b'mod faċli biżżejjed u b'mod li jkun flessibbli biżżejjed biex jiġi ġenerat it-titjib li jeħtieġu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
9. |
Jappoġġja t-talba tal-mexxejja tal-G8 li, fl-2010, issir reviżjoni internazzjonali tal-politiki lejn l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp; |
10. |
Jinnota ż-żieda fir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-FMI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra; jilqa' r-riformi riċenti tal-FMI, li jinkludu rwol iktar prominenti għall-pajjiżi emerġenti; |
11. |
Huwa mħasseb bis-serjetà dwar il-fatt li, f'Lulju 2009, 82 % tar-riżorsi ġodda mislufa tal-FMI marru lejn pajjiżi Ewropej, u 1.6 % biss marru lejn pajjiżi fl-Afrika, li hija indikazzjoni li l-biċċa l-kbira tar-riżorsi disponibbli jista' jkun li qed jiġu ddedikati għal swieq emerġenti bi dħul għoli u pajjiżi bi dħul medju li x'aktarx huma kapaċi jħallsu lura s-self li jirċievu; jenfasizza li t-tfixkil tal-proċessi ta' żvilupp għandu iktar effetti distruttivi u dewwiema għaż-żmien medju għall-pajjiżi l-inqas żviluppati minn dawk li jġarrbu l-iktar avvanzati matul perjodu limitat tal-kriżi; |
12. |
Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni rapida ta' USD 6 000 miljun addizzjonali f'finanzjament konċessjonali u flessibbli għall-ifqar pajjiżi li jirriżulta mill-bejgħ ta' riservi ta' deheb tal-FMI; jinnota bi tħassib kbir l-istimi tal-FMI li hu jista' jipprovdi biss madwar 2 % tal-bżonnijiet finanzjarji esterni ta' pajjiżi bi dħul baxx (gross), li jenfasizza l-ħtieġa li istituzzjonijiet u donaturi oħra jipprovdu aktar riżorsi konċessjonali u għotjiet; |
13. |
Jiddispjaċih li filwaqt li reazzjoni effettiva għall-kriżi se tkun teħtieġ injezzjoni ġdida u kbira ta' riżorsi, u minkejja l-wegħdiet tal-G20 biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi għall-protezzjoni soċjali għall-ifqar pajjiżi, inkluż permezz ta' investiment fis-sigurtà tal-ikel għal perjodu twil ta' żmien u permezz ta' kontribuzzjonijiet bilaterali volontarji lill-qafas tal-vulnerabilità tal-Bank Dinji, inkluż il-mekkaniżmu ta' appoġġ għall-infrastuttura f'sitwazzjoni ta' kriżi u l-fond għal reazzjoni soċjali rapida, il-Bank Dinji tħalla biex jirreaġixxu fil-biċċa l-kbira permezz tar-riżorsi u l-faċilitajiet eżistenti tiegħu stess; |
14. |
Jemmen li l-ewwel prijorità għandha sempliċiment tkun li jiġu appoġġjati politiki li jnaqqsu l-faqar filwaqt li jiksbu l-aħjar valur għall-flus ta' min iħallas it-taxxa, immexxija minn rikonoxximent tad-dinjita umana assoluta ta' kull persuna fid-dinja li qed tiżviluppa; |
15. |
Iqis li l-kummerċ ġust u ta' benefiċċju mutwu huwa l-pedament tal-istabilità tas-suq finanzjarju internazzjonali; jinnota li l-UE għandha tagħmel dak li hu fir-responsabilità tagħha billi tnaqqas is-sussidji li jgħawġu l-kummerċ u l-impendamenti għall-kummerċ li jikkawżaw tant dannu għall-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
16. |
Jinnota d-dannu għall-istruttura kapitali ta' kwalunkwe ekonomija li ssir mit-telf tal-imħuħ; jinnota, barra minn dan, li dan hu tħassib serju u kontinwu f'ħafna zoni tad-dinja peress li l-aħjar nies u dawk l-iktar intelliġenti jitilqu barra mill-pajjiż tagħhom li qed jiżviluppa u li ma tantx jiflaħ jitlifhom; jitlob, għalhekk, li tittieħed azzjoni biex titħeġġeġ il-migrazzjoni ċirkulari; |
17. |
Jinnota bi tħassib kbir li dan irriżulta fl-inabbiltà tal-Bank Dinji li jirrispondi għal numru ta' pajjiżi li saru partikolarment vulnerabbli minħabba l-kriżi, iżda li ma jissodisfawx il-kriterji ta' eliġibilità tal-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD) jew l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp (IDA) jew jikkonformaw mal-mudelli ta' allokazzjoni li jeħtieġu l-affidabbiltà finanzjarja ta' min jissellef u rekord ta' “prestazzjoni tajba”; iqis li din id-disparità fil-finanzjament tenfasizza problemi fundamentali fit-tmexxija tal-Bank Dinji li timminimizza r-riskji lill-istituzzjoni u l-membri li ma jieħdux self, a skapitu tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma membri fil-bżonn; |
18. |
Jenfasizza li l-inabbiltà tal-istituzzjonijiet Bretton Woods li jirrispondu għall-bżonnijiet tal-pajjiżi bi dħul baxx biex dawn ilaħħqu mal-kriżi hija kkawżata prinċipalment bil-fatt li ma sarux riformi li suppost ilhom li saru fit-tmexxija ta' dawk l-istituzzjonijiet biex tittejjeb ir-rilevanza, il-leġittimità u l-effettività tagħhom u s-sensittività u l-kapaċità tagħhom li jirrispondu għal pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li dawn ir-riformi jsiru b'urġenza; |
19. |
Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jerfgħu r-responsabilità tagħhom bħala atturi internazzjonali ewlenin fil-ħidma lejn l-implimentazzjoni rapida tar-riforma meħtieġa tal-istituzzjonijiet Bretton Woods, u sadanittant biex jagħmlu tajjeb għal-lakuni serji fir-reazzjoni għall-kriżi min-naħa tal-G20, tal-FMI u tal-Bank Dinji billi jagħtu malajr għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u billi jiżguraw ħlas malajr lill-pajjiżi li l-investimenti tagħhom biex jirrealizzaw l-Objettivi tal-Millenju tal-Iżvilupp issa qiegħdin f'riskju minħabba xokk estern, b'mod partikolari kriżi finanzjarja mhux prevista minnhom u li fuqha m'għandhomx kontroll; filwaqt li jagħmlu dan, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom dejjem josservaw l-ogħla standards ta' responsabilizzazzjoni u effettività tal-għajnuna f'dak li jikkonċerna l-użu tal-fondi pubbliċi minn min jirċievi mingħand id-donaturi; |
20. |
Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-għajnuna minn xi Stati Membri tal-UE naqset f'termini reali fl-2008; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex b'mod urġenti jissodisfaw l-impenji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (Official Development Assistance - ODA) tagħhom sal-2010, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li maġġoranza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw intlaqtu b'mod serju mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja dinjija; |
21. |
Jilqa' l-pjanijiet tal-UE li għall-bidu tal-perjodu talloka EUR 88 000 miljun f'għajnuna għall-iżvilupp, appoġġ għall-baġit u finanzjament agrikolu għal miżuri immedjati u l-proposta ta' EUR 500 miljun ta' appoġġ għall-infiq soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-mekkaniżmu ad hoc għall-vulnerabilità FLEX għall-pajjiżi tal-Afrika, Karibew u Paċifiku (AKP); jirrakkomanda li l-appoġġ għall-baġit ikun ikkonċentrat fuq l-oqsma tas-saħħa, tax-xogħol deċenti, tal-edukazzjoni, tas-servizzi soċjali u tat-tkabbir ekoloġiku fil-forma ta' appoġġ għall-baġit settorjali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom imsemmija fl-Aġenda għall-Azzjoni tal-UE dwar l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp; jirrikonoxxi l-prinċipju ta' pussess, filwaqt li jenfasizza l-irwol tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istipular tal-politiki, l-istrateġiji u l-programmi ta' żvilupp tagħhom stess, u r-responsabilizzazzjoni tal-UE u tal-imsieħba tagħha li jiżguraw riżultati tal-iżvilupp; |
22. |
Jiġbed l-attenzjoni lejn it-talbiet imtennija tal-Parlament biex il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jiddaħħal fil-Baġit Komunitarju sabiex ikun żgurat skrutinju demokratiku tal-użi li dan jingħata; |
23. |
Jiddispjaċih, madankollu, li barra EUR 100 miljun għall-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura tal-UE-Afrika , l-infiq l-ieħor kollu huwa riżultat ta' impenji li kienu ttieħdu qabel u jitlob finanzjament addizzjonali ikbar; jesprimi tħassib dwar kif il-Kummissjoni se tagħmel tajjeb għal-lakuna fil-finanzjament ikkawżata fis-snin futuri mill-allokazzjoni bil-quddiem ta' appoġġ għall-baġit mill-bidu tal-perjodu; |
24. |
Jenfasizza li l-volumi ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-urġenza li l-grad tal-kriżi jitlob u mal-bżonnijiet akbar ferm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex josservaw l-impenji internazzjonali tagħhom u jkomplu jikkontribwixxu biex jilħqu l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta b'mod urġenti proposti ġodda għal mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament; |
25. |
Jenfasizza l-bżonn għal konsistenza ikbar bejn il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, il-baġit, il-bidla fil-klima u l-iżvilupp; |
26. |
Jirrakkomanda, għalhekk, li l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika jintużaw bħala mezz biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' żvilupp billi l-pajjiżi tal-AKP jingħataw vantaġġ kummerċjali u billi jiġi promoss il-ksib tal-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp, filwaqt li l-pajjiżi tal-AKP jitħallew li jeskludu prodotti u setturi sensittivi, bħall-investiment u s-servizzi, min-negozjati; |
27. |
Jirrimarka, b'dan f'moħħu, li l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika għandhom ikunu mezz biex tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali u biex jitqawwu l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-AKP, u li l-wegħdiet ta' finanzjament għandhom jiġu onorati; |
28. |
Jenfasizza li l-Bank Ewropew għall-Investiment għandu jkun involut b'mod ħafna iktar attiv u trasparenti bħala mexxej fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi ġodda ta' finanzjament; |
29. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ikollha rwol mexxej fit-titjib bla xkiel ta' dawn il-mekkaniżmi, inklużi l-krediti mikro u meso, b'mod partikolari sabiex toffri aċċess għall-finanzjament għall-gruppi vulnerabbli bħal ma huma n-nisa u l-bdiewa; |
30. |
Jistieden lill-UE biex tiżgura li arranġamenti regolatorji globali xierqa jkunu stabbiliti sabiex tkun evitata kriżi finanzjarja ulterjuri; |
31. |
Jitlob lill-Istati Membri biex josservaw u jissodisfaw l-impenji tagħhom għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp; |
32. |
Jenfasizza l-importanza f'termini ta' politika għall-Iżvilupp f'zoni bħall-ekonomija, il-kummerċ, l-ambjent u l-agrikoltura, sabiex il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali ma titħalliex li jkollha effetti iktar serji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
33. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Isati Membri, lill-organizzazzjonijiet tan-NU, lill-FMI u l-Bank Dinji, lill-Gvernaturi tal-FMI u tal-Bank Dinji mill-Istati Membri tal-UE, u lill-pajjiżi tal-G20. |
(1) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 118.
(2) Studju kummissjonat mid-Dipartiment tal-Linji Politiċi tad-DĠ EXPO tal-Parlament; se jkun ippublikat dalwaqt.