15.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 48/165 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija”
COM(2010) 283 finali – 2010/0150 (COD)
2011/C 48/30
Relatur: is-Sur BUFFETAUT
Nhar il-15 ta' Ġunju 2010, il-Parlament Ewropew u nhar it-23 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 194(1)(c) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija
COM(2010) 283 finali – 2010/0150 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2010.
Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tal-15 ta' Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 voti favur, 2 voti kontra u astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jappoġġja l-viżjoni ġenerali tal-proposta kif ukoll l-objettivi tal-Kummissjoni. Huwa japprova b’mod partikolari l-idea li jintużaw il-fondi Ewropej biex jinħoloq effett multiplikatur sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-investiment fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jixtieq li t-tqassim tal-assistenza finanzjarja bejn l-assistenza teknika u s-self b’rati ta' interess inqas minn dawk tas-suq u l-garanziji bankarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji jkun iġġustifikat aħjar. Il-KESE jixtieq ukoll li l-qasam tal-assistenza teknika jkun spjegat aħjar.
1.2 Huwa jispera li l-arranġamenti kif spjegati mill-Kummissjoni jkunu implimentati tassew: jiġifieri li l-intermedjarji finanzjarji interessati kollha jiġu awtorizzati jamministraw l-istrument finanzjarju, u li l-għażla tal-proġetti tiġi effettwata minn dawn li jamministraw il-fondi taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni.Il-KESE jixtieq li l-arranġamenti ta' ġestjoni u ta' aċċess għall-fondi jiġu ċċarati u li jkunu jistgħu jitħaddmu b’mod ċar mill-intermedjarji finanzjarji u l-organizzaturi tal-proġetti.
1.3 Madankollu l-KESE huwa tal-fehma li huwa meħtieġ jew utli li jiġu ċċarati l-punti li ġejjin:
1.3.1 Il-ħtieġa li kemm jista’ jkun malajr, minn issa sal-aħħar tal-2010, ikun magħruf l-ammont totali (jew għallinqas stima tiegħu) tal-pakkett disponibbli apparti l-EUR 114-il miljun reklamati. Maqsum bejn is-27 Stat Membru dan se jkun jirrappreżenta biss kontribut relattivament limitat. Madankollu wieħed għandu jqis l-effett ta' lieva mill-kontribut addizzjonali ta' investituri privati, u l-impuls mogħti lill-proġetti u lill-investimenti nfushom, minn meta l-fażi ta' assistenza teknika tirċievi appoġġ sostanzjali.
1.3.2 Id-definizzjoni tat-terminu “proġetti ta' effiċjenza”: l-iżolazzjoni tal-bini, pereżempju, li hija tant utli mil-lat ta' effiċjenza tal-enerġija, hija effiċjenti fuq medda twila ta' żmien mil-lat tal-iffrankar tal-enerġija, b’mod speċjali fil-każ tal-bini antik. It-terminu “proġett ta' effiċjenza” għandu jinftiehem fis-sens ta' proġett li jista’ jiġi ffinanzjat u li ma jkunx jista’ jitwettaq mingħajr għajnuna fil-livell Ewropew. It-terminu “proġett ta' effiċjenza” jista’ jiġi spjegat fir-Regolament billi jingħad li huwa “proġett li jikseb il-bilanċ finanzjarju tiegħu bl-għajnuna pprovduta mill-istrumenti Ewropej”.
1.3.3 Il-kriterji ta' eliġibbiltà:
— |
Il-KESE jifhem, u barra minn hekk jaċċetta, li ma hemmx prijoritajiet fost is-setturi differenti kkonċernati, u li se jiġu implimentati l-kriterji tal-investiment u tar-rispett tal-objettivi Ewropej fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli. Se jkunu eliġibbli, b’mod speċjali, il-proġetti li huma relatati ma' kuntratti ta' prestazzjoni enerġetika, kif ukoll il-proġetti diġà ssussidjati mill-fondi Ewropej.; Il-KESE jenfasizza li dan l-istrument għandu l-għan li jinkoraġġixxi s-sinerġiji mal-fondi strutturali u l-fondi ta' koeżjoni; |
— |
Jekk ma tiġix stabbilita lista ta' proġetti magħżulin minn qabel (bħal fil-kuntest tar-Regolament 663/2009), il-KESE ser ikun attent għat-tqassim tal-fondi allokati bejn il-finanzjament tal-proġetti u l-assistenza teknika. Huwa tal-fehma li l-biċċa l-kbira tal-finanzjamenti għandhom ikunu allokati għall-investimenti jew għal proġetti konkreti; |
— |
Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fir-regolament innifsu mhux ser ikun hemm lista ta' proġetti magħżulin minn qabel u li l-fond ser jagħżel il-proġetti fuq il-bażi tal-kriterji misjuba fir-regolament. Il-proġetti ffinanzjati ser jiġu indirizzati f’rapport; |
— |
Il-KESE jispeċifika li din l-għajnuna finanzjarja għall-proġetti ta' investiment għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament fil-konfront tal-operatur pubbliku jew privat. Dawn il-proġetti għandhom ikunu jistgħu jitwettqu fil-qafas tas-Sħubijiet Pubbliċi Privati; |
— |
Mil-lat ġenerali, il-Kumitat jinsisti dwar il-fatt li l-kriterji tal-għoti għandhom ikunu marbuta prinċipalment mal-affidabbiltà teknika, mas-sigurtà finanzjarja tal-proġetti u mar-riżultati konkreti mistennija fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli; |
— |
Il-KESE jixtieq li l-kriterju tal-eliġibbiltà marbut mal-“miżuri li għandhom impatt rapidu, sostanzjali u li jista’ jitkejjel” jiġi spjegat aktar. |
1.4 Għalkemm il-KESE jifhem għalfejn il-Kummissjoni tixtieq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati “ikunu impenjaw ruħhom fuq livell politiku sabiex inaqqsu it-tibdil fil-klima, inkluż miri preċiżi”, huwa jwissi kontra li jkun hemm fiduċja wisq kbira f’attitudnijiet li jissarrfu aktar fi ħsibijiet u lingwaġġ politikament korretti milli f’azzjonijiet konkreti bbażati fuq tekniki solidi u innovattivi jew ta' sistemi ta' ġestjoni effikaċi u approvati fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tan-netwerks tat-tisħin jew tal-enerġija rinnovabbli.
2. Oriġini u prinċipji tar-regolament tal-programm ta' għajnuna ekonomika permezz tal-assistenza finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija
2.1 Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) jikkonsisti f’pakkett ta' EUR 3,98 biljun. Kważi t-total kollu tal-pakkett kellu jissarraf f’impenn finanzjarju mill-2010. Madankollu, is-somma ta' EUR 114 miljun mhux se tissarraf f’impenn għall-EEPR, somma li fl-aħħar mill-aħħar tista’ tkun ogħla minn hekk fil-każ fejn uħud mill-proġetti ma jissodisfawx l-eżiġenzi legali, finanzjarji jew tekniċi mitluba.
2.2 Il-fondi mhux impenjati fl-ambitu tal-Kapitolu II tar-Regolament EEPR ser jintużaw biex jinħoloq strument finanzjarju speċifiku li jappoġġja l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-inizjattivi rinnovabbli fi ħdan il-proposta ta' finanzjament għall-enerġija sostenibbli.
3. Prinċipji ġenerali
3.1 Dan l-istrument finanzjarju għandu jappoġġja l-iżvilupp ta' proġetti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli u għandu jiffaċilita l-finanzjament ta' investimenti f’dawn l-oqsma, b’mod partikolari f’kuntest urban.
3.2 Sabiex tkun imħeġġa l-promozzjoni ta' għadd kbir ta' investimenti deċentralizzati, l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli muniċipali, lokali u reġjonali se jkunu l-benefiċjarji, inkluż fil-qafas tas-sħubijiet pubbliċi privati.
3.3 Il-proġetti ta' enerġija sostenibbli li se jiġu ffinanzjati jinkludu binjiet pubbliċi u privati, produzzjoni kkumbinata ta' sħana u elettriku (CHP) u netwerks distrettwali ta' tisħin/tkessiħ, sorsi ta' enerġija rinnovabbli diċentralizzati installati fil-lokal, l-infrastrutturi ta' trasport urban u lokali nadif bħalma huma l-grids intelliġenti, sistemi effikaċi tad-dawl tat-toroq u meters intelliġenti.
4. Kriterji tal-għażla u tal-eliġibbiltà
4.1 Il-miżuri li ser jiġu ffinanzjati għandu jkollhom impatt rapidu, sostanzjali u li jista’ jitkejjel, fuq l-irkupru ekonomiku fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iktar sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra.
4.2 L-għan mixtieq hu li l-finanzjament Komunitarju jkollu effett ta' lieva b’rabta mal-kontributi l-oħra tal-awtoritajiet jew impriżi kkonċernati, u dan jiddependi, minn naħa, fuq kriterji preċiżi applikabbli għall-politiki tal-awtoritajiet pubbliċi u, minn naħa oħra, fuq il-karatteristiċi tekniċi u finanzjarji tal-proġetti.
4.3 Ir-regoli relatati mal-awtoritajiet jikkonċernaw l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-objettivi preċiżi mħabbra, in-natura tal-istrateġiji żviluppati, is-segwitu u r-reklamar tal-implimentazzjoni u r-riżultati miksuba.
4.4 Ir-regoli tekniċi u finanzjarji huma maħsuba sabiex ikun żgurat: li l-approċċ għandu bażi soda u li huwa teknikament adegwat, li l-pakkett finanzjarju huwa solidu, sa liema punt il-kontribut Ewropew jistimula s-sorsi l-oħra ta' finanzjament pubbliku u/jew privat, l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti u l-maturità tagħhom sabiex tintlaħaq malajr il-fażi konkreta tal-investiment.
Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI