3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”

COM(2010) 546 finali

2011/C 132/07

Relatur: is-Sur WOLF

Korelatur: is-Sur SVENSSON

Nhar is-6 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni

COM(2010) 546 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Marzu 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Marzu 2011 (seduta tal-15 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'184 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1   L-innovazzjonijiet iwasslu għall-progress, it-tkabbir, il-prosperità, is-sigurtà soċjali, il-kompetittività internazzjonali u l-impjieg. Huma għandhom jgħinu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali l-kbar. Huma jirrikjedu u jappoġġjaw klima soċjali ta' assigurazzjoni u ta' fiduċja fl-individwi li fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tal-kompetizzjoni jistgħu jwasslu għal iktar progress u dinamika kostruttiva. Sabiex l-innovazzjonijiet jikbru sew, hemm bżonn approċċ Ewropew u suq uniku Ewropew fejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka bi Programm ta' Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp b'saħħtu taqdi rwol ċentrali.

1.2   Għalhekk il-Kumitat jilqa' u jappoġġja b'mod ġenerali l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-għanijiet tagħha flimkien mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 u s-26 ta' Novembru 2010 u tal-4 ta' Frar 2011. Il-kunċett ta' “Unjoni tal-Innovazzjoni” huwa element essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3   Il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-innovazzjoni qed tinfiehem u tiġi definita b'mod komprensiv u interkonness, u li dan joħloq ċertu rabtiet li mhumiex ibbażati biss fuq ir-riċerka, it-teknoloġija u l-prodotti iżda anki fuq ir-relazzjonijiet interpersonali involuti kollha u l-forom ta' organizzazzjoni, bħas-servizzi soċjali, prattiki tan-negozju, mudelli tan-negozju, disinn, branding, proċessi tal-produzzjoni u servizzi kif ukoll il-bosta relazzjonijiet ta' skambju ta' bejniethom. Fir-rigward tal- “innovazzjoni soċjali”, il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li jiġu kkonsultati l-imsieħba soċjali.

1.4   Il-Kumitat jappoġġja l-kunċett ta' partenarjati tal-innovazzjoni, jekk dawn – fuq il-bażi ta' governanza definita tajjeb – ikunu kompatibbli mal-proċessi u l-istrumenti li jeżistu u jkomplu jibnu fuqhom, u jekk jikkonformaw mal-armonizzazzjoni u mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Huwa jirrakkomanda li tinkiseb l-esperjenza f'dan il-qasam billi nibdew b'parterarjat tal-innovazzjoni mixtieq wieħed, “Ix-xjuħija attiva u f'saħħitha”. Dan iservi wkoll ta' eżempju tajjeb ta' kollaborazzjoni bejn innovazzjonijiet soċjali, xjentifiċi u teknoloġiċi.

1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-miżuri ta' appoġġ, l-appoġġ finanzjarju u l-kriterji tal-prestazzjoni jiġu adattati għaż-żewġ tipi ta' innovazzjonijiet: kemm dawk inkrimentali li jirrispondu għall-forzi prevalenti tas-suq u l-bżonnijiet soċjali, kif ukoll dawk iktar radikali li jinfluwenzaw il-forzi tas-suq u joħolqu bżonnijiet soċjali ġodda, iżda li l-ewwel ikollhom jgħaddu minn perjodi partikolarment diffiċli.

1.6   Fid-dawl tal-bżonn urġenti ta' privattiva tal-UE, il-Kumitat jilqa' u jappoġġja bis-sħiħ il-proposta reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar dan. Din ser tippermetti li jitnaqqsu b'mod drastiku l-ispejjeż tal-privattivi fl-Istati Membri parteċipanti u hija pass deċiżiv sabiex jintlaħaq l-għan finali ta' privattiva tal-UE.

1.7   Il-Kumitat jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-SMEs u l-mikrointrapriżi fil-proċess tal-innovazzjoni u jirrakkomanda wkoll li dawn jingħataw appoġġ u jkollhom miżuri mfassla b'mod speċifiku sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Barra minn hekk, huwa jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat jekk u kif il-kumpaniji li jkunu għadhom jibdew (start ups) jistgħux għal perjodu adatt ta' żmien jiġu eżentati mill-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet u l-obbligi tas-soltu u jekk jistgħux jinħolqu inċentivi addizzjonali speċjali għalihom. Dan jgħodd ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

1.8   Il-ħidma politika prinċipali li għandha ssir hija li fl-Ewropa kollha jinħolqu kundizzjonijiet affidabbli li jiffavorixxu l-innovazzjoni u oqsfa bi flessibbiltà suffiċjenti li jeħilsu lill-inventuri potenzjali u l-proċessi tal-innovazzjoni mill-piż tal-frammentazzjoni u l-ammont eċċessiv ta' xogħol attwali marbut mal-oqsfa regolatorji u l-burokraziji differenti fis-27 Stat Membru u l-Kummissjoni. L-iskoraġġiment u l-posponimenti li jirriżultaw minn dan u li jtellfu l-ħolqien ta' innovazzjonijiet minn ideat ġodda u tajba joħolqu żvantaġġ għall-Ewropa fil-kompetizzjoni globali li għandu jiġi eliminat malajr. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn ta' mentalità li ma tqisx il-progress u l-innovazzjoni bħala riskju iżda bħala opportunità u bżonn, li għandhom jiġu appoġjati u implimentati bl-użu tal-mezzi soċjali li jeżistu kollha.

1.9   Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li ssir iktar enfasi fuq li jitneħħew l-ostakli li jopponu jew ifixklu l-implimentazzjoni rapida tal-innovazzjonijiet u t-twettiq tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Filwaqt li l-Kumitat huwa kuntent bl-opportunità ta' progress serju fil-qasam tal-kwistjoni tal-privattiva, jifdal ostakli li jfixklu t-twettiq tas-Suq Uniku u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Jeħtieġ li l-UE ma taqtax qalbha f'li tkompli tissemplifika, tarmonnizza u tipprovdi affidabbiltà u flessibbiltà. Il-Kumitat jilqa' l-isforzi li saru f'din id-direzzjoni fil-Green Paper li ppublikat reċentement il-Kummissjoni (1) u li dwarha ser jieħu pożizzjoni separata. b'rabta ma' dan il-Kumitat jappella b'mod partikolari lill-Istati Membri u lill-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata sabiex jieħdu din il-ħidma f'idejhom u jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni.

2.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni tipproponi kunċett ġenerali msejjaħ “Unjoni tal-Innovazzjoni” bħala waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin. Skont din l-inizjattiva, l-UE għandha tieħu r-responsabbiltà kollettiva għal politika ta' riċerka u innovazzjoni strateġika, inklużiva u orjentata lejn in-negozju, biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, tiżdied il-kompetittività u jinħolqu impjiegi ġodda. Dan jikkumplementa inizjattivi ewlenin oħra bħall-inizjattiva ewlenija “Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni” bil-għan li tiżgura katina tal-valur b'saħħitha, kompetittiva u diversifikata fil-qasam tal-manifattura, b'enfasi partikolari fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

2.2   Id-diversi azzjonijiet li għandhom jittieħdu huma elenkati f'lista ta' 10 punti li tinkludi miżuri f'dawn l-oqsma: it-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien, il-ħolqien ta' ideat ġodda għas-suq, il-massimizzazzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali, titjib tal-politiki fil-qasam estern, l-evalwazzjoni u r-riforma tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni u t-tnedija tal-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropej.

2.3   Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-Komunikazzjoni tressaq programm ta' 34 punt – li jifforma l-maġġoranza tal-Komunikazzjoni – li jelenka l-obbligi tal-Istati Membri u l-miżuri pjanati mill-Kummissjoni.

2.4   Tliet annessi jindirizzaw dawn is-suġġetti u jressqu dawn il-miżuri:

fatturi ta' sistemi tal-innovazzjoni u r-riċerka nazzjonali u reġjonali li jiffunzjonaw sew

tabella li turi l-Progress tal-Prestazzjoni fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp

il-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropej.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Ir-rilevanza tas-suġġett: L-innovazzjonijiet iwasslu għall-progress, it-tkabbir, is-sigurtà soċjali, il-prosperità, il-kompetittività internazzjonali u l-impjieg. Huma għandhom jgħinu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali l-kbar. Huma jirrikjedu u jappoġġjaw klima soċjali ta' assigurazzjoni u ta' fiduċja fl-individwi li fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tal-kompetizzjoni jistgħu jwasslu għal iktar progress u dinamika kostruttiva. Għalhekk il-kunċett ta' “Unjoni tal-Innovazzjoni” huwa element essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, li hija importanti ħafna għall-futur tal-Ewropa. Dan għandu jgħin ukoll sabiex tinkiseb il-mira li l-UE stabbilixxiet fl-Istrateġija ta' Lisbona: “il-kisba tal-mira tagħna li nonfqu 3 % tal-PDG tal-UE fuq ir-R&Ż sal-2020 tista' toħloq 3,7 miljun impjieg u żżid il-PDG annwali bi kważi EUR 800 biljuni sal-2025.” Għalhekk, l-UE u l-Istati Membri, fi żminijiet ta' baġits limitati, għandhom jinvestu iktar fl-edukazzjoni, fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni.

3.2   L-innovazzjonijiet u l-ambjent tagħhom: Fil-firxa sħiħa tagħhom l-innovazzjonijiet jimplikaw l-aspetti u l-attivitajiet soċjali, ekonomiċi, edukattivi, xjentifiċi, tekniċi, fuq il-post tax-xogħol, organizzattivi u kulturali kollha. Dan il-kunċett estiż tal-innovazzjoni jiġbor fih l-innovazzjonijiet relatati mal-prodott u s-servizz kif ukoll innovazzjonijiet tekniċi, soċjali u funzjonali fis-setturi kollha u f'kull tip ta' organizzazzjoni, inklużi l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet karitattivi, il-fundazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku. L-innovazzjonijiet mhumiex bilfors riżultat ta' proċessi lineari iżda jinħolqu permezz tan-netwerking u l-integrazzjoni ta' bosta sitwazzjonijiet differenti u, għalhekk, huma jirnexxu f'“ekosistema ekonomika u soċjali” b'saħħitha permezz ta' taħlita ta' kunċetti u kompetenzi differenti u r-rabtiet bejniethom.

3.3   Gruppi ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-kompetittività u r-riċerka: Għalhekk huwa importanti li l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-kompetittività u r-riċerka jaħdmu flimkien u jaslu għal konklużjoni konġunta b'konformità ma' oqsma ta' politika relatati oħra bħall-politika industrijali, l-edukazzjoni, l-enerġija u s-soċjetà tal-informazzjoni. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll ta' rabta mill-qrib ma' inizjattivi ewlenin oħra b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg.

3.4   Approvazzjoni u appoġġ ġenerali: Għalhekk il-Kumitat jilqa' u jappoġġja b'mod ġenerali l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-għanijiet tagħha flimkien mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 u s-26 ta' Novembru 2010 u tal-4 ta' Frar 2011.

Dan jgħodd b'mod partikolari:

għat-twaqqif ta' definizzjoni tal-innovazzjoni (2) li tkopri x-xjenza u t-teknoloġija iżda anki l-mudelli u l-proċessi fin-negozju u t-tħaddim, is-soluzzjonijiet ta' disinn, it-trademarks u s-servizzi;

għall-indirizzar ta' kundizzjonijiet ħżiena, it-tneħħija tal-ostakli, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni Ewropea;

għall-parteċipazzjoni tal-imsieħba rilevanti u r-reġjuni kollha fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni;

għall-kunsiderazzjoni tal-akkwist pubbliku bħala qasam ieħor b'potenzjal sinifikanti għall-innovazzjonijiet;

għall-użu sħiħ tal-fond reġjonali u strutturali Ewropew għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

għall-użu tal-Fond Soċjali Ewropew għall-appoġġ tal-innovazzjonijiet soċjali;

għall-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs u l-mikrointrapriżi għall-programm ta' qafas u l-mezzi finanzjarji;

għall-promozzjoni tal-eċċellenza fl-edukazzjoni u fl-akkwist tal-ħiliet;

għall-ħolqien ta' universitajiet ta' livell dinji;

għat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka sal-2014: il-promozzjoni ta' sistemi ta' riċerka miftuħin, ta' kwalità u atraenti;

għall-ħolqien ta' suq uniku tal-innovazzjoni;

għal ftehim dwar il-privattiva tal-UE;

għall-indirizzar tal-isfidi soċjali.

3.4.1   L-enfasi tal-opinjoni: Il-Komunikazzjoni hija vasta wisq biex kull aspett tagħha jiġi indirizzat hawn. Għalhekk din l-opinjoni ser tindirizza prinċipalment il-punti li jirrikjedu attenzjoni partikolari jew iktar kjarifika. Madanakollu, dan m'għandux inessi l-fatt li l-Kumitat laqa' b'mod ġenerali l-għanijiet prinċipali u ħafna mill-miżuri individwali proposti tal-Komunikazzjoni,

3.5   L-inklużjoni tal-proċessi u s-suċċessi ta' qabel: Il-Komunikazzjoni fiha elementi u proposti ġodda u toħloq rabtiet bejn oqsma ta' politika differenti. Hija timmira lejn politika olistika u koerenti. Madanakollu, bosta analiżijiet tal-istat u miri jkopru problemi u għanijiet li ilhom li ġew indirizzati f'ħafna komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, opinjonijiet tal-KESE u deċiżjonijiet tal-Kunsill (eż. il-Proċess ta' Ljubljana). Dwar dan diġà ttieħdu miżuri komprensivi u nbdew proċessi (3). Dawn għandhom jitqiesu b'mod iktar ċar, jitkomplew u jiġu rikonoxxuti sabiex ma jitnaqqasx dak li diġà bdew il-Kummissjoni u partijiet interessati oħra, iżda jiġi sfruttat u jkompli jinbena fuqu. Il-miżuri u l-istrumenti l-ġodda għandhom jiġu armonizzati mal-proċessi li diġà nbdew sabiex ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet u duplikazzjonijiet oħra u sabiex jiġu rispettati l-kontinwità, iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà meħtieġa (4).

3.6   Armonizzazzjoni: Konsegwentement, il-miżuri ġodda proposti bħall-partenarjati tal-innovazzjoni (ara punt 4.4) għandhom joħolqu valur miżjud meta mqabbla ma' miżuri eżistenti. Dan ifisser li l-istrumenti tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiġu armonizzati u semplifikati (ara punt 3.8.2), l-aċċess għall-programmi semplifikat filwaqt li l-eċċellenza tibqa' l-prinċipju gwida. Ir-riżultati tar-riċerka għandhom ikunu iktar aċċessibbli u disponibbli b'mod mifrux, pereżempju permezz tat-titjib tat-trasferiment tal-għarfien u n-know-how (5) (ara wkoll punt 3.8.3 u nota 12 f'qiegħ il-paġna).

3.7   Il-flessibbiltà: In-natura tal-ideat, il-kunċetti u l-iskoperti li huma l-bażi tal-innovazzjonijiet hija waħda imprevedibbli. Sabiex jirnexxu u sabiex jinħolqu l-innovazzjonijiet, hemm bżonn flessibbiltà suffiċjenti kif ukoll kundizzjonijiet stimolanti u affidabbli. Il-libertà, l-appoġġ u r-rikonoxximent huma l-pilastri tal-kreattività u l-innovazzjoni, bħalma huma l-promozzjoni tal-azzjoni indipendenti, l-ispirtu intraprenditorjali u r-rieda li jittieħdu u jiġu aċċettati r-riskji. Konsegwentement, il-ħidma politika essenzjali li għandha ssir hija li tinħoloq “ekosistema ekonomika u soċjali” li tiffavorixxi l-innovazzjoni, u li jiġu żgurati dawn il-kundizzjonijiet fl-Ewropa sabiex jitħarsu l-inventuri u l-proċessi tal-innovazzjoni potenzjali minn qafas regolatorju u burokrazija kumplikati u diversifikati (ara wkoll punti 3.12 u 3.13).

3.7.1   Mira u skop mifrux: Jeżistu ċerti għanijiet tal-iżvilupp li jistgħu jiġu definiti b'mod ċar, bħas-sejba ta' soluzzjoni għall-problema tal-enerġija u l-klima (6), li jistgħu jirrikjedu konċentrazzjoni tar-riżorsi disponibbli. Madanakollu, hija importani wkoll “ekosistema ekonomika” mifruxa biżżejjed magħmula minn diversi punti ta' żvilupp u r-rabta possibbli bejniethom. Jekk dan ma jseħħx, jeżisti l-periklu li jiġu esklużi a priori s-soluzzjonijiet li filwaqt li huma fundamentalment ġodda u innovattivi, il-potenzjal tagħhom, fil-bidu, ma jiġix rikonoxxut, l-anqas mill-esperti. F'dal-każ ikun hemm ir-riskju li minflok insiru pijunieri u noħolqu aħna stess l-aħħar modi, naqgħu lura wara l-oħrajn u nitilfu mill-kompetizzjoni globali. Din hi karatteristika ta' ekonomija ċentralizzata. Għalhekk, l-elementi ta' dan it-tip ta' ekonomija għandhom jiġu evitati filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.7.2   Il-forzi tas-suq: Il-proċess regolari tal-innovazzjoni jeħtieġ orjentazzjoni mill-forzi dominanti tas-suq u d-domanda tal-konsumatur u jimmira għas-sodisfazzjon tagħhom. Għall-kuntrarju, madanakollu, hija karatteristika tal-ikbar innovazzjonijiet li huma stess jiffurmaw il-forzi tas-suq u joħolqu domandi ġodda fost il-konsumaturi u oqsma tas-suq ġodda (7). Dawn it-tipi ta' innovazzjonijiet jeħtieġu għajnuna partikolari matul il-perijodu kritiku qabel ma jiksbu rikonoxximent u suċċess ekonomiku u qabel ma juru l-impatt ekonomiku kbir tagħhom.

3.8   Frammentazzjoni. Il-Kummissjoni targumenta mill-ġdid li l-ambjent Ewropew tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa frammentat. Filwaqt li din l-istqarrija tikkonċerna bosta aspetti importanti, mhijiex deskrizzjoni korretta sa barra u teħtieġ iktar preċiżjoni.

3.8.1   Netwerks eżistenti ta' kooperazzjoni. Kemm fil-qasam industrijali u tar-riċerka (8) kif ukoll fil-qasam tal-industriji soċjali u kreattivi ilhom jeżistu rabtiet u netwerks ta' kooperazzjoni (9) kemm Ewropej kif ukoll dinjija li l-fruntieri tagħhom fir-relazzjoni bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni jiġu adattati u definiti mill-ġdid kontinwament. Dawn huma proċessi importanti ta' organizzazzjoni awtonoma mill-parijiet interessati rispettivi u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tinnutahom, tirrikonoxxihom, tappoġġjahom u tkompli tibni fuqhom. Huwa b'mod partikolari sabiex jiġu appoġġjati dawn il-bosta tipi ta' proċessi li għandhom jiġu eliminati l-ostakli tas-suq intern għall-benefiċċju taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

3.8.2   Ir-regoli – is-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni. Jeħtieġ li jinkisbu semplifikazzjoni u armonizzazzjoni gradwali tar-regoli legali, amministrattivi u finanzjarji (10) kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejnhom u bejn il-Kummissjoni bħala pass importanti favur it-tlestija tas-Suq Intern Ewropew, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-għan tal-Kummissjoni li tinħoloq Żona Ewropea tal-Innovazzjoni. Jekk id-diveristà, regolazzjoni żejda, l-irduppjar bejn ir-regoli u kumplessità tagħhom ifissru frammentazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-appoġġ sħiħ tal-Kumitat.

3.8.3   Opinjonijiet preċedenti: Madanakollu, il-frammentazzjoni u l-konfużjoni tar-regoli u l-istrumenti ma teżistix bejn l-Istati Membri biss iżda teżisti wkoll fil-Kummissjoni stess. Il-Kumitat diġà adotta opinjoni (11) dwar din il-kwistjoni speċifika u jafferma mill-ġdid ir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel. Barra minn hekk, il-Kumitat appoġġja dawn l-għanijiet importanti permezz tal-opinjonijiet dwar l-ippjanar konġunt tal-programmi bejn l-Istati Membri, (12) dwar il-Programm ta' Qafas R&Ż, dwar il-politika tal-innovazzjoni f'dinja li qegħda tinbidel (13) u dwar il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-SMEs u r-riċerka pubblika (14). Il-Kumitat ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar it-tixrid, it-trasferiment u l-użu tar-riżultati tar-riċerka u b'mod partikolari l-iżvilupp ta' magna tat-tiftix speċifika fuq l-internet dedikata għal dan il-għan (15).

3.8.4   Infrastrutturi tar-riċerka: Barra minn hekk, infrastrutturi għaljin jistgħu jkunu eżempju ta' frammentazzjoni jekk ma jintużawx u ma jiġux finanzjati minn komunità internazzjonali. Uħud minnhom jista' jkun li ma jaqgħux taħt l-iskop ta' Stat Membru individwali kemm għar-raġuni tal-investimenti u r-riżorsi meħtieġa kif ukoll minħabba l-isfruttament ottimu u l-użu. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-fehma tal-Kummissjoni kwotata hawn taħt. (16) Għalhekk, approċċ Komunitarju f'dawn il-każijiet jista' jirriżulta f'valur miżjud ċar (17) u konsegwentement għandu jkun hemm finanzjament konġunt mill-Istati Membri u l-UE.

3.9   Privattiva tal-UE: In-nuqqas ta' privattiva tal-UE huwa sors ta' frammentazzjoni mhux aċċettabli, tiswa l-flus, huwa ta' ħsara, u jeħtieġ li jiġi eliminat sabiex tiżdied il-kompetittività tal-UE u jintbagħat sinjal pożittiv lill-oqsma kollha l-oħra tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Din il-problema fil-politika industrijali u tal-innovazzjoni tal-Ewropa rriżultat f'diversi sforzi mill-Kummissjoni favur is-sejba ta' soluzzjoni aċċettabbli. Konsegwentement, il-Kumitat ifaħħar lill-Kummissjoni għall-proposta reċenti tagħha (14 ta' Diċembru 2010) dwar kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri parteċipanti, –sabiex b'konformità mat-Trattati tasal għal soluzzjoni parzjali deċiżiva fit-triq lejn privattiva tal-UE finali (użata mill-Istati Membri kollha). Il-Kumitat jappella lill-Parlament (18) u lill-Kunsill sabiex jadottaw il-proċedura proposta bħala pass deċiżiv u sinifikanti lejn l-għan finali tal-ħolqien ta' privattiva tal-UE. Il-Kumitat jaqbel (19) li dan huwa “ekonomikament indispensabbli u politikament aċċettabbli”.

3.10   Relazzjoni interpersonali u forom ta' organizzazzjoni: Hemm potenzjal kbir għall-innovazzjonijiet fl-ispettru sħiħ tal-interazzjonijiet umani u l-forom ta' organizzazzjoni. Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tippromovi dan it-tip ta' innovazzjonijiet fl-aspetti u l-attivitajiet soċjali, ekonomiċi, edukattivi, xjentifiċi, tekniċi, fuq il-post tax-xogħol u organizzattiviu kulturali kollha tagħhom. Dan jiġbor fih l-aħħar mudelli u proċessi fil-qasam tan-negozju u organizzattivi, is-servizzi privati, is-servizzi pubbliċi u s-servizzi ta' interess ġenerali, edukazzjoni u taħriġ, mezzi tax-xandir, arti u d-divertiment, kull aspett tal-attività umana u l-koeżistenza.

3.10.1   Il-kumpaniji u l-postijiet tax-xogħol – ir-rwol tal-impjegati: L-organizzazzjoni ottima tax-xogħol hija ass kompetittiv importanti. Postijiet tax-xogħol innovattivi jikkontribwixxu sabiex itejbu l-prestazzjoni tal-impjegati u l-prestazzjoni tan-negozju. L-innovazzjoni ta' kumpanija u tal-ħaddiema tagħha hija riflessa fil-ħila li jiżviluppaw jew itejbu kunċetti ta' prodotti u servizzi, kunċetti soċjali u funzjonali sabiex joħolqu valur miżjud għall-konsumaturi. It-tagħlim tul il-ħajja u l-esperjenzi kumulattivi jaqdu rwol importanti hawn. L-impjegati ta' kumpanija jaqdu rwol importanti bħala sorsi ta' għarfien u ideat u, għalhekk, dan il-potenzjal għandu jintuża aħjar. Permeabbiltà mtejba bejn il-bosta livelli ġerarkiċi tista' tgħin sabiex ikunu jistgħu jiġu kkomunikati ideat u proposti ġodda.

3.10.2   Kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali: Fil-livell tal-kumpaniji, iċ-ċwievet huma l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali, viżjoni għall-ġejjieni, il-kompetenza, il-motivazzjoni, l-impenn u l-kapaċità ta' ġestjoni effiċjenti tal-innovazzjoni.

3.10.3   Is-servizzi u l-akkwist pubbliku: Is-settur pubbliku wkoll jista' jkun katalist tal-innovazzjonijiet. Il-Kumitat jappoġġja l-istqarrija tal-Kummissjoni (Anness I) li s-settur pubbliku jipprovdi inċentivi li jistimulaw l-innovazzjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet tiegħu u fil-provvista tas-servizzi pubbliċi. Dan jinkludi s-setturi tas-servizzi (privati u pubbliċi) stess iżda anki l-industriji tal-manifattura li qed jippruvaw isibu vantaġġi kompetittivi ġodda bil-għajnuna ta' dawn is-servizzi. L-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha tibgħat messaġġ ċar li l-UE determinata li tuża dan il-potenzjal (privat u pubbliku).

3.10.4   Innovazzjonijiet soċjali: L-innovazzjonijiet soċjali għandhom iqisu l-bżonnijiet li mhumiex indirizzati b'mod adegwat mis-suq jew mis-settur pubbliku. Dawn jikkonċernaw imġiba ġdida, interazzjonijiet, arranġamenti istituzzjonali u netwerks. Fl-innovazzjonijiet soċjali, l-applikazzjonijiet tekniċi u nontekniċi ħafna drabi jiġu kombinati u jistgħu jintrabtu mat-tisħiħ tal-interazzjonijiet bejn min jipproduċi u min juża l-prodott, l-iżvilupp tal-istrutturi u l-appoġġ tal-metodi u t-teknoloġija. L-użu versatili tat-teknoloġiji (eż. ICT) jippermetti metodi ġodda fil-qasam tal-kooperazzjoni, tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni. Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni se taħdem mal-imsieħba soċjali biex teżamina kif l-ekonomija tal-għarfien tista' tinfirex fil-livelli kollha tax-xogħol u s-setturi kollha.

3.11   Il-kunċett tal-Unjoni tal-Innovazzjoni: Il-Kumitat jemmen li l-kunċett tal-Unjoni tal-Innovazzjoni huwa adatt sabiex jiġbor f'taqsira u jirrappreżenta l-għanijiet li elenkat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. Huwa għandu jiġi implimentat flimkien u bl-istess mod mal-kunċetti eżistenti tas-Suq Intern u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-Kumitat jappoġġja għalhekk punt 2.2 tal-Komunikazzjoni mingħajr riservi. Il-Kumitat jilqa' l-fatt li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu indirizzati fit-test.

3.12   It-tneħħija tal-ostakli: Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Kummissjoni huwa li telimina l-ostakli għall-innovazzjoni fil-livell Ewropew. Filwaqt li l-Kumitat japprezza li dan huwa kompitu kbir u kumpless li huwa relatat mal-progress li jsir fit-twettiq tas-suq intern, jenfasizza madanakollu li fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jeżisti nuqqas ta' informazzjoni dettaljata dwar dak li qed tippjana li tagħmel il-Kummissjoni b'mod konkret dwar din il-kwistjoni. Il-Kumitat jilqa' l-isforzi li saru f'din id-direzzjoni fil-Green Paper li ppublikat reċentement il-Kummissjoni (20) u li dwarha ser jieħu pożizzjoni separata.

3.13   Ħidma politika essenzjali u rakkomandazzjoni ta' prijorità. Il-ħidma politika prinċipali li għandha ssir u r-rakkomandazzjoni ta' prijorità hija li fl-Ewropa kollha jinħolqu kundizzjonijiet qafas affidabbli li jiffavorixxu l-innovazzjoni u flessibbiltà suffiċjenti sabiex l-inventuri potenzjali u l-proċessi tal-innovazzjoni jinħelsu mill-piż tal-frammentazzjoni, ir-regolamentazzjoni u l-ammont eċċessiv ta' regoli u burokraziji differenti fis-27 Stat Membru u l-Kummissjoni. Dan ma jħeġġiġx l-inizjattivi u jtellef u jitfa' lura l-proċess bżonnjuż li minn ideat ġodda u tajba fil-fatt jinħolqu u jiġu implimentati l-innovazzjonijiet. Dan żvantaġġ kbir għall-Ewropa fil-kompetizzjoni globali u għandu jiġi eliminat malajr. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn ta' mentalità li ma tqisx il-progress u l-innovazzjoni bħala riskju iżda bħala opportunità u bżonn li għandhom jiġu appoġjati u implimentati bl-użu tal-mezzi soċjali li jeżistu kollha. B'rabta ma' dan il-Kumitat jappella lill-Istati Membri u lill-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata sabiex jieħdu din il-ħidma f'idejhom u jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni.

3.14   Taħriġ u rikonoxximent imtejba: Il-Kumitat jappoġġja l-Kummissjoni fl-għan tagħha li timmodernizza s-sistemi edukattivi fil-livelli kollha. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn ta' universitajiet ta' livell dinji u għandu jogħla l-livell tal-kwalifiki. Jeħtieġ li jiġi appoġġjat b'mod effikaċi l-fehim tal-professjonijiet xjentifiċi u tekniċi u hemm bżonn li dawn il-professjonijiet jiġu rikonoxxuti aħjar.

3.15   Skeda stretta: Fid-dawl tal-kumplessità u l-bosta aspetti koperti fil-Komunikazzjoni, is-sinifikat tal-għanijiet studjati u l-fehmi espressi fid-dokument, l-iskeda proposta mill-Kummissjoni hija pjuttost limitata. Il-Kumitat jirrakkomanda għalhekk li ssir distinzjoni bejn l-urġenza tal-għanijiet fundamentali u l-iżviluppp tal-miżuri u l-istrumenti partikolari proposti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   SMEs bħala atturi prinċipali: Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju huma atturi ċentrali tal-ekonomija u għandhom jibbenefikaw mill-inizjattiva tal-innovazzjoni u l-miżuri ta' appoġġ tagħha. Madanakollu jeħtieġ li d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati peress li opportunijiet ġodda ta' netwerking permezz tal-ICTs ifissru li l-mikrointrapriżi u anki l-intrapriżi magħmulin minn persuna waħda qed jiksbu iktar importanza. Din għandha forsi tingħata wkoll lil-linja ta' bejn dawn u l-professjonijiet liberali. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-innovazzjonijiet fis-servizzi u l-post tax-xogħol, b'mod partikolari l-kompetittività u l-produttività tal-SMEs (ara punti 3.10.1 u 3.10.2).

4.1.1   L-iżvantaġġi li jiffaċċjaw l-SMEs. Ħabfa mill-ostakli burokratiċi għall-innovazzjoni li ssemmew hawn fuq ipoġġu fi żvantaġġ b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu meta mqabbla ma' kumpaniji ikbar, li bilfors ikollhom struttura iktar tqila bis-servizzi legali b'saħħithom tagħhom, l-uffiċċji esterni, eċċ. Dan jista' jkun waħda mir-raġunijiet għalfejn l-Ewropa kważi tilfet il-pożizzjoni mexxejja tagħha fis-suq fejn jidħlu prodotti innovattivi tal-ICT (21), pożizzjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti.

4.2   Indikaturi ta' valutazzjoni: Il-Kumitat f'opinjoni preċedenti tiegħu (22) diġà ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE diġà għandha bosta strumenti ta' valutazzjoni f'dan il-qasam u kien irrakkomanda għalhekk li għal raġunijiet ta' koerenza jinħoloq “Osservatorju Ewropew tal-Innovazzjoni” uniku, li jkun jiġbor fih l-istrumenti eżistenti kollha, iżda jagħmilhom aktar koerenti u viżibbli. Il-Kumitat josserva wkoll li:

bosta kriterji soċjali u ekonomiċi jinkludu s-sostenibbiltà,

il-kriżi wriet li l-ippjanar fuq perjodu qasir tal-għanijiet u l-kriterji tal-evalwazzjoni jistgħu jwasslu għal riżultati mhux mixtieqa u saħansitra kriżi,

it-tkabbir bil-mod iżda stabbli ħafna drabi jwassal għal suċċess ġenerali u benefiċċju ekonomiku ikbar;

SMEs żgħar li jkunu għadhom jibdew ħafna drabi jinxtraw jew jittieħdu minn kumpaniji kbar meta jiksbu suċċess u għalhekk ma jibqgħux jidhru fl-istatistika,

l-innovazzjonijiet kbar ħafna drabi jkollhom bżonn perjodu twil biex jibdew jagħmlu suċċess ekonomiku u juru l-impatt ekonomiku tagħhom,

l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE għandhom kundizzjonijiet differenti fil-qasam tal-innovazzjonijiet (pereżempju fejn jidħlu klima, mezzi tat-trasport u riżorsi) u għandhom jiġu evalwati abbażi tal-punti b'saħħithom u d-dgħjufijiet speċifiċi tagħhom.

4.2.1   Il-Kummissjoni għandha tkompli għaddejja bil-kooperazzjoni tagħha mal-OECD u tiżviluppa pakkett uniku iżda koerenti ta' indikaturi komprensivi u bilanċjati li jqis l-elementi msemmija hawn fuq u anki s-suċċess fit-tul tal-innovazzjonijiet. Il-Kumitat jemmen li l-“Fatturi ta' sistemi tal-innovazzjoni u r-riċerka nazzjonali u reġjonali li jiffunzjonaw sew” deskritti mill-Kummissjoni f'Anness 1 huma ta' għajnuna f'dan il-kuntest.

4.3   Aċċessibbiltà: Eżempju ieħor ta' qasam b'potenzjal kbir għall-innovazzjoni hija l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi sabiex anki n-nies b'diżabilità jkunu jistgħu jiġu integrati b'mod sħiħ fis-soċjetà tal-UE mhux biss bħala ċittadini iżda anki bħala konsumaturi. Dan huwa potenzjal ekonomiku u soċjali kbir li għadu ma ġiex sfruttat.

4.4   Partenarjati tal-Innovazzjoni: Il-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea (PIE) proposti mill-Kummissjoni jistgħu joffru fatturi attraenti. Li l-isfidi soċjali jintlaqgħu bl-għajnuna tal-partenarjati tal-innovazzjoni jista' jkun fattur li jipprovdi opportunitajiet ġodda, minkejja l-inċertezzi dwar id-dettajli tagħhom u r-riservi msemmija f'punti 3.5 u 3.6. L-UE, billi tuża l-istrumenti tal-politika tal-innovazzjoni simultanjament kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, u billi tgħaqqad il-forzi tar-riċerka u t-teknoloġija mal-forzi tas-suq, ser tikseb vantaġġi kompetittivi ġodda. Sabiex tirrealizza dan il-potenzjal, huwa importanti li l-UE tiffoka fuq il-fatturi fejn il-PIE jistgħu joffru valur miżjud meta mqabbla ma' miżuri eżistenti. Għalhekk il-PIE m'għandhomx jiġu introdotti bħala qafas ta' azzjoni obbligatorju, riġidu u applikabbli fuq livell universali mill-partijiet interessati Ewropej fl-innovazzjoni (inklużi l-korpi li jipparteċipaw fil-finanzjament fil-livell reġjonali u nazzjonali). Għandhom jiġu żgurati l-prinċipju tal-azzjoni volontarja, il-ġeometrija varjabbli, it-trasparenza u forma ta' governanza ċara u faċli tiġi amministrata. Konsegwentement wara li tiġi definita l-istruttura ta' governanza meħtieġa, huwa rakkomandabbli li l-proċess jibda b'PIE wieħed u magħżul bir-reqqa u li jintuża l-għarfien miġbur fl-għażla tal-partenarjat li jmiss.

4.4.1   Ix-xjuħija attiva u f'saħħitha: Il-Kumitat jirrakkomanda li nibdew b'partenarjat tal-innovazzjoni partikolarment utli u mixtieq “Ix-xjuħija attiva u f'saħħitha”. Dan jista' jkun ukoll eżempju tajjeb ta' kollaborazzjoni bejn innovazzjonijiet soċjali, xjentifiċi u teknoloġiċi. Għal dan il-qasam b'mod partikolari, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza tal-prekummerċjalizzazzjoni u l-akkwist pubbliku għas-servizzi innovattivi. Dan jista' jaqdi rwol deċiżiv fil-ftuħ ta' swieq ġodda u fit-titjib tal-prestazzjoni u l-kwalità tas-servizz pubbliku.

4.4.2   Ewropa bi provvista effiċjenti tal-ilma: Wieħed mill-partenarjati tal-innovazzjoni proposti f'Anness III tal-Komunikazzjoni huwa “Ewropa effiċjenti fl-ilma”. Dwar dan il-Kumitat jirrakkomanda approċċ iktar flessibbli li jiddistingwi aħjar bejn ir-reġjuni fl-UE fejn in-nuqqas tal-ilma huwa problema serja kbira u r-reġjuni fejn l-ammont ta' xita u l-provvista tal-ilma huma kbar u suffiċjenti. Il-Kumitat jipproponi għalhekk sottotitlu differenti, “Ġestjoni Sostenibbli tal-Ilma”.

4.5   Approċċ orjentat fuq ir-riżultat: Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-partenarjati tal-innovazzjoni għandhom jiġu appoġġjati, skont il-Kummissjoni, abbażi tar-riżultati. Peress li l-Kumitat esprima tħassib kbir dwar id-definizzjoni ta' dan il-kunċett fl-opinjoni tiegħu dwar is-semplifikazzjoni (punti 1.8 u 4.8) (23) tal-Programm ta' Qafas dwar ir-R&Ż, huwa jirrakkomanda li hawn jiġi ċċarat x'qed jinftiehem mil-lat proċedurali. Il-Kumitat jisħaq mill-ġdid li fejn jidħlu invenzjonijiet importanti, l-aspett fuq perjodu twil u s-sostenibbiltà jistgħu jkunu essenzjali.

4.6   Ir-rwol ċentrali tal-Programm ta' Qafas dwar ir-R&Ż: Il-programmi qafas tar-R&Ż tal-UE taw kontribut sinifikanti għas-suċċessi li nkisbu s'issa u fil-futur għandhom ikomplu jissaħħu u għandha titpoġġa enfasi fuq l-importanza partikolari ta' kull wieħed minnhom. Jekk inpoġġu ftit fil-ġenb il-bżonn ta' iktar semplifikazzjoni, il-Programm ta' Qafas dwar ir-R&Ż joffri firxa ta' strumenti ta' suċċess għall-istrutturar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka li huma rikonoxxuti fid-dinja kollha, użati ħafna u li l-proċeduri tagħhom huma mifhuma u aċċettati. Għalhekk l-importanza partikolari tal-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Programm ta' Qafas għal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li jakkumpanjah għandhom jiġu mpoġġija fuq quddiem, fid-dawl tal-għanijiet tal-“Unjoni tal-Innovazzjoni”. L-istrumenti ta' riċerka kollaborattiva għenu sabiex jinħolqu konsorzji Ewropej iktar effiċjenti u għandhom jinżammu sabiex jiżguraw il-kontinwità neċessarja (24). Barra minn hekk, fid-dawl tal-politika tal-innovazzjoni diskussa hawn, għandu jissaħħaħ ukoll l-appoġġ għar-riċerka soċjoekonomika.

4.7   Ir-rwol ċentrali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka – Suq Uniku għar-Riċerkaturi: Ir-rwol ċentrali (ara wkoll punt 3.11) taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-bżonnijiet għat-twettiq tagħha ġew indirizzati b'bosta opinjonijiet preċedenti. Il-Kumitat ifakkar f'dan ir-rigward li l-mobbiltà u r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u tar-riċerka huma kwistjonijiet ċentrali, bħas-sigurtà soċjali, salarji adegwati u skemi tal-pensjonijiet. Is-sitwazzjoni attwali għada bħal qabel mhix sodisfaċenti u ta' qtigħ il-qalb b'mod partikolari għax-xjentisti u r-riċerkaturi żgħażagħ. Il-Kumitat jilqa' u japoġġja bis-sħiħ il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (25) (tat-2 ta' Marzu 2010) dwar il-mobbiltà u l-karrieri tar-riċerkaturi Ewropej u dwar it-twettiq tas-suq intern għar-riċerkaturi; l-UE għandha bżonn suq uniku atraenti u li jaħdem tajjeb għar-riċerkaturi!

4.8   Kapital ta' riskju: Minkejja l-iżviluppi pożittivi li ġab miegħu l-BEI - u hawnhekk il-Kumitat jilqa' b'mod speċjali l-Faċilità għall-Finanzjament bil-Kondiviżjoni tar-Riskju bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI, għad hemm nuqqas ta' kapital ta' riskju suffiċjenti rapidu biżżejjed biex jinbdew intrapriżi ġodda u biex jirnexxilhom isalvaw. Dan jgħodd kemm għall-perjodu tat-twaqqif tagħhom u b'mod partikolari wkoll għall-perjodu ta' qabel ma jkollhom l-ewwel suċċess ekonomiku. Hawnhekk hawn bżonn ukoll ta' krediti żgħar u mikrokrediti sabiex jippermettu li jittaffew ir-riskji iżda jippermettu wkoll parteċipazzjoni fis-suċċess.

4.9   Clusters: Il-Kumitat jenfasizza mill-ġdid il-potenzjal kbir li jispira l-innovazzjoni li ġej mill-clusters u mill-gruppi tal-innovazzjoni. Dan ma jikkonċernax biss ir-rabta tradizzjonali bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-intrapriżi iżda anki n-netwerk addizzjonali u produttiv li jiżviluppa bejn il-kumpaniji speċjalizzati. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-riżorsi tal-fondi strutturali jintużaw sabiex ikomplu jappoġġjaw dan.

4.10   Għajnuna u inċentivi għall-kumpaniji li jkunu għadhom jibdew: Il-Kumitat jissuġġerixxi l-possibbiltà li titfassal klawżola ta' deroga għall-kumpaniji li jkunu għadhom jibdew li teskludihom għal perjodu ta' żmien biżżejjed minn ħafna mill-piżijiet u r-regoli amministrattivi normali ta' kull tip u li jinħolqu wkoll inċentivi addizzjonali (pereżempju inqas taxxi). Dan jipprovdi żmien u flessibbiltà li permezz tagħhon ikun jista' jintwera l-potenzjal ekonomiku u tekniku tas-suċċess. Il-Kumitat huwa konxju li din il-proposta tirrikjedi valutazzjoni tar-riskju u tal-interessi delikata u differenzjata, iżda li jista' jkun utli li tiġi implimentata.

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 48 finali tad-9 ta' Frar 2011.

(2)  COM(2009)442 finali tat-2 ta' Settembru 2009.

(3)  It-tema tal-innovazzjoni ġiet koperta b'mod estensiv fir-Rapport Aho (Rapport tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti dwar ir-R&Ż u l-Innovazzjoni wara s-Summit ta' Hampton Court, li tmexxa mis-Sur Esko Aho, Jannar 2006, EUR 22005) u fl-opinjoni tal-KESE “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta' Lisbona)” (ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17). L-apporċċ ikkoordinat mill-Istati Membri u l-miżuri bbażati fuq is-sħubija jiġu diskussi fil-Proċess ta' Ljubljana (RECH 200 COMPET 216 – “Il-Proċess ta' Ljubljana huwa sħubija estiża bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni sabiex ir-riċerka Ewropea ssir iktar effettiva”), f'bosta inizjattivi ERA-NET (taħt Artikolu 181), f'“Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija”, fil-Komunitajiet tal-Għarfien u Innovazzjoni (KICs) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (tal-EIT), fl-Ippjanar Konġunt tal-Programmi u fl-opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b'mod aktar effettiv” (ĠU C 228, 22.9.2009, p. 56). L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta' riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni” (ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8) tittratta l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-industrija, l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija” (ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13) tittratta l-kooperazzjoni internazzjonali u l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka” (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129) tittratta s-semplifikazzjoni.

(4)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129.

(5)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8 (punt 1.2).

(6)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49.

(7)  Pereżempju, l-ajruplan, is-suċċessi revoluzzjonarji tat-televiżjoni, ir-radar, il-laser, il-kompjuter personali, l-oġġetti mikroelettroniċi, il-cables tal-fibra tal-ħġieġ, l-internet/e-mail (inklużi l-magni tat-tiftix, il-kummerċ elettroniku, eċċ.), il-kameras tar-ritratti diġitali, is-satelliti (rocket-launched), il-GPS, li lkoll huma marbuta flimkien u kollha jdakkru lil xulxin.

(8)  Pereżempju permezz tal-istrumenti ta' riċerka kollaborattiva, ara punt 4.6.

(9)  Ara, pereżempju, “Forschung und Lehre 11/10” (Riċerka u Taħriġ 11/10), p 788 – 796, stqarrijiet tad- “Deutscher Hochschulverband”, Novembru 2010.

(10)  ĠU C 48, 15.2.2011, p.129 (punti 3.5 sa 3.7).

(11)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129 (punt 1.4).

(12)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 56.

(13)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80.

(14)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8.

(15)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8 (punt 3.2.4).

(16)  Ara COM(2010) 546 finali tas-6 ta' Ottubru 2010.

(17)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 40.

(18)  Il-Parlament Ewropew sadattant adotta dan b'mod pożittiv fir-Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2011 dwar l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja.

(19)  L-istqarrija tal-President Nilsson (7 ta' Jannar 2011) fid-djalogu tiegħu mal-membru tal-Kummissjoni Barnier.

(20)  Ara nota f'qiegħ il-paġna nru 1.

(21)  Google, Apple, Facebook, ċellulari.

(22)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80 (Punt 3.2.2).

(23)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129.

(24)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129 (punt 3.12).

(25)  L-2999 laqgħa tal-Kunsill tal-Kompetittività, 2 ta' Marzu 2010, Brussell.


  翻译: