3.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 132/75 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+”
COM(2010) 516 finali
2011/C 132/13
Relatur: Is-Sur RIBBE
Nhar it-30 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+
COM(2010) 516 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Frar 2011.
Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’185 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Sommarju
1.1 |
Ir-rapport ta’ nofs it-terminu mressaq għall-Programm LIFE+ (perjodu: mill-2007 sal-2013) ma joffrix bażi tad-data suffiċjenti sabiex issir minn issa evalwazzjoni kwalifikata tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, għaliex l-ewwel proġetti tal-Programm LIFE+ inbdew biss f’Jannar 2009 minħabba d-diffikultajiet marbuta mal-implimentazzjoni tagħhom. |
1.2 |
Madankollu, il-KESE dejjem enfasizza l-importanza kbira tal-Programm LIFE – li ilu jeżisti kważi għoxrin sena – għall-iżvilupp u t-tfassil tal-politika ambjentali Ewropea. Hu jemmen li hemm bżonn u jagħmel sens li dan il-Programm jitkompla u jkompli jiġi żviluppat fil-perjodu ta’ finanzjament il-ġdid (2013-2020). |
1.3 |
Il-Programm LIFE għandu jkun strument kemm jista’ jkun flessibbli, li bih il-Kummissjoni tkun tista’ taġixxi b’mod effiċjenti. Bil-Programm LIFE, li jirrappreżenta madwar 0,2 % tal-baġit kollu tal-UE, jistgħu jingħataw kontributi u indikazzjonijiet siewja dwar is-soluzzjonijiet. Però bih la jistgħu jitneħħew il-problemi li jikkawżaw oqsma ta’ politika oħra tal-UE, u lanqas jistgħu jiġu ffinanzjati l-istrateġiji kollha tal-UE b’rabta mal-ambjent. |
1.4 |
Meta fil-futur jiġu biex jingħażlu l-proġetti tal-Programm LIFE, il-bżonnijiet li rriżultaw mill-problemi fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE għandhom ikunu deċiviżi. Fil-futur, l-allokazzjoni proporzjonata tal-fondi m’għandha taqdi l-ebda rwol. |
1.5 |
Il-politika ambjentali fl-Ewropa hija aktar żviluppata minn f’partijiet oħra tal-pjaneta tagħna għaliex teżisti soċjetà ċivili attiva li qed titlob dan. F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tan-natura u l-ambjent huwa ġustament enfasizzat mill-Kummissjoni u apprezzat mill-KESE. Iżda għandhom jitħeġġu wkoll partijiet oħra tas-soċjetà ċivili biex fil-futur jikkollaboraw aktar fil-proġetti tal-Programm LIFE. Il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-Programm LIFE+ għandhom jitfasslu b’tali mod li l-proġetti tajbin ma jfallux minħabba l-kundizzjonijiet stretti tal-kofinanzjament. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
S’issa l-istrument finanzjarju għall-ambjent LIFE kien, bla dubju ta’ xejn, programm tal-UE importanti immens, li ta impulsi deċiżivi għall-implimentazzjoni u/jew għall-iżvilupp u t-tfassil tal-politika u l-leġislazzjoni ambjentali tal-Komunità. Dan il-Programm tnieda f’Mejju 1992 permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1973/92 li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-ambjent (LIFE). |
2.2 |
LIFE I, li kellu baġit ta’ EUR 400 miljun (EUR 100 miljun kull sena), kopra l-perjodu mill-1992 sal-1995. Minħabba s-suċċess tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 1404/96 ta bidu għat-tieni fażi (LIFE II), li kopriet mill-1996 sal-1999 b’baġit totali ta’ EUR 450 miljun (EUR 112,5 miljun kull sena). Ir-Regolament (KE) Nru 1655/2000 tal-LIFE III għall-bidu kien se jkopri mill-2000 sal-2004 (EUR 128 miljun kull sena), iżda mbagħad ir-Regolament (KE) Nru 1682/2004 estenda dan il-perjodu sa tmiem l-aħħar perjodu ta’ finanzjament (jiġifieri sa tmiem l-2006). |
2.3 |
Ir-Regolament (KE) 614/2007 ta bidu għal fażi ġdida tal-Programm LIFE, magħrufa bħala LIFE+, għall-perjodu ta’ finanzjament bejn l-2007 u l-2013. Din il-fażi għandha baġit ta’ madwar EUR 2,17 biljun (jiġifieri madwar EUR 340 miljun kull sena). |
2.4 |
Bil-Programm LIFE+ l-għajnuna fil-qasam tal-ambjent ġiet ristrutturata għalkollox. Partijiet mill-programm ta’ għajnuna attwali li qabel kienu taħt it-titolu baġitarju 07 ġew raggruppati (Forest Focus, l-għajnuna għall-NGOs, URBAN, l-iżvilupp ta’ inizjattivi politiċi ġodda, partijiet mill-“implimentazzjoni tal-politika ambjentali”, partijiet minn LIFE-Ambjent u LIFE-Natura). Barra minn hekk ġie deċiż li l-Programm LIFE mhux ser jappoġġja aktar il-proġetti ta’ investiment ambjentali tradizzjonali u konkreti. Minflok, fil-futur għal dawn l-għanijiet ser jintużaw l-intestatura 1a (għall-proġetti ambjentali), u l-intestatura 1b u partijiet mill-intestatura 2 (għall-proġetti relatati mal-ħarsien tan-natura) tal-baġit tal-UE. L-għajnuna li kienet qed tingħata għall-attivitajiet internazzjonali issa ġiet trasferita mill-intestatura 4 (miżuri għall-ambjent marittimu) għall-intestatura 3. |
2.5 |
Il-Programm LIFE+ jiffoka fuq il-promozzjoni tal-miżuri li jappoġġjaw il-politika ambjentali (b’dimensjoni esklużivament Ewropea), bħal pereżempju l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-appoġġ għall-NGOs li joperaw madwar l-Ewropa kollha. |
2.6 |
Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipprevedi li l-proġetti ta’ investiment matul il-perjodu ta’ finanzjament attwali mhux ser isiru aktar fil-qafas tal-Programm LIFE, iżda fil-qafas tal-intestaturi (l-ġodda) 1a, 1b, 2 u 4. |
2.7 |
Billi r-Regolament LIFE+ daħal fis-seħħ f’Ġunju 2007, is-sejħiet għall-proġetti setgħu jibdew biss f’Ottubru 2007. Għaldaqstant, l-ewwel proġetti tal-fażi l-ġdida LIFE+ ma setgħux jibdew qabel Jannar 2009. Dan ifisser li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu mħejjija mill-Kummissjoni, li qed tiġi eżaminata f’din l-Opinjoni, tista’ tipprovdi biss riflessjoni dwar numru relattivament żgħir ta’ proġetti li għadhom kif jinbdew. Il-Kummissjoni tinnota tajjeb li “għalhekk hemm disponibbiltà ta’ tagħrif limitat dwar ir-riżultati”. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 |
Fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu kemm-il darba jissemma kemm huwa importanti l-Programm LIFE+. Jiġi deskritt bħala “strument effettiv” li “jikseb valur miżjud”, u ssir enfasi biex il-“[b]enefiċjarji flimkien ma[l-Is]tati Membri jqisu li l-Programm għandu jkompli għaliex huwa kruċjali għall-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE”. |
3.2 |
Il-KESE jiddubita kemm dawn l-istqarrijiet jistgħu jinsiltu mir-rapport ta’ nofs it-terminu li qed jiġi diskuss hawnhekk u li huwa bbażat fuq proġetti li nbdew biss f’Jannar 2009. Għalkemm il-Kumitat qatt ma xeħet dubju fuq il-fatt li hu wkoll jemmen li l-Programm LIFE huwa tassew importanti, l-ammont limitat ta’ data li fuqha tfasslet ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu għalissa ma jwassal għall-ebda konklużjoni reali dwar il-fażi l-ġdida tal-Programm LIFE+. |
3.3 |
Billi madankollu issa diġà bdew ir-riflessjonijiet dwar il-possibbiltà li jkun hemm perjodu ta’ programmazzjoni ġdid wara l-2013, il-Kumitat jixtieq jieħu din l-opportunità biex jindirizza xi kwistjonijiet bażiċi u jressaq xi proposti. |
3.4 |
Għalhekk, il-Kumitat jixtieq l-ewwel u qabel kollox jgħid li, fil-fehma tiegħu, għadha ma tistax issir reviżjoni ta’ nofs it-terminu reali tal-fażi l-ġdida tal-Programm LIFE+. |
3.5 |
Fl-Opinjoni tiegħu (1) dwar l-abbozz tar-Regolament LIFE+, li mbagħad ġie adottat, il-KESE kien ressaq xi twissijiet li issa jidher li ġew ikkonfermati. |
3.6 |
Il-Kumitat kien qal li m’hemmx dubju li l-Programmi LIFE li saru s’issa jistgħu jitqiesu bħala strumenti ta’ tmexxija politika tal-Kummissjoni li rnexxew ħafna. Il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u li kemm bejn il-proġetti kif ukoll bejn l-Istati Membri nħolqot ċerta “kompetizzjoni” għall-fondi tal-Programm LIFE wassal biex jinkisbu suċċessi notevoli b’fondi modesti. Fil-fażijiet preċedenti tal-Programm LIFE, l-Istati Membri (jew aħjar, il-promoturi privati u pubbliċi tal-proġetti fl-Istati Membri) kellhom ifasslu u jiżviluppaw proġetti innovattivi li jkunu adatti għall-qafas tal-Programm LIFE. Dawn imbagħad kienu jiġu eżaminati b’mod kritiku matul il-proċedura tal-għażla stabbilita, qabel ma jiġu approvati jew inkella rifjutati minħabba l-kwalità baxxa tagħhom u/jew in-nuqqas ta’ fondi. B’hekk, b’rabta mal-allokazzjoni tal-fondi, kien hemm kemm trasparenza Ewropea kif ukoll direzzjoni ċara min-naħa tal-Kummissjoni. |
3.7 |
Bħal qabel, il-KESE għadu jemmen li sabiex tkun tista’ tappoġġja l-politika ambjentali tagħha li, kif inhu magħruf, f’ċerti setturi ftit li xejn qed tagħmel progress, il-Kummissjoni għandu jkollha strument li tkun tista’ tfasslu hi biss, mingħajr ma toqgħod taħseb, pereżempju, dwar l-allokazzjoni proporzjonata tal-fondi bejn ir-reġjuni. |
3.8 |
Madankollu, fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu l-Kummissjoni tinnota li l-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi tal-fondi introdotti fil-fażi l-ġdida tal-proġetti tejbu d-“distribuzzjoni ġeografika tal-proġetti”, iżda l-evalwazzjoni tindika li l-allokazzjonijiet nazzjonali jistgħu “jwasslu għal għażla ta’ proġetti ta’ kwalità inferjuri”. |
3.9 |
Dan kien proprju l-biża’ tal-KESE. Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jerġgħu jikkunsidraw bir-reqqa l-approċċ tal-Programm LIFE. M’għandhiex tkun kwistjoni li jiġu ttrasferiti l-fondi lejn l-Istati Membri biex jiġu ffinanzjati l-proġetti ambjentali b’dimensjoni Ewropea. Il-Programm għandu jkun applikat f’dawk l-oqsma fejn is-servizzi tal-Kummissjoni jaraw li hemm bżonn l-aktar, sabiex il-politika ambjentali tal-UE timxi ’l quddiem. |
3.10 |
Sadanittant, il-politika ambjentali fl-Ewropa hija determinata ħafna mir-regoli tal-UE, u l-unika ġustifikazzjoni għal dan hija li s-suq intern jiffunzjona sew. Però mhux sewwa li l-leġislazzjoni ssir fil-livell Ewropew, filwaqt li l-istrument korrispondenti għat-tfassil tal-politiki jiġi sa ċertu punt nazzjonalizzat. |
3.11 |
Fil-fehma tal-Kumitat, il-proġetti u l-proċessi ffinanzjati mill-Programm LIFE għandhom jgħinu b’mod aktar immirat minn qatt qabel l-implimentazzjoni tal-istrateġiji deċiżi mill-UE (b’mod partikolari l-istrateġija tas-sostenibbiltà tal-UE (li ma tantx għadha tissemma), l-istrateġija tal-bijodiversità, l-istrateġija tal-ħarsien tal-klima kif ukoll l-element ekoloġiku tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għandha tingħata importanza speċjali lin-natura eżemplari tal-proġetti. Dan ifisser li mhux kull proġett għandu bilfors ikun innovattiv, kif pereżempju qed jintalab bħalissa fil-qasam tal-“bijodiversità”. Ħafna drabi mhux l-innovazzjoni tkun nieqsa, iżda sempliċement it-tixrid u l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet li jeżistu diġà. |
3.12 |
Fl-għażla futura tal-proġetti, hemm bżonn li l-Kummissjoni tkun flessibbli ħafna kemm rigward il-kontenut kif ukoll rigward il-finanzjament. Dan tal-aħħar jikkonċerna wkoll, fost affarijiet oħra, ir-rati ta’ kofinanzjament. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li għandu jkun possibbli wkoll li l-finanzjament isir 100 % mill-UE. |
3.13 |
Il-Kummissjoni ġustament tinnota li, pereżempju, il-kontributi tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp tal-politika ambjentali huma vitali. Il-politika ambjentali tal-Ewropa ħafna drabi titqies aktar progressiva minn dik ta’ partijiet oħra tad-dinja proprju għaliex id-dibattitu fis-soċjetà jsejjaħ għal aktar ħarsien tal-ambjent u tan-natura. Huwa fl-interess tal-UE li tistimola dan id-dibattitu, li m’għandux ifalli sempliċement minħabba r-rati ta’ konfinanzjament stabbiliti minn qabel. |
3.14 |
Il-KESE huwa favur li l-Programm LIFE+ jiġi implimentat f’kooperazzjoni kostruttiva mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi kollha kemm fil-livell tal-Istati Membri (fosthom l-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi u t-trejdjunjins) kif ukoll fil-livell tal-UE. Il-membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet ħafna drabi jkunu attivi f’oqsma fejn l-UE tkun tixtieq tara li jittejjeb il-ħarsien tal-ambjent u li tiġi implimentata l-politika ambjentali tal-UE. Għalhekk, is-sensibilizzazzjoni u l-impenn korrispondenti m’għandhomx ikunu responsabbiltà tal-ogranizzazzjonijiet ambjentali biss, iżda wkoll tal-intrapriżi. |
3.15 |
Għaldaqstant, il-KESE jixtieq jagħmel enfasi ċara fuq il-fatt li, minbarra l-assoċjazzjonijiet tan-natura u l-ambjent tradizzjonali, għandhom jitħeġġu wkoll, pereżempju, l-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi u t-trejdjunjins biex jieħdu sehem b’mod attiv fil-proġetti LIFE. |
3.16 |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jkun hemm “aktar prijoritizzazzjoni u attenzjoni taħt kull tema … (u) l-stabbiliment ta’ oqsma għall-attenzjoni annwali”. Hawnhekk, għandha tingħata importanza wkoll lill-approċċi transsettorjali. Barra minn hekk, il-proġetti transkonfinali ma’ pajjiżi terzi m’għandhomx jiġu esklużi b’mod kategoriku. |
3.17 |
Għalkemm il-Programm LIFE huwa apprezzat ħafna, il-KESE jixtieq iwissi wkoll li l-possibbiltajiet tiegħu m’għandhomx jingħataw valur akbar milli jistħoqqilhom. Il-madwar EUR 340 miljun annwali disponibbli jistgħu jappoġġjaw bosta proġetti li jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet siewja għall-approċċi pożittivi fil-politika ambjentali. Però b’dawn il-flus, li jirrappreżentaw madwar 0,2 % tal-baġit tal-UE, ma jistgħux jissolvew, pereżempju, il-problemi li nħolqu minħabba l-funzjonament ħażin ta’ oqsma ta’ politika oħra tal-UE. |
3.18 |
Il-KESE huwa xi ftit xettiku dwar l-istqarrija li ssir fir-rapport ta’ nofs it-terminu li l-linja tal-“bijodiversità” fil-Programm LIFE “tipprovdi l-opportunità li tkun strument ewlieni għall-iffinanzjar speċifiku tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bijodiversità”. Naturalment il-Programm LIFE ser jikkontribwixxi, kif għandu jkun, biex juri kif għandha tkun b’mod konkret il-koeżistenza tal-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu ekonomiku tar-riżorsi naturali. Madankollu, l-istrumenti reali tal-finanzjament biex jiġi garantit dan huma oħrajn. |
3.19 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni stess tistqarr fil-Komunikazzjoni (2) tagħha li l-“Politika Agrikola Komuni (PAK) hija l-għodda politika li għandha l-aktar impatti sinifikanti fuq il-bijodiversità fiż-żoni rurali‘, u li l-’Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (speċjalment taħt l-Assi 2) jibqa’ l-aktar sors ta’ finanzjament importanti tal-Komunità għal Natura 2000 u l-bijodiversità fl-UE”, u b’hekk mhux il-Programm LIFE. |
3.20 |
Il-fatt li llum il-ġurnata huwa kopert biss 20 % tal-finanzjament meħtieġ għall-ġestjoni tar-riżervi ekoloġiċi, inkluż in-netwerk Natura 2000, mhux ser jissolva bil-Programm LIFE, iżda bl-integrazzjoni tant imsemmija tal-ħarsien tan-natura u tal-ambjent f’oqsma ta’ politika oħrajn. Dan ifisser li l-kompitu u r-rwol veri tal-Programm LIFE għandhom jerġgħu jiġu definiti b’mod ċar. |
Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) CES 382/2005, ĠU C 255, 14.10.2005, p. 52 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Il-valutazzjoni tal-2010 tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-bijodiversità – COM(2010) 548.