7.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 377/131 |
Il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2011
Reżistenza għall-antibijotiċi
P7_TA(2011)0238
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi
2012/C 377 E/17
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar strateġija ġdida għas-saħħa tal-annimali għall-Unjoni Ewropea 2007-2013 (1), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010 (2), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi u r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel, |
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni Konġunta dwar ir-reżistenza antimikrobika (RAM) li tiffoka fuq l-infezzjonijiet żoonotiċi miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA), u l-Kumitat Xjentifiku tar-Riskji tas-Saħħa li Qed Jitfaċċaw u li Għadhom Kif Ġew Identifikati (SCENIHR), il-Ġurnal tal-EFSA 2009; 7(11):1372, |
— |
wara li kkunsidra l-Mistoqsija b’talba għal tweġiba Orali (O-000048/2011 – B7-0304/2011) lill-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2011 dwar ir-Reżistenza għall-antibijotiċi, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO dwar "L-Impatt Mediku tal-Użu tal-Antimikrobiċi fl-Annimali tal-Ikel", |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-proposta għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina umana (3), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
A. |
billi r-reżistenza antimikrobika (RAM) hija kwistjoni marbuta mas-saħħa tal-annimali għas-settur Ewropew tal-bhejjem speċjalment meta t-trattament ma jaħdimx; billi linji gwida dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi diġà nħarġu f'diversi Stati Membri, u dan wassal għal tnaqqis fl-użu tal-antimikrobiċi, |
B. |
billi s-settur tal-bhejjem (settur tal-ħalib, laħam taċ-ċanga, laħam tal-majjal u tat-tajr, bajd, ħalib tan-nagħġa u tal-mogħża u produzzjoni tal-laħam) għandu rwol ewlieni fl-ekonomija agrikola Ewropea, |
C. |
billi l-għan ewlieni tal-bdiewa huwa li jżommu lill-bhejjem tagħhom b'saħħithom u produttivi permezz ta’ prattiki agrikoli tajbin (iġjene, għalf adegwat, trobbija xierqa tal-annimali, ġestjoni responsabbli tas-saħħa tal-annimali), |
D. |
billi, minkejja l-miżuri meħuda mill-bdiewa, l-annimali xorta waħda jistgħu jimirdu u jridu jiġu ttrattati, |
E. |
billi l-antimikrobiċi, meta jintużaw sew, huma għodda utli li tgħin lill-bdiewa jżommu lill-bhejjem tagħhom b'saħħithom u produttivi u li tiżgura l-benessri tal-annimali, |
F. |
billi s-settur agrikolu Ewropew tal-bhejjem irid jiddependi mis-sikurezza u l-effikaċja tat-trattamenti antimikrobiċi għall-ġejjieni, |
G. |
billi jeħtieġ li l-amministrazzjoni ta’ antimikrobiċi lill-annimali kif ukoll lill-bnedmin tqis it-theddida potenzjali tar-reżistenza antimikrobika (RAM), |
H. |
billi parti konsiderevoli mill-antimikrobiċi hija preskritta għall-użu fl-annimali u r-RAM taffettwa kemm lill-bnedmin kif ukoll lill-annimali u tista' tgħaddi mill-bniedem għall-annimali u viċi versa, din hija kwistjoni li verament tolqot iż-żewġ oqsma li titlob approċċ ikkoordinat fil-livell komunitarju, |
I. |
billi r-reżistenza antimikrobika fil-bnedmin sikwit hija kkawżata minn dożi inadegwati ta’ antibijotiċi, minn trattamenti mhux korretti u permezz tal-esponiment kontinwu tal-patoġeni għall-aġenti antimikrobiċi fl-isptarijiet, |
J. |
billi t-trażmissjoni ta’ batterji patoġeniċi li fihom ġeni RAM tikkostitwixxi theddida partikolari għall-persuni, bħall-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli, li kuljum jiġu f'kuntatt mal-annimali, |
K. |
billi l-annimali li jgħixu f'kundizzjonijiet ta’ densitajiet kbar jistgħu jiffavorixxu rati ogħla ta’ mard; billi l-użu inadegwat tal-antimikrobiċi fl-annimali ġeneralment jista' jitqies bħala fattur ta’ riskju għat-tfaċċar ta’ reżistenza b'konsegwenzi għas-saħħa pubblika u tal-annimali, |
L. |
billi r-rwol tal-annimali, tal-ikel li joriġina mill-annimali u tal-batterji reżistenti li jinsabu fit-trobbija tal-annimali, fir-rigward tat-trasferiment tar-RAM lill-bnedmin u tal-perikli potenzjali tiegħu jista' jkun li mhuwiex ċar biżżejjed, |
M. |
billi l-użu tal-antimikrobiċi f'livelli sottoterapewtiċi għal perjodi mtawla ġeneralment joħloq riskju akbar li tiżviluppa r-RAM u/jew li r-RAM tiġi amplifikata u tinfirex, meta mqabbel mat-trattamenti terapewtiċi, |
N. |
billi l-użu ta’ antimikrobiċi f'livelli sottoterapewtiċi huwa pprojbit fl-UE, |
O. |
billi użu mnaqqas tal-antimikrobiċi, fuq perjodu twil ta’ żmien, jirriżulta f'anqas spejjeż kemm għall-bdiewa kif ukoll għas-soċjetà kollha, sakemm tinżamm l-effiċjenza tal-antimikrobiċi, |
P. |
billi l-użu eċċessiv u inadegwat tal-bijoċidi jista’ wkoll jikkontribwixxi għar-RAM, |
Q. |
billi d-dekontaminazzjoni kimika tal-karkassi tat-tbiċċir, li hija illegali fl-Ewropa, tista’ wkoll tikkontribwixxi għar-RAM, |
R. |
billi l-ikel jista' jkun li hu mezz importanti għat-trasmissjoni tar-RAM, |
S. |
billi l-annimali li ma jipproduċux ikel, bħalma huma l-annimali kumpanni, jistgħu wkoll iservu ta’ ħażna u jiffaċilitaw it-trasmissjoni tar-RAM, li jfakkarna fl-użu tal-mediċini antimikrobiċi maħsuba għall-użu mediku tal-bnedmin anke jekk dan l-użu ma jkunx speċifikat fil-fuljett, |
T. |
billi t-trobbija tal-bhejjem moderna mingħajr il-possibilità li jintużaw kwalunkwe antimikrobiċi biex jiġi ttrattat il-mard illum il-ġurnata tidher li mhix ħaġa fattibbli, stat ta’ saħħa tajjeb tal-annimali u użu razzjonali u responsabbli ta’ antimikrobiċi jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-tixrid tar-RAM, |
U. |
billi r-reżistenza antimikrobika fl-annimali tvarja bejn speċijiet differenti u forom differenti ta’ trobbija tal-annimali, |
V. |
billi l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010, enfasizza r-rabta li hemm bejn l-istat tas-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika u ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-problema li qed tikber tar-RAM fl-annimali b’mod responsabbli, |
W. |
billi, b’mod partikolari, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza d-data dwar l-użu ta’ prodotti għas-saħħa tal-annimali, fosthom l-antimikrobiċi, bil-ħsieb li jiġi żgurat l-użu effikaċi ta’ tali prodotti, |
Attivitajiet konġunti ta’ ġbir ta’ data
1. |
Jilqa’ l-isforzi li jsiru mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tagħha fir-rigward tal-attivitajiet konġunti ta’ ġbir ta’ data f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-inizjattiva fl-2009 biex jinħoloq l-ESVAC (Sorveljanza Ewropea tal-Konsum Veterinarju tal-Antimikrobiċi); jiddispjaċih li l-Istati Membri għadhom ma ngħaqdux kollha man-netwerk tal-ESVAC u jistieden lil aktar pajjiżi jingħaqdu; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lin-netwerk tal-ESVAC riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex twettaq il-kompiti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, bla dewmien, qafas ġuridiku adegwat sabiex l-Istati Membri jingħataw l-awtorità li jwettqu ġbir effiċjenti ta’ data; |
2. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha favur ġbir ta’ data li jkun armonizzat u paragunabbli, anke b'attivitajiet li jsiru f'pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti; |
3. |
Jagħraf li l-ġbir u l-analiżi kif suppost ta’ data komparabbli fir-rigward tal-bejgħ ta’ aġenti veterinarji - u l-użu sussegwenti ta’ tali prodotti fuq l-annimali - huwa l-ewwel pass importanti; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jibni stampa sħiħa ta’ meta, fejn, kif u fuq liema annimali fil-fatt qed jintużaw l-antimikrobiċi llum il-ġurnata, mingħajr ma jinħolqu piżijiet finanzjarji jew amministrattivi addizzjonali għall-bdiewa u għal sidien oħra ta’ annimali; |
4. |
Jenfasizza li d-data mhux biss għandha tinġabar, imma għandha wkoll tiġi analizzata kif suppost u dak li joħroġ mill-analiżi jitqiegħed fil-prattika, u għandhom jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri; filwaqt li jitqiesu wkoll id-differenzi bejn l-ispeċijiet ta’ annimali u l-forom ta’ trobbija tal-annimali; |
5. |
Jirrikonoxxi l-fatt li tali data trid titqies skont il-kuntest billi l-prattika u l-intensità agrikoli jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor; |
Ir-riċerka
6. |
Jitlob li ssir aktar riċerka dwar antimikrobiċi ġodda kif ukoll dwar alternattivi (tilqim, bijosigurtà, tnissil u trobbija għar-reżistenza) u li jkun hemm strateġiji bbażati fuq l-evidenza biex jiġi evitat u kkontrollat il-mard li jittieħed fl-annimali; jenfasizza l-importanza tal-Programmi Qafas tal-UE dwar ir-Riċerka f'dan ir-rigward; jenfasizza f’dan il-kuntest kemm hu importanti li jiġu żviluppati sistemi tajba għat-trobbija tal-bhejjem li jnaqqsu l-ħtieġa li l-antibijotiċi jiġu preskritti; |
7. |
Jitlob li r-riżorsi tar-riċerka kemm mil-lat uman u kemm mil-lat veterinarju jiġu kkoordinati aħjar, billi jinħoloq netwerk tal-istituti tar-riċerka eżistenti; |
8. |
Jitlob li ssir riċerka dwar ir-rwol tal-annimali, l-ikel li joriġina mill-annimali, is-sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli, fosthom dwar razez b'saħħithom, il-lonġevità tal-annimali, il-ġestjoni mtejba tal-merħliet, il-prevenzjoni bikrija tal-mard, l-eżerċizzju u l-aċċess għal spazji miftuħa, densitajiet iżgħar tal-animali u kundizzjonijiet oħra li jiggarantixxu li l-ħtiġijiet bijoloġiċi tal-annimali jiġu ssodisfati; kif ukoll dwar ir-rwol tal-batterji reżistenti li jinsabu fit-trobbija tal-annimali, fir-rigward tat-trasferiment tar-RAM lill-bnedmin u tal-periklu potenzjali li jirriżulta minnu; |
Il-monitoraġġ u s-sorveljanza
9. |
Jistieden lill-Istati Membri kollha jwettqu sorveljanza u monitoraġġ sistematiċi regolari tar-RAM kemm fil-bhejjem li jipproduċu l-ikel u kemm fl-annimali kumpanni, mingħajr ma joħolqu piżijiet finanzjarji u amministrattivi addizzjonali għall-bdiewa jew għal sidien oħra ta’ annimali jew għall-veterinarji; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm data armonizzata, inkluż tagħrif dwar il-fatturi ta’ riskju, li għandha tkun disponibbli faċilment minn punt ta’ aċċess uniku; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ rapporti annwali mill-Istati Membri li jkun fihom data li tippermetti li jitqabblu r-riżultati tal-Ewropa kollha; |
10. |
Jitlob li l-baġits futuri tal-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel (FVO) u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jirriflettu l-fatt li hemm ħtieġa akbar li jkomplu jsiru aktar spezzjonijiet u analiżijiet f’dan il-qasam; |
11. |
Jistieden lill-partijiet interessati kollha jagħrfu r-responsabilità tagħhom biex jipprevjenu kemm l-iżvilupp u kemm it-tixrid tar-RAM, kull waħda fil-qasam ta’ attività proprja tagħha bħalma huma l-mediċina veterinarja u t-trobbija tal-bhejjem; |
12. |
Jissuġġerixxi li l-monitoraġġ armonizzat tar-RAM fil-batterji ta’ indikazzjoni (bħal E. coli u E. enterococci) għandu jkun stabbilit skont pariri xjentifiċi; |
L-effiċjenza miżmuma tal-antimikrobiċi
13. |
Jenfasizza li l-objettiv aħħari hu li l-antimikrobiċi jibqgħu jinżammu bħala għodda effettiva biex jiġi miġġieled il-mard, kemm fl-annimali u kemm fil-bnedmin, filwaqt li l-antimikrobiċi jintużaw biss meta verament ikun meħtieġ; |
14. |
Jitlob li jsir użu prudenti u responsabbli tal-antimikrobiċi fl-annimali u li jingħata aktar tagħrif lill-veterinarji u lill-bdiewa biex l-iżvilupp tar-RAM jitnaqqas kemm jista' jkun; jitlob li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki bħall-aċċettazzjoni ta’ linji gwida dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi bħala għodda importanti biex jiġi miġġieled l-iżvilupp tar-RAM; |
15. |
Jitlob li jiġu stabbiliti prattiki tajba għat-trobbija tal-bhejjem, li jnaqqsu għall-minimu possibbli r-riskju għar-RAM; jenfasizza li dawn il-prattiki għandhom japplikaw b'mod partikolari għall-frieħ li huma raggruppati minn diversi persuni li jrabbu l-bhejjem u għalhekk iżidu r-riskju ta’ mard li jittieħed; |
16. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-FVO jiżguraw kontroll aħjar fuq l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni (2006) fuq l-użu tal-antimikrobiċi bħala promoturi tat-tkabbir; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur projbizzjoni internazzjonali fuq l-użu tal-antimikrobiċi bħala promoturi tat-tkabbir fl-għalf, u biex tqajjem din il-kwistjoni fin-negozjati bilaterali tagħha ma’ pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti; |
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja kif l-Istati Membri qed jimplimentaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti rilevanti dwar l-antimikrobiċi; |
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni multiannwali wiesa’ kontra r-RAM fil-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali; jemmen li pjan ta’ azzjoni bħal dan għandu jkopri lill-annimali kollha fl-istrateġija tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inklużi l-annimali kumpanni, u tenfasizza l-konnessjoni loġika bejn is-saħħa tal-annimali u l-użu tal-antimikrobiċi, kif ukoll ir-rabta li hemm bejn is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-bnedmin; |
20. |
Jemmen li dan il-pjan ta’ azzjoni għandu jinkludi analiżi dettaljata tal-modi differenti li bihom l-antimikrobiċi jintużaw bħala profilassi, sabiex tintemm il-kontroversja dwar x'inhi profilassi ta’ rutina u x'inhi profilassi aċċettabbli; |
21. |
Billi l-proteini tal-annimali pproċessati minn annimali li ma jixtarrux juru benefiċċji intrinsiċi nutrittivi u għas-saħħa tal-annimali, li jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti lid-dieti bilanċjati għall-annimali monogastriċi inkluż il-ħut imrobbi fil-farms filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxi għal użu mnaqqas tal-antimikrobiċi, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tneħħi r-restrizzjonijiet attwali skont kundizzjonijiet li jiżguraw livell massimu ta’ sikurezza tal-ikel; |
*
* *
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 89.
(2) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 25.
(3) ĠU C 112 E, 9.5.2002, p. 106.