2.3.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 62/39 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku”
2013/C 62/08
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-Suq Uniku għandu jiġi ggwidat mil-leġislazzjoni tal-UE biss sal-punt li jkun tabilħaqq neċessarju. Jekk ma jiġix ikkunsidrat il-prinċipju tas-sussidjarjetà jistgħu jinħolqu l-problemi fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u meta jasal dak l-istadju ma jkunx għad hemm lok għall-flessibbiltà fil-livell nazzjonali u b’hekk jiġi pperikolat l-iżvilupp ekonomiku. |
— |
Meta tkun qed titħejja l-leġislazzjoni, huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, b’mod partikolari, jenfasizza l-importanza tal-attività lokali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jinħolqu għall-intrapriżi fil-livell lokali. Il-qafas jinħoloq fil-livell Ewropew imma l-fatturi li huma determinanti għall-prosperità u l-attività ekonomika tagħna jinbtu fil-livell lokali. Fl-iżvilupp tar-regoli għas-suq intern dan l-aspett għandu jitqies, għax huwa l-uniku mod kif nistgħu noħolqu rabta bejn l-ekonomija pan-Ewropea u d-dimensjoni lokali. |
— |
L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw proporzjon kbir ħafna tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku. Madankollu, biex jiġi evitat li l-problemi joħorġu fid-dieher meta jiġu implimentati dawn ir-regoli fil-prattika jeħtieġ li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE. |
— |
Meta jkunu qed jiġu identifikati l-oqsma ewlenin, il-prijorità għandha tingħata lil dawk l-oqsma li jkunu f’qagħda li jinnovaw u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. Il-prestazzjoni tas-suq uniku diġitali u tas-servizzi kollha kemm huma, huma prijoritajiet ewlenin u urġenti. |
Relatur |
Is-Sur MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo |
Dokument ta’ referenza |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Governanza Aqwa tas-Suq Uniku COM(2012) 259 |
Opinjoni tal-Kumitat ta-Reġjuni – Governanza Aqwa tas-Suq Uniku
I. PUNTI ĠENERALI
1. |
Is-suq uniku huwa xprun ewlieni tat-tkabbir ekonomiku Ewropew. Għal żewġ deċenji, il-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, il-kapital u l-ħaddiema kien l-ixprun għall-prosperità Ewropea u l-ekonomija tal-Ewropa. Madankollu, dawn il-libertajiet, kif ukoll l-iżvilupp tal-modi tal-governanza tagħhom, jipprovdu opportunità biex ikompli jitħaffef l-irkupru mill-kriżi ekonomika u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex b’mod koeżiv tinkiseb ekonomija tas-suq soċjali fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni taqdi rwol komplementari fil-ksib ta’ suq uniku fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs, tekoloġizza l-ekonomija, u billi tenfasizza l-għarfien u l-innovazzjoni, speċjalment fir-reġjuni bi żvantaġġi strutturali. |
2. |
Il-KtR jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-istess ħin l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu l-għodod tagħhom stess biex jistimolaw l-ekonomija tagħhom, billi jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-interessi konkreti tal-ekonomija nazzjonali tagħhom. |
IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
3. |
Il-Komunikazzjoni tippreżenta l-pjan tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tas-Suq Uniku u kif se jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020. |
4. |
Skont il-Komunikazzjoni d-defiċit medju għat-traspożizzjoni kien ta’ 1,2 % fi Frar ta’ din is-sena u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku qed iddum dejjem aktar. Barra minn hekk, ir-regoli mhux dejjem jaħdmu tajjeb fil-prattika, anke jekk ikunu ġew trasposti fil-livell nazzjonali. |
5. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titlob għal impenn imġedded biex is-Suq Uniku jsir effikaċi fir-rwol tiegħu għat-tkabbir. Il-proposta hija magħmula minn żewġ komponenti separati:
|
IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
6. |
It-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tas-Suq Uniku huwa ġġustifikat. Madankollu, filwaqt li l-Komunikazzjoni tressaq miżuri ġenerali, huwa biss f’oqsma speċifiċi jew f’ċerti Stati Membri li l-implimentazzjoni tar-regoli tista’ tkun partikolarment problematika. |
7. |
L-għan tal-Kummissjoni huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku abbażi tal-miżuri preżentati fil-Komunikazzjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni huma mmirati lejn żewġ objettivi. Minn naħa, is-suq uniku jrid javvanza malajr fl-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, u min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu passi biex “iċ-ċiklu ta’ governanza” tas-suq intern isir iktar effettiv. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-proċess tas-Semestru Ewropew biex timmonitorja l-progress. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li dawn huwa pjan ta’ azzjoni tajjeb. |
8. |
Il-Komunikazzjoni tiffoka b’mod partikolari fuq it-titjib tal-implimentazzjoni nazzjonali u t-tisħiħ tal-impenn tal-Istati Membri. |
9. |
Sa ċertu punt, ir-raġuni għalfejn l-implimentazzjoni qed timxi b’ritmu daqshekk bil-mod hija d-dgħufija tal-impenn politiku tal-Istati Membri biex jimplimentaw regoli individwali. L-unika soluzzjoni għal din il-problema hija li jiġi żgurat li jkun hemm ir-rieda u l-impenn fil-livell politiku. Id-differenza bejn il-kultura leġislattiva u dik amministrattiva għandha titqies sa mill-bidu nett tal-ħidma preparatorja dwar il-leġislazzjoni tas-Suq Uniku. |
10. |
Il-Kumitat tar-Reġjuni jaqbel mal-Kummissjoni li l-“goldplating” huwa problema serja li ħolqot piżijiet ġodda żejda u bla bżonn fuq in-negozji u ċ-ċittadini. |
11. |
F’xi aspetti l-proposti tal-Kummisjoni huma “ex post” u l-Komunikazzjoni ma tiġbidx biżżejjed attenzjoni għalfejn l-implimentazzjoni għaddejja b’ritmu bil-mod. |
II. ENFASI FUQ OQSMA LI GĦANDHOM L-AKBAR POTENZJAL TA’ TKABBIR
IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
12. |
Skont il-Komunikazzjoni, l-oqsma li għandhom l-akbar potenzjal ta’ tkabbir huma s-settur tas-servizzi (inklużi l-kummerċ bl-imnut u l-kummerċ bl-ingrossa, is-servizzi tan-negozji u tal-kostruzzjoni), is-servizzi finanzjarji, it-trasport, l-ekonomija diġitali u s-settur tal-enerġija. |
13. |
Sabiex jiġi żgurat li r-regoli tas-Suq Uniku tal-UE jiġu implimentati b’mod effikaċi, qed jiġi propost li l-Istati Membri jieħdu impenn ikbar biex jimplimentawhom u biex jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-fażi ta’ implimentazzjoni.
|
14. |
Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni jiffokaw fuq it-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku biex timmonitorja l-mod li bih is-Suq Uniku jiffunzjona fil-prattika u biex tidentifika azzjonijiet ġodda, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tieħu passi biex tgħin tiżgura li l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE fl-oqsma ewlenin tkun f’waqtha, korretta u effiċjenti. |
IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
15. |
L-għan ewlieni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li s-suq uniku jibda jaħdem aħjar. L-għażla tal-oqsma ewlenin hija l-aħjar pjan ta’ azzjoni. Sabiex jiġi żviluppat Suq Uniku Ewropew, huwa essenzjali li jiġu identifikati liema miżuri jistgħu jkunu l-iżjed effettivi. |
16. |
Il-klima ekonomika attwali, l-istatus tas-servizzi finanzjarji, bħala wieħed mill-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, huwa importanti iżda fl-istess ħin huwa problematiku. |
17. |
Meta jkunu qed jiġu identifikati l-oqsma ewlenin, il-prijorità għandha tingħata lil dawk l-oqsma li jkunu f’qagħda li jinnovaw u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. L-għażla tal-oqsma ewlenin kienet pożittiva għall-gvern lokali. Il-prestazzjoni tas-suq uniku diġitali u tas-servizzi kollha kemm huma, huma prijoritajiet ewlenin u urġenti. |
18. |
L-Istati Membri għad għandhom ħafna x’jagħmlu biex jiffaċilitaw l-attivitajiet tas-suq diġitali. L-awtoritajiet lokali jistgħu jaqdu rwol hawnhekk, pereżempju permezz tal-akkwist pubbliku. It-twettiq tal-akkwist pubbliku b’mezzi elettroniċi u bl-użu sħiħ tal-fatturar elettroniku jagħti kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tas-suq diġitali. L-ostakli u l-isfidi involuti fl-implimentazzjoni tal-kummerċ elettroniku fis-settur pubbliku jmorru lil hinn mill-funzjonijiet tekniċi. L-appoġġ mill-maniġment superjuri, l-aġġustament tal-organizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal ilkoll huma fatturi kruċjali għas-suċċess tas-suq diġitali fil-livell lokali u reġjonali u l-akkwist pubbliku elettroniku assoċjat miegħu. |
19. |
It-twettiq tal-akkwist pubbliku b’mezzi elettroniċi ser jeħtieġ għadd ta’ miżuri fil-livell nazzjonali u lokali. Madankollu, fil-livell Ewropew għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi ffaċilitata l-bidla għall-ambjent elettroniku. Il-prattiki tajbin għandhom jinxterdu b’mod iktar effettiv anke fil-livell Ewropew. |
20. |
L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għat-tħejjija tal-leġislazzjoni nazzjonali, u dawn huma meħtieġa jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE b’mod korrett u adatt mil-lat nazzjonali. |
21. |
Jilqa’ l-fatt li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tardiv hija inkluża fil-lista ta’ atti leġislattivi prinċipali li l-implimentazzjoni tagħhom ser tiġi mmonitorjata mill-qrib. Il-ħlas tardiv mill-awtoritajiet pubbliċi hija problema kbira għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, u dan għandu jiġi indirizzat b’mod urġenti. |
22. |
Il-proposti ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Il-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali se tagħti lill-Istati Membri l-opportunità jqabblu s-sitwazzjoni tagħhom ma’ dik ta’ Stati Membri oħra. Abbażi tar-rapport annwali u l-analiżi, il-Kummissjoni se tidentifika l-isfidi prinċipali ta’ politika u l-passi li għandhom jittieħdu tul is-sena li ġejja kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Ir-rapport annwali għandu jressaq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, li se jkunu bbażati fuq analiżi aktar profonda tal-prestazzjoni f’kull Stat Membru, fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew. |
III. IT-TFASSIL, L-IMPLIMENTAZZJONI, L-APPLIKAZZJONI U L-INFURZAR TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU
IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
23. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza li, meta jitħejjew ir-regoli tas-Suq Uniku, l-UE għandha tiżgura li:
|
24. |
Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn il-prinċipji, il-partijiet interessati għandhom ikunu kkonsultati qabel it-tfassil tal-leġislazzjoni proposta. |
25. |
Il-Kummissjoni tipproponi li, fejn ikun adatt, għandhom jintużaw regolamenti minflok direttivi, b’mod partikolari meta ma jkunx hemm ħtieġa għal aktar diskrezzjoni waqt l-implimentazzjoni tar-regoli proposti mill-UE. |
IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
26. |
Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ mal-objettivi ta’ kwalità għal-leġislazzjoni. Huwa objettiv importanti fil-livell tal-UE u għal-leġislaturi nazzjonali li l-leġislazzjoni tkun ċara u faċli li tinftiehem. |
27. |
Iqis li s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija għodda essenzjali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu aċċess sħiħ għas-sistema. Huwa jqis ukoll li għandu jkun hemm taħriġ disponibbli għall-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikunu jistgħu jużaw is-sistema b’mod effiċjenti. |
28. |
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-Suq Uniku għandu jiġi ggwidat mil-leġislazzjoni tal-UE biss sal-punt li jkun tabilħaqq neċessarju. Jekk ma jiġix ikkunsidrat il-prinċipju tas-sussidjarjetà jistgħu jinħolqu l-problemi fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u meta jasal dak l-istadju ma jkunx għad hemm lok għall-flessibbiltà fil-livell nazzjonali u b’hekk jiġi pperikolat l-iżvilupp ekonomiku. |
29. |
Jenfasizza kemm huma utli ċ-ċentri SOLVIT għaċ-ċittadini u n-negozji żgħar, speċjalment fir-reġjuni konfinali, u jappella li l-Kummissjoni tippromovi aktar il-ħidma tagħhom u li l-Istati Membri kollha jipprovdulhom persunal u riżorsi adegwati. |
30. |
Jinnota li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar mhix magħrufa biżżejjed mill-qrati kompetenti u għadha tintuża rarament; problema partikolari għaċ-ċittadini li jagħmlu użu minn din il-proċedura hija l-infurzar sussegwenti tas-sentenza fi Stat Membru ieħor. |
31. |
Il-kwalità fqira ta’ ċertu regolazzjoni qed iddgħajjef il-leġittimità reali tal-UE f’għajnejn il-pubbliku u n-negozji. Pereżempju, il-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku fil-prattika xekklet il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-gvern lokali li jiddeċiedu kif għandhom jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ir-regoli tas-Suq Uniku u l-biża’ li dawn jinkisru qed imexxu l-organizzazzjoni tas-servizzi f’direzzjoni li mhux dejjem tkun adatta mil-lat operattiv. |
IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
32. |
Il-Kummissjoni tiddikjara li għandu jsir użu aktar intelliġenti mill-IT biex in-negozji u ċ-ċittadini jiġu informati. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu informazzjoni faċli għall-utent dwar attivitajiet tas-Suq Uniku. |
33. |
Għandu jkun possibbli li jittieħdu miżuri amministrattivi b’mezzi elettroniċi, b’mod speċjali meta l-azzjonijiet isiru fi Stat Membru ieħor. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet għandha tkun iffaċilitata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. |
34. |
Sabiex jiġu solvuti l-problemi li jiltaqgħu magħhom in-negozji u ċ-ċittadini, il-Komunikazzjoni tipproponi li għandu jkun hemm servizz ta’ għajnuna uniku li jkun aċċessibbli faċilment, fil-livell nazzjonali li jistgħu jirrikorru għalih. |
35. |
L-Istati Membri għandhom jimpenjaw lilhom infushom biex jiżguraw rikorsi legali rapidi u effikaċi. |
36. |
Skont il-Komunikazzjoni, għandu jkun hemm korp wieħed biss li jieħu ħsieb jissorvelja u jimmonitorja s-Suq Uniku fil-livell nazzjonali. Il-Komunikazzjoni tirrakkomanda li jiġu introdotti “ċentri tas-Suq Uniku” fl-Istati Membri u beħsiebha tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ ċentri tas-Suq Uniku. |
IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
37. |
M’hemmx għalfejn ngħidu li l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattika għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Dan għandu dejjem jagħmel parti mill-attivitajiet ta’ żvilupp normali tal-Kummissjoni. |
38. |
L-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fuq il-linji proposti mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ b’mod pożittiv ukoll. Pereżempju, it-twaqqif ta’ ċentri tas-Suq Uniku jista’ jiġi ġġustifikat fuq il-bażi li jgħin jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-kompiti taċ-ċentri tas-Suq Uniku jridu jkunu kompatibbli ma’ aspetti oħrajn tal-amministrazzjoni tal-Istati Membri. |
39. |
Meta tkun qed titħejja l-leġislazzjoni, huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, b’mod partikolari, jenfasizza l-importanza tal-attività lokali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jinħolqu għall-intrapriżi fil-livell lokali. Il-qafas jinħoloq fil-livell Ewropew imma l-fatturi li huma determinanti għall-prosperità u l-attività ekonomika tagħna jinbtu fil-livell lokali. Fl-iżvilupp tar-regoli għas-suq intern dan l-aspett għandu jitqies, għax huwa l-uniku mod kif nistgħu noħolqu rabta bejn l-ekonomija pan-Ewropea u d-dimensjoni lokali. |
40. |
L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw proporzjon kbir ħafna tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku. Madankollu, biex jiġi evitat li l-problemi joħorġu fid-dieher meta jiġu implimentati dawn ir-regoli fil-prattika jeħtieġ li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE. |
41. |
L-innovazzjonijiet jinbtu fil-livell lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol ewlieni fl-appoġġ u t-tmexxija tal-innovazzjonijiet. Sabiex jiġi żviluppat s-Suq Uniku Ewropew, għandu jinħoloq mudell fejn kemm l-atturi lokali u kemm l-atturi Ewropej ikollhom ir-rwoli proprji naturali tagħhom x’jaqdu. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tippromovi approċċ fejn l-isforzi konġunti tad-diversi direttorati ġenerali jkunu intiżi biex jiżviluppaw l-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, filwaqt li l-livell lokali jesperimenta bl-aħjar prattiki. |
42. |
Madankollu, l-anqas l-aħjar prattiki ma jistgħu jinxterdu mingħajr netwerk Ewropew. Il-Kummissjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi netwerks bħal dawn. Fl-oqsma ta’ politika u r-reġjuni bl-ikbar potenzjal ta’ innovazzjoni, il-proġetti pijunieri ffinanzjati mill-UE għandhom jitnedew għal dik ir-riċerka li tipprovdi appoġġ effettiv għall-innovazzjoni kif ukoll għat-tagħlim. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, kull attur lokali għandu jkollu aċċess għall-prattiki żviluppati fuq din il-bażi. |
IV. MIŻURI TA’ SEGWITU OĦRAJN MEĦTIEĠA
43. |
Il-Kummissjoni Ewropea lestiet il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II (COM(2012) 573 final). Skont din il-Komunikazzjoni, l-involviment konġunt tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ħafna partijiet interessati wassal għal viżjoni politika b’appoġġ mifrux biex is-suq uniku jkompli jiġi żviluppat u wassal ukoll biex l-attenzjoni politika tiġi ffokata. Il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-isfidi li nħolqu mill-kriżi ekonomika, il-miżuri ta’ segwitu jridu jissaħħu. |
44. |
Il-muturi għal tkabbir ġdid imressqa f’din il-Komunikazzjoni huma:
|
45. |
In-netwerks huma s-sinsla tal-modernizzazzjoni ekonomika. Wieħed mill-għanijiet importanti huwa li jintlaħaq suq uniku fejn iċ-ċittadini u l-intrapriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn suq uniku wieħed tat-trasport u l-enerġija. Mingħajr l-ebda dubju s-settur diġitali huwa xprun ewlieni kemm għall-produttività kif ukoll għall-kreattività. L-intraprenditorija soċjali tfisser li jittieħdu passi attivi biex is-settur pubbliku u dak terzjarju jiġu involuti kif ukoll li l-attivitajiet f’diversi sħubijiet jiżdiedu b’pass imħaffef. Il-KtR jistenna miżuri prattiċi sabiex l-istennijiet assoċjati ma’ dawk l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu mingħajr dewmien. |
46. |
Barra mill-punti msemmija hawn fuq, hemm għadd ta’ kwistjonijiet u mistoqsijiet relatati mal-funzjonament tas-Suq Uniku li għandhom jiġu diskussi fil-livell politiku. Fid-dawl tal-esperjenzi tal-kriżi finanzjarja, dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu solvuti u għalkemm ħafna minnhom diġà ġew identifikati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-inizjattivi ewlenin, is-soluzzjonijiet għad iridu jinstabu. Il-miżuri meħtieġa ġew diskussi wkoll f’għadd ta’ Opinjonijiet tal-KtR, u l-KtR jixtieq jenfasizza b’mod partikolari l-miżuri stabbiliti hawn isfel. |
47. |
Il-KtR jipproponi (CdR 330/2010) li “jiġu stabbiliti patti territorjali fejn, permezz ta’ approċċ reġjonali flessibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-fondi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq proġetti li jippromovu l-innovazzjonijiet soċjali fir-reġjun ikkonċernat u li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq is-soċjetà.” Fost l-affarijiet ta’ importanza partikolari nsibu l-miżuri għall-oqsma ewlenin speċifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, pereżempju li jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet diġitali fil-modernizzazzjoni tal-proċessi u l-istrutturi tas-servizzi. |
48. |
Il-KtR jirrakkomanda li (CdR 330/2010) “fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona li jistgħu jerġgħu jsawru l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-suq uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi objettivi soċjali ġodda għall-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.” F’dan il-każ ukoll il-kwistjoni hija kif għandhom jinħolqu innovazzjonijiet soċjetali ġodda sabiex l-Ewropa tkun tista’ tiżviluppa proġetti pijunieri, b’innovazzjonijiet f’ċerti oqsma u kooperazzjoni bejn oqsma li jipprovdu soluzzjonijiet essenzjali għal użu universali. |
Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO