15.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/44 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-agrikoltura soċjali: l-agrikoltura għal finijiet terapewtiċi u l-politiki soċjali u dawk relatati mas-saħħa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2013/C 44/07
Relatur: is-Sinjura WILLEMS
Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-agrikoltura soċjali: l-agrikoltura għal finijiet terapewtiċi u l-politiki soċjali u dawk relatati mas-saħħa.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2012.
Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’124 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-agrikoltura soċjali hija approċċ innovattiv li jħaddan żewġ kunċetti: l-agrikoltura multifunzjonali u s-servizzi soċjali/il-kura tas-saħħa fil-livell lokali. Fil-qafas tal-produzzjoni ta’ beni agrikoli, hija tikkontribwixxi għall-benesseri u l-integrazzjoni soċjali tal-persuni bi bżonnijiet speċifiċi. L-importanza dejjem tikber tal-agrikoltura soċjali wasslet lill-KESE biex ifassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar dan is-suġġett. |
1.2 |
L-agrikoltura soċjali nxterdet fl-Ewropa kollha taħt forom li jirrappreżentaw karatteristiċi komuni iżda wkoll hemm bosta differenzi mil-lat ta’ approċċ, ta’ relazzjonijiet mas-setturi l-oħra u ta’ finanzjament. |
1.3 |
Madankollu, hemm bżonn ta’ definizzjoni fil-livell Ewropew tal-agrikoltura soċjali biex jiġu ddeterminati l-attivitajiet li jagħmlu parti minnha u biex jiġu definiti qafas u kriterji, fosthom kriterji ta’ kwalità, li l-attivitajiet għandhom jissodisfaw biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ taħt politiki differenti. Iżda din id-definizzjoni m’għandhiex tkun restrittiva wisq sabiex jiġi evitat li “niffriżaw” realtà li kulma jmur qed tinbidel. |
1.4 |
Ma jeżisti l-ebda qafas regolatorju għall-agrikoltura soċjali la fil-livell tal-Unjoni, u lanqas f’dak nazzjonali, liema ħaġa twassal għal nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-politiki u/jew l-istituzzjonijiet differenti kkonċernati. Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-agrikoltura soċjali billi jistabbilixxu qafas regolatorju adatt u favorevoli u billi jieħdu l-miżuri msemmijin hawn fuq. |
1.5 |
L-istatistika disponibbli fil-qasam tal-agrikoltura soċjali hija rari u frammentata u, fil-fehma tal-KESE, ikun utli li jitnieda programm ta’ riċerka statistika bil-għan li tiġi kkwantifikata u analizzata b’mod iżjed approfondit l-eżistenza tagħha fl-Istati Membri u l-forom differenti li tieħu. Din il-bażi tad-data tista’ tiġi estiża b’mod li tippromovi l-programmi ta’ riċerka f’kull wieħed mill-Istati Membri. |
1.6 |
L-agrikoltura soċjali għandha tkun appoġġjata mir-riċerka interdixxiplinari fl-oqsma differenti bil-għan li jiġu vvalidati riżultati empiriċi, jiġi analizzat l-impatt tagħha u l-vantaġġi tagħha minn angoli differenti (fost l-oħrajn, dawk soċjali u ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa u l-persunal) u bil-għan li jiġi żgurat it-tixrid tal-għarfien miksub fil-post. Minn din il-perspettiva, ikun tajjeb li jiġi promoss u żviluppat l-isforz ta’ kooperazzjoni meħud fil-livell Ewropew mill-proġett SoFar u COST Action fil-programm qafas li jmiss Orizzont 2020 għall-perjodu 2014-2020. |
1.7 |
Il-KESE huwa tal-fehma li huwa kruċjali wkoll li jitwaqqfu u jissaħħu n-netwerks tal-agrikoltura soċjali bil-għan li jsir skambju tat-tagħlim miksub u tal-esperjenzi, u li titrawwem kuxjenza. Barra minn hekk, tajjeb li jkun hemm rappreżentanza komuni tal-interessi tal-agrikoltura soċjali fil-livell politiku u t-twaqqif ta’ organizzazzjoni ċentrali fil-livell Ewropew. B’hekk jissaħħu kemm l-iskambju bejn l-atturi involuti kif ukoll ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
1.8 |
Barra minn hekk, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità u ta’ kompetenzi fl-attivitajiet tal-agrikoltura soċjali, ikun tajjeb li tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ tal-atturi – kemm f’dak li jirrigwarda l-fornituri tas-servizzi kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-persuni bi bżonnijiet speċifiċi li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi. |
1.9 |
Sabiex tiżviluppa lilha nnifisha fl-Ewropa kollha, l-agrikoltura soċjali teħtieġ ambjent propizju, sehem ikbar min-naħa tas-soċjetà ċivili u kooperazzjoni produttiva bejn l-oqsma differenti ta’ politika u l-amministrazzjonijiet (saħħa/affarijiet soċjali/agrikoltura/impjieg), fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan ifisser li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jirrikonoxxu l-agrikoltura soċjali u jappoġġjawha b’mod immirat, filwaqt li jizgurawlha aċċess b’mod sostenibblui għal riżorsi finanzjarji li jkopru aspetti differenti ta’ dan it-tip ta’ agrikoltura. |
1.10 |
Bl-istess mod, jista’ jkun utli li l-Kummissjoni Ewropea toħloq struttura permanenti li tlaqqa’ fi ħdanha d-direttorati ġenerali kollha kkonċernati. Jistgħu jiġu stabbiliti arranġamenti simili fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ it-twettiq ta’ studju komparattiv tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istati Membri u tal-ispejjez tagħhom, bil-għan li jiżdied l-iffrankar li jista’ jsir fil-qafas tal-proġetti tal-agrikoltura soċjali. |
1.11 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020 jiftħu perspettivi ġodda għall-agrikoltura soċjali. Madankollu, għad hemm bżonn li l-agrikoltura soċjali tiġi appoġġjata aħjar matul il-perjodu li jmiss ta’ programmazzjoni. F’dan ir-rigward, l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-użu tal-politiki differenti fil-qasam tal-agrikoltura soċjali. Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet differenti (nazzjonali u Komunitarji) li huma fdati bl-inkarigu u huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej għandhom isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom bil-għan li jeliminaw l-ostakli li jimpedixxu l-aċċess għall-Fondi Strutturali u li jiffaċilitaw dan l-aċċess għall-atturi fil-livell lokali. |
1.12 |
Il-qafas strateġiku komuni jipprovdi l-possibbiltà li l-fondi differenti jinġabru flimkien fil-qafas ta’ strateġija ta’ finanzjament multiplu. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri jsemmu l-agrikoltura soċjali fil-programmazzjoni tagħhom u jfasslu, permezz ta’ approċċ integrat, programmi speċifiċi li jippermettu li dan is-settur jibbenefika iżjed mill-Fondi Strutturali differenti. Possibbiltà oħra tkun dik li jiġu kkunsidrati sottoprogrammi tematiċi ddedikati għall-agrikoltura soċjali jew li jibqgħu jiġu appoġġjati proġetti LEADER li jsiru f’dan il-qasam. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
L-agrikoltura soċjali żviluppat ftit jew wisq kullimkien fil-kampanja Ewropea mill-aħħar tas-seklu 20 lil hawn bħala prattika ġdida ekonomikament sostenibbli, u l-għadd ta’ esperjenzi f’dan il-qasam qiegħed kulma jmur jiżdied. Dawn l-attivitajiet kollha jinġabru taħt it-terminu “Agrikoltura soċjali”; termini oħra użati biex jiddeskrivu dawn l-attivitajiet huma “Biedja għas-saħħa”, “biedja għal finijiet terapewtiċi” u anke “agrikoltura terapewtika”. Dawn it-termini kollha jirreferu għal prattiki jew attivitajiet differenti fil-qasam tal-kura, tar-riintegrazzjoni soċjali, tat-taħriġ u tar-riabilitazzjoni tal-persuni żvantaġġati jew għat-taħriġ ta’ persunni bi bżonnijiet speċifiċi. Dawn l-attivitajiet, peress li jagħmluha possibbli li persuni li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ikollhom kuntatt mill-ġdid ma’ attivitajiet produttivi u man-natura, jikkontribwixxu għall-benesseri tagħhom, għat-titjib tal-istat tas-saħħa tagħhom u għall-inklużjoni soċjali tagħhom; huma jiffaċilitaw it-tagħlim, iżidu r-rispett li persuna jkollha għaliha nnifisha u, b’hekk, iżidu wkoll il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali. F’dan is-sens, l-agrikoltura soċjali hija approċċ innovattiv li jħaddan żewġ kunċetti: l-agrikoltura multifunzjonali u s-servizzi soċjali/il-kura tas-saħħa fil-livell lokali. Minn naħa, hija marbuta mill-qrib man-natura multifunzjonali tal-agrikoltura u tagħmel parti integrali wkoll mill-kunċett tal-iżvilupp rurali, u tipprovdi l-bdiewa bil-possibbiltà li jiddiversifikaw id-dħul tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà fis-sens li tipprovdi servizzi soċjali u ttejjeb is-servizzi eżistenti għall-benefiċċju tal-abitanti taż-żoni rurali, billi tuża parti mir-riżorsi agrikoli u rurali, fis-sens wiesa’ tal-kelma. |
2.2 |
Minkejja li l-prattiki tal-agrikoltura soċjali fl-Ewropa fihom bosta karatteristiċi simili, fis-sens li huma marbutin mill-qrib mal-attivitajiet tradizzjonali tal-ekonomija rurali u jsiru fl-irziezet (irziezet organiċi, “livell għoli ta’ manodopera”, livell għoli ta’ multifunzjonalità, ftuħ fuq it-territorju, livell għoli ta’ diversifikazzjoni u flessibbiltà), jeżistu wkoll bosta differenzi bejn il-pajjiżi meta wieħed iqis l-istorja, l-approċċi u l-orjentazzjonijiet tagħhom. Biex niġbru dan kollu fil-qosor, u fid-dawl tal-fatt li l-approċċi huma diversi, nistgħu nidentifikaw tliet approċċi prinċipali:
|
2.3 |
L-orjentazzjonijiet huma differenti wkoll: fl-Italja u Franza, l-agrikoltura soċjali hija prinċipalment relatata mas-settur soċjali u dak tas-saħħa; fil-Pajjiżi l-Baxxi hija iżjed qrib is-sistema tas-saħħa; fil-Fjandri hija qrib is-sistema tal-agrikoltura, u fil-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Irlanda u s-Slovenja l-orjentazzjoni tinsab bejn is-settur soċjali/tas-saħħa u s-settur tas-saħħa. |
2.4 |
Il-modi ta’ finanzjament ivarjaw skont il-pajjiż:
Madankollu, fil-prattika, il-modi ta’ finanzjament huma ta’ spiss diversi u mħalltin. |
2.5 |
L-agrikoltura soċjali hija organizzata f’diversi forom. Tista’ tkun f’forma ta’ razzett privat ġestit minn intraprenditur privat, għal liema l-agrikoltura soċjali tippermetti diversifikazzjoni tas-sorsi tad-dħul, filwaqt li tiġġenera produzzjoni normali maħsuba għas-suq; tista’ tkun ukoll f’forma ta’ intrapriża jew kooperattiva soċjali, assoċjazzjoni jew fondazzjoni, jiġifieri organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. F’każijiet oħra, l-agrikoltura soċjali, filwaqt li xorta waħda tiġi eżerċitata fl-irziezet, tkun fil-kompetenza ta’ korpi pubbliċi jew aġenziji tas-settur tas-saħħa. |
3. Definizzjoni tal-agrikoltura soċjali
3.1 |
Mhuwiex faċli niddefinixxu l-agrikoltura soċjali peress li tħaddan firxa wiesgħa ta’ prattiki differenti. Madankollu, hemm bżonn ta’ definizzjoni fil-livell Ewropew tal-agrikoltura soċjali biex jiġu ddeterminati l-attivitajiet li jagħmlu parti minnha u biex jiġu definiti qafas u kriterji, fosthom kriterji ta’ kwalità, li l-attivitajiet għandhom jissodisfaw biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ taħt politiki differenti. Iżda din id-definizzjoni m’għandhiex tkun restrittiva wisq sabiex jiġi evitat li “niffriżaw” realtà li kulma jmur qed tinbidel. Għall-kuntrarju, għandha tipproponi qafas li jżomm il-flessibbiltà meħtieġa biex tħaddan il-firxa sħiħa tal-attivitajiet u l-approċċ minn isfel għal fuq tal-agrikoltura soċjali. |
3.2 |
Għalkemm l-attivitajiet li jagħmlu parti mill-agrikoltura soċjali huma varjati ħafna, ilkoll kemm huma jħaddnu żewġ elementi komuni: a) l-attivitajiet isiru f’razzett u b) huma maħsuba għal persuni bi bżonnijiet speċifiċi temporanji jew permanenti, inkluż fil-qasam pedagoġiku.B’hekk, l-agrikoltura soċjali tikkontribwixxi għall-benesseri u l-iżvilupp personali tal-persuni, iżda wkoll għall-iżvilupp tar-reġjuni rurali u għal skambju aħjar bejn il-bliet u ż-żoni rurali. |
3.3 |
Għaldaqstant, l-agrikoltura soċjali tista’ tiġi definita inizjalment bħala firxa ta’ attivitajiet li jużaw ir-riżorsi agrikoli, kemm dawk veġetali kif ukoll l-annimali, bil-għan li jiġu promossi (jew ġestiti) servizzi soċjali, fiż-żoni rurali jew periurbani, bħar-riabilitazzjoni, it-terapija, l-impjiegi protetti, it-tagħlim tul il-ħajja u attivitajiet oħra li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni soċjali (skont id-definizzjoni COST Action 866 – Green Care – Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija). Fost affarijiet oħra, tinvolvi l-ħolqien, fil-qafas ta’ razzett, tal-kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli li persuni bi bżonnijiet speċifiċi jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ kuljum tar-razzett, bil-għan li jiġu żgurati l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ dawn il-persuni u sabiex jittejjeb il-benesseri tagħhom. |
3.4 |
Attwalment, nistgħu niddistingwu erba’ oqsma prinċipali tal-agrikoltura soċjali:
|
4. In-nuqqas ta’ qafas legali fil-livell Komunitarju u f’dak nazzjonali
4.1 |
Bis-saħħa tal-attivitajiet terapewtiċi tagħha, ta’ inklużjoni fid-dinja tax-xogħol, ta’ inklużjoni soċjali u anke dawk pedagoġiċi, l-agrikoltura soċjali indubbjament tipprovdi servizzi pubbliċi ta’ valur kbir, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, permezz tad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet li tiġġenera u d-dinamika li tirfidha, jista’ jkollha impatt sostanzjali fuq l-iżvilupp lokali. |
4.2 |
Għadd kbir ta’ esperjenzi f’dan il-qasam kienu l-frott ta’ proċess minn isfel għal fuq li, permezz tiegħu, tnedew netwerks lokali li jippermettu żvilupp globali tat-territorji. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-agrikoltura soċjali tikkonforma mal-pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar “Il-paradigma rurali l-ġdida” (2006) u tissemma espliċitament fil-pubblikazzjoni “Analiżi tal-politika rurali” dwar il-pajjiżi tal-OECD, pereżempju l-Italja. L-agrikoltura soċjali ġiet analizzata wkoll f’konferenza dwar l-iżvilupp rurali tal-OECD li saret f’Québec (2009). F’dan ir-rigward, huma ffinanzjati inizjattivi fil-qasam tal-agrikoltura soċjali taħt il-politiki ta’ żvilupp rurali 2007-2013 (assijiet III u IV tal-programm LEADER) u l-miżuri tal-fond soċjali favur l-inklużjoni soċjali. |
4.3 |
L-għarfien tal-potenzjal tal-agrikoltura soċjali qed isir dejjem iżjed importanti fil-livelli kollha u l-organizzazzjonijiet agrikoli; il-komunitajiet lokali kif ukoll l-istituzzjonijiet ta’ natura soċjali u tas-saħħa qed jixħtu ħarsa ġdida lejn l-agrikoltura soċjali. Madankollu, ċerti pajjiżi biss (Franza, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi) stabbilixxew regolamentazzjoni settorjali, jew fil-livell nazzjonali inkella f’dak reġjonali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ rabtiet bejn il-politiki u/jew l-istuituzzjonijiet differenti involuti fl-agrikoltura soċjali jinħass kullimkien. Madankollu, l-atturi tal-agrikoltura soċjali qed jibdew jingħaqdu flimkien biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, u għandu jiġi rikonoxxut li r-rwol tan-netwerks spontanji tal-bdiewa soċjali huwa essenzjali. |
4.4 |
Tul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni Ewropea nediet għadd ta’ inizjattivi biex jiġu appoġġjati dawn l-attivitajiet, bħall-COST Action 866 – Green care, il-proġett SoFar (Social Services on Multifunctional Farms) (inizjattiva ffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea fi ħdan is-Sitt Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku); f’Diċembru 2009 tnediet inizjattiva tematika li tlaqqa’ 7 Stati Membri fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jiġu analizzati l-opportunitajiet u l-ostakli preżenti fil-pjani ta’ żvilupp rurali fil-livell nazzjonali jew reġjonali, ikkofinanzjati mill-FAEŻR. Fl-2008, il-Ġermanja (Prof. Thomas VAN ELSEN) ipproponiet sommarju eżekuttiv dwar l-agrikoltura soċjali fil-qafas tal-proġett SoFar, u kien aġġornat fl-2009. |
5. Azzjonijiet li għandhom jittieħdu
5.1 Rikonoxximent fil-livell Komunitarju tal-agrikoltura soċjali u l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju
5.1.1 |
Fid-dawl tal-beni pubbli1i li tipproduċi u l-kontribut tagħha għall-żivilupp sostenibbli, l-agrikoltura soċjali għandha titħeġġeġ u tiġi appoġġjata mill-korpi Komunitarji u l-gvernijiet. Dan jinkludi l-ħolqien, f’livelli differenti, ta’ qafas regolatorju adatt u favorevoli, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-agrikoltura soċjali, it-titjib tal-governanza tal-agrikoltura soċjali, ambjent favorevoli u kooperazzjoni siewja bejn l-oqsma politiċi u l-amministrazzjonijiet differenti (saħħa/soċjali/agrikoltura/impjieg) fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra minn hekk, ikunu utli appoġġ immirat min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi u l-implimentazzjoni integrata tal-Fondi Strutturali bil-għan li jappoġġjaw l-agrikoltura soċjali, il-promozzjoni u l-appoġġ tar-riċerka interdixxiplinari u t-tijib tal-komunikazzjoni u l-iskambju tal-esperjenzi. |
5.1.2 |
Meta jkun qed jiġi stabbilit qafas regolatorju, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet relatati mal-kwalità tal-agrikoltura soċjali, u li jiġu definiti kriterji ġenerali, fosthom kriterji ta’ kwalità, li l-azzjonijiet ikun jeħtiġilhom jissodisfaw. Fl-istess kuntest, ikun tajjeb li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat monitoraġġ adegwat tal-attivitajiet tal-agrikoltura soċjali. |
5.1.3 |
Barra minn hekk, tista’ tkun utli struttura permanenti mwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea bil-parteċipazzjoni tad-direttorati ġenerali kollha kkonċernati bil-għan li tħeġġeġ, tissorvelja u tikkoordina l-iżvilupp tal-agrikoltura soċjali fl-Ewropa. Jistgħu jiġu stabbiliti strutturi simili fl-Istati Membri. |
5.2 Il-ħolqien ta’ bażi tad-data fil-livell tal-UE
Għalkemm qed jiżdied l-għadd ta’ rziezet attivi fil-qasam tal-agrikoltura soċjali fil-pajjiżi kollha, inġenerali dawn jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-għadd totali ta’ rziezet. Madankollu, l-istatistika disponibbli dwar l-agrikoltura soċjali hija frammentata/parzjali u rari. Għalhekk, ikun tajjeb li jitnieda programm ta’ riċerka statistika fil-livell Ewropew bil-għan li tiġi kkwantifikata u analizzata iżjed bir-reqqa l-preżenza tal-agrikoltura soċjali fl-Ewropa u l-forom li tieħu. Il-Kummissjoni tista’ testendi din il-bażi tad-data biex tippromovi l-programmi ta’ riċerka f’kull Stat Membru.
5.3 It-tħeġġiġ tal-inklużjoni tal-agrikoltura soċjali fil-programmi ta’ riċerka
5.3.1 |
Il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, mibdija minn SoFar u l-proġett COST Action 866 – Green Care fl-agrikoltura għandha tiġi promossa u żviluppata. Fil-fatt, il-produzzjoni u l-iskambju tal-għarfien xjentifiku, professjonali u prattiku fl-Ewropa huma ta’ importanza kbira. Fid-dawl ta’ analiżi iżjed bir-reqqa, l-agrikoltura soċjali teħtieġ l-appoġġ tar-riċerka fl-oqsma tat-terapija u tal-mediċina, fil-qasam tal-ħidma soċjali fl-agrikoltura kif ukoll fl-agrikoltura u t-taħriġ. Din ir-riċerka għandha ssir b’rabta mill-qrib mal-ħidma fil-post. Ir-riżultati empiriċi pożittivi miksuba minn terapiji bl-użu tal-pjanti u l-annimali għandhom jiġu vvalidati minn analiżi xjentifika rigoruża bil-għan li jiġ rikonoxxuti mill-qasam mediku. Il-lezzjonijiet li tgħallimna l-esperjenza f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza tal-integrazzjoni tal-persuni fir-ritmu ta’ kuljum u dak annwali fil-biedja għandhom jiġu dokumentati u użati għal żviluppi ġodda fil-qasam tal-agrikoltura soċjali. |
5.3.2 |
Riċerka interdixxiplinari li tanalizza l-impatt u l-vantaġġi tal-agrikoltura soċjali minn angoli differenti (soċjali, ekonomiċi, fil-qasam tas-saħħa u tal-persunal) tiżgura t-trasferiment tal-għarfien miksub abbażi tal-esperjenza u li tinkludi l-atturi fil-post tista’ twassal għal ideat innovattivi u ssaħħaħ l-użu tagħhom fl-agrikoltura soċjali. L-appoġġ xjentifiku għal proġetti pilota jista’ jgħin fl-iżvilupp ta’ mudelli bbażati fuq intrapriżi individwali jew kooperattivi f’reġjun sħiħ. Għandhom isiru studji u riċerka interdixxiplinari biex jiġi analizzat l-impatt tal-agrikoltura soċjali, minn naħa f’dak li għandu x’jaqsam mal-iffrankar li jistgħu jagħmlu l-iskemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u min-naħa l-oħra f’dak li jirrigwarda t-titjib tas-saħħa u tal-benesseri tal-benefiċjarji tal-prestazzjonijiet tal-agrikoltura soċjali. Diġà saru analiżijiet u studji dwar dawn l-aspetti f’ċerti pajjiżi, l-iżjed fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
5.3.3 |
Din ir-riċerka tista’ ssir fil-programm qafas futur Orizzont 2020 (2014-2020), peress li dan jikkunsidra l-aspetti soċjali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Ikun tajjeb ħafna li l-agrikoltura soċjali tiġi kkoordinata u appoġġjata mill-Orizzont 2020 peress li dan il-programm jista’ jiffaċilita l-laqgħat u l-iskambji bejn ir-riċerkaturi fid-diversi dixxiplini relatati ma’ din ix-xorta ta’ agrikoltura. |
5.4 It-tħeġġiġ tal-inklużjoni tal-agrikoltura soċjali fil-programmi ta’ riċerka
Bil-għan li jiġi żguratt livell għoli ta’ kwalità u ta’ kompetenzi fl-attivitajiet tal-agrikoltura soċjali, ikun tajjeb li tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ tal-atturi – kemm f’dak li jirrigwarda l-fornituri tas-servizzi kif ukoll f’dak li jirrigwarda dawk li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi. Għalhekk, ikun tajjeb li, b’rabta mill-qrib mal-istituzzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ riċerka, jiġu żviluppati u pprovduti programmi ta’ taħriġ kontinwu, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ kompetenzi fost il-kapijiet tal-intrapriżi u l-kollaboraturi tagħhom responsabbli għall-persuni li jibbenefikaw mill-agrikoltura soċjali. Bl-istess mod, għandu jiġi analizzat u implimentat it-taħriġ li jista’ jiġi pprovdut lill-persuni li jibbenefikaw mill-agrikoltura soċjali.
5.5 It-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili u tan-netwerking
5.5.1 |
Ta’ spiss, il-proġetti innovattivi fil-qasam tal-agrikoltura soċjali jiżviluppaw b’mod iżolat, mingħajr ma tkun magħrufa l-eżistenza ta’ proġetti simili jew mingħajr skambju ta’ esperjenza bejniethom. Madankollu, huwa kruċjali li jitwaqqfu u jissaħħu n-netwerks tal-agrikoltura soċjali bil-għan li jsir skambju tal-esperjenza, jixxerred l-għarfien dwar il-proġetti differenti u jiġu vvalutati l-aħjar prattiki. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni sar fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Dan it-tip ta’ netwerk għandu jissaħħaħ. |
5.5.2 |
Bl-istess mod, għandhom jiġu promossi l-kooperazzjoni, il-pubblikazzjonijiet komuni, u l-preżenza fuq l-internet. |
5.5.3 |
Barra minn hekk, ikun tajjeb li ssir ħidma bil-għan li jkun hemm rappreżentanza komuni tal-interessi tal-agrikoltura soċjali fil-livell politiku u li jitħeġġeġ it-twaqqif ta’ organizzazzjoni ċentrali fil-livell Ewropew. Organizzazzjoni ta’ dan it-tip, li tkun tinkludi s-soċjetà ċivili, tista’ tiffaċilita l-iskambji bejn l-atturi tal-agrikoltura soċjali u tgħinhom kemm mil-lat tekniku kif ukoll dak amministrattiv, filwaqt li tiżgura li tippromovi l-interessi tal-agrikoltura soċjali fil-livell politiku. F’dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet agrikoli jaqdu rwol importanti. |
5.5.4 |
Dawn l-attivitajiet kollha jistgħu jiġu pprogrammati u implimentati fil-qafas tal-politika l-ġdida ta’ żvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020 u tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq in-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u n-netwerks għall-iżvilupp rurali tal-Istati Membri, u b’hekk l-inizjattiva tematika dwar l-agrikoltura soċjali msemmija qabel tiġi estiża għal Stati Membri oħra. |
5.6 L-inklużjoni tal-agrikoltura soċjali fl-istrateġija ta’ żvilupp sostenibbli u l-qafas strateġiku komuni
5.6.1 |
L-agrikoltura soċjali ibbenefikat minn ċertu appoġġ, fil-qafas tal-politika attwali fil-qasam tal-iżvilupp rurali, b’mod partikolari taħt l-Assi III (diversifikazzjoni) u IV (LEADER), u l-assi “inklużjoni soċjali” tal-FSE. Ir-rikonoxximent tal-agrikoltura soċjali bħala element ta’ żvilupp tal-ekonomija rurali għandu jagħmilha possibbli li tibbenefika mill-azzjonijiet kollha promossi u ffinanzjati mill-Fondi Strutturali Ewropej (FAEŻR, FSE, FEŻR) u b’hekk ikollha aċċess għal sorsi ġodda ta’ finanzjament. |
5.6.2 |
Anke jekk il-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali joffru għadd ta’ perspettivi ġodda – fis-sens li l-ġlieda kontra l-faqar, l-inklużjoni soċjali kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet agrikoli jissemmew bħala għanijiet espliċiti ta’ din il-politika (u li, idealment, jistgħu jiġu kkombinati fl-agrikoltura soċjali), jeħtieġ li jiġi enfasizzat iżjed ir-rwol tal-agrikoltura soċjali kemm fil-programmazzjoni li jmiss kif ukoll fil-kuntratt ta’ sħubija, bil-għan li tiġi appoġġjata iżjed. F’dan ir-rigward, l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-użu tal-politiki differenti fil-qasam tal-agrikoltura soċjali. Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet differenti (nazzjonali u Komunitarji) li huma fdati bl-inkarigu u huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej għandhom isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom bil-għan li jeliminaw l-ostakli li jimpedixxu l-aċċess għall-Fondi Strutturali u li jiffaċilitaw dan l-aċċess għall-atturi fil-livell lokali. |
5.6.3 |
Il-qafas il-ġdid tal-programmazzjoni jippermetti li l-agrikoltura soċjali tikseb il-finanzjament abbażi ta’ għadd ta’ fondi matul numru ta’ snin. Il-Qafas Strateġiku Komuni jagħmilha possibbli li l-fondi differenti jiġu kkombinati fil-qafas ta’ strateġija ta’ finanzjament multiplu; l-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jsemmu l-agrikoltura soċjali fil-programmazzjoni tagħhom u jiżviluppaw progrmmi speċifiċi b’mod li l-agrikoltura soċjlai tkun tista’ tibbenefika iżjed mill-Fondi Strutturali differenti. Effettivament, huwa ta’ importanza primordjali li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiġu konvinti biex jagħmlu l-aħjar użu minn dawn il-possibbiltajiet ta’ finanzjament. Fid-dawl tan-natura multidimensjonali u multifunzjonali tagħha, l-agrikoltura soċjali u l-atturi involuti fiha jistgħu jibbenefikaw bil-bosta minn approċċ li jkun ġenwinament integrat, li jiffaċilita u jikkoordina aħjar l-użu tal-fondi differenti, kif ukoll il-proċeduri u l-approċċi relatati. |
5.6.4 |
Għal dan il-għan, jista’ jkun utli li tiġi implimentata politika tal-komunikazzjoni li tindirizza lill-Istati Membri, fil-qafas tal-iżvilupp rurali, li tkopri wkoll l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ tħejjija ta’ rapporti. Possibbiltà oħra hija li jiġi kkunsidrat sottoprogramm tematiku skont l-Artikolu 8 jew anke li jissaħħu l-proġetti LEADER li jittrattaw l-agrikoltura soċjali. |
5.6.5 |
Fl-aħħar nett, id-direttorati ġenerali differenti għandhom isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-agrikoltura soċjali għall-Fondi Strutturali kollha billi jitneħħew id-diffikultajiet li s’issa waqqfu lill-bdiewa milli jkollhom aċċess għall-politiki reġjonali. |
Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON