9.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 239/9 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2012/C 239/04
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“SALMERINO DEL TRENTINO”
KE Nru: IT-PGI-0005-0964-17.02.2012
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Salmerino del Trentino”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta' prodott:
Klassi 1.7. |
Ħut, molluski, krustaċej friski u prodotti magħmulin minnhom |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:
L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Salmerino del Trentino” hija attribwita lil ħut salmonidi mrobbi fiż-żona ta’ produzzjoni msemmija fil-punt 4 u li jippartjeni għall-ispeċi salmerino alpino Salvelin aplinus L. Meta jitqiegħed għall-konsum, is-salmerini għandhom jippreżentaw il-karatteristiċi li ġejjin: lewn griż-aħdar jew kannella, bid-dahar u l-ġnub koperti bi dbabar bojod, sofor jew ħomor, mingħajr l-ebda marka; bi ġwienaħ oranġjo, bojod fit-tarf fuq quddiem u ġwienaħ dorsali u tad-denb griżi. L-Indiċi tal-Korpożità (Condition Factor) għandu jkun ta’ inqas minn 1,10 għal ħut ta’ 400 grammi u ta’ inqas minn 1,20 għal ħut bejn 400 gramma. Il-laħam għandu jkun fih total ta’ xaħam mhux iżjed minn 6 %. Dan il-laħam huwa abjad jew kulur is-salamun fir-roża, u huwa sod, tari, minghajr xaħam u xott b’togħma bnina ta’ ħut u riħa delikata tal-ilma frisk, mingħajr ma jħalli l-ebda togħma wara ta’ tajn. Kwalunkwe togħma ta’ ħut mhux frisk tal-prodott għandha tkun limitata, b’kontenut ta’ ġeosmina inqas minn 0,9 μg/Kg.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
Il-porzjonijiet tal-għalf għandhom ikunu skont ir-rekwiżiti stabbiliti bit-tradizzjoni, li jirrispettaw l-użu leali u konsistenti. Għal din ir-raġuni, l-għalf tal-ħut użat ma għandux ikun fih OĠM u għandu jkollu ċertifikazzjoni xierqa skont ir-regoli fis-seħħ.
Sabiex tittejjeb il-kwalità tipika tal-laħam tal-ħut tal-IĠP “Salmerino del Trentino”, il-materja prima li ġejja hija aċċettabbli:
(1) |
ċereali, qamħ u l-prodotti tagħhom, flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina |
(2) |
żrieragħ taż-żejt u l-prodotti tagħhom u l-prodotti sekondarji tagħhom, inkużi konċentrati u żjut |
(3) |
żrieragħ tal-legumi u l-prodotti tagħhom, flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina |
(4) |
dqiq tat-tuberi u l-prodotti tagħhom, flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina |
(5) |
prodotti u prodotti sekondarji ġejjin mill-ħut u/jew krustiċej, inklużi ż-żjut |
(6) |
ikel tal-alka u l-prodotti sekondarji tagħha |
(7) |
prodott tad-demm ta’ annimali mhux ruminanti |
Il-karatteristika tal-kompożizzjoni tal-porzjonijiet għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-annimali matul il-fażijiet differenti tat-trobbija. Huma aċċettabbli l-addittivi kollha għall-użu fin-nutriment tal-annimali definiti bil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Il-lewn tas-salamun tal-laħam tal-ħut irid jinkiseb permezz tal-użu predominanti tal-pigment astaksantina li huwa karotenojde u/jew ta' karotenojdi ta’ oriġini naturali.
3.5. Il-passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika identifikata:
Il-fażijiet tat-trobbija, li jinkludu l-istadji ta’ ftit wara li jfaqqas (fry), fingerling u salmerino adult, u l-proċess tal-qatla jridu jitwettqu fiż-żona speċifikata fil-punt 4.
3.6. Regoli speċifiċi li japplikaw għat-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:
Il-prodott aħħari jrid jinbiegħ f’kontenituri tal-polisterin mgħottija b'film tal-plastik u/jew f'kaxxi tal-polisterin mgħottija b'film u/jew f'pakketti, b'imballaġġ bil-vakwu u/jew f'atmosfera modifikata. Fir-rigward ta' tipoloġija tal-prodott, is-salmerini jinbiegħu bħala prodott frisk: shiħ, imnaddaf, f’qatgħat, jew imqatta’.
Meta jinbiegħ sħiħ u/jew imnaddaf għandu jiżen mill-inqas 170 g.
Meta jinbiegħ f’qatgħat u/jew imqatta’ għandu jiżen mill-inqas 80 g.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:
L-espressjoni “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew fil-qosor “I.Ġ.P.” trid tidher fuq kull pakkett/kaxxa b'ittri distinti u li ma jistgħux jitħassru, u li jidhru separati b’mod ċar minn kwalunkwe test ieħor.
Din l-espressjoni trid tiġi tradotta fil-lingwa tal-pajjiż li fih se jkun ikkummerċjalizzat il-prodott.
Ma tista' tiżdied l-ebda kwalifikazzjoni li ma tkunx espressament prevista.
Kull pakket/kaxxa unika għandu jkollha b’mod viżibbli, tikketta bil-logo li ġej. Inkella, il-logo jista’ jidher fi sfumaturi differenti ta’ griż.
Is-simbolu Ewropew IĠP għandu jidher ukoll fuq kull tikketta u kull kaxxa. It-tikketta jew marka xierqa trid tindika n-numru jew il-kodiċi ta’ referenza tal-produttur u/jew lott ta’ produzzjoni.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Iż-żona tal-produzzjoni tal-IĠP “Salmerino del Trentino” tinkludi t-territorju kollu tal-Provinċja Awtonoma ta’ Trento u l-muniċipalità ta’ Bagolino fil-Provinċja ta’ Brescia. Din iż-żona tinkludi x-xmajjar ewlenin ta’ Trentino, u l-widien laterali tat-tributarji tagħhom.
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
It-territorju kien iffurmat mit-trikkib fuq xulxin ta’ perjodi ta’ erożjoni glasjali u fluvjali. F'dak li jirrigwarda l-morfoloġija, iż-żona hija ġeneralment muntanjuża u kkaratterizzata minn widien, li huma mħaffra fil-fond fis-sottostrat ġeoloġiku, li jikkostitwixxu l-inħawi kollha inklużi fiż-żona ġeografika identifikata. Il-klima taż-żona tal-produzzjoni ta’ Salmerino del Trentino I.Ġ.P. hija kkaratterizzata minn żoni alpini, b’xita frekwenti, ta' sikwit borra matul ix-xhur tax-xitwa u temperatura friska anke fil-perjodu tas-sajf. Iż-żona għandha borra u silġ matul is-sena kollha, li minnhom jiġi l-ilma użat għall-produzzjoni tas-salmerino.
Il-kompożizzjoni kimika tal-ilma naturali ta’ Trento f’termini ta’ traċċi ta’ elementi (manjeżju, sodju, potassju) għandha valuri iktar baxxi mill-medja Ewropea, u b’hekk l-ilma huwa adattat ħafna għall-iżvilupp tas-salmerini.
Ix-xmajjar li jnixxu madwar l-impjanti tal-farms tat-trota fi Trento għandhom kwalità bijoloġika tajba b’valuri ta’ Indiċi Bijotiku Estiż (Extended Biotic Index – EBI) ogħla minn 8, li jikkorrispondu ma’ Klassi I jew Klassi II.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Il-karatteristiċi prinċipali tas-“Salmerino del Trentino” huwa l-indiċi ta’ korposità verament baxx, il-kontenut tax-xaħam u t-togħma tal-laħam tiegħu. Dan il-laħam tas-“Salmerino Del Trentino” IĠP huwa sod, tari, minghajr xaħam u xott b’togħma bnina ta’ ħut u riħa delikata u tfuħ tal-ilma frisk, mingħajr ma jħalli l-ebda togħma wara ta’ tajn.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP):
Il-kwalità tas-“Salmerino del Trentino” titnissel direttament mill-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi u klimatiċi taż-żona ġeografika, l-iktar minħabba l-ilma użat li jnixxi b’mod abbundanti mill-borra u s-silġ li jinsab matul is-sena kollha fiż-żona, bi grad għoli ta’ ossiġenazjoni, kwalità kimika, fiżika u bijoloġika tajba, u temperatura medja baxxa li minn Novembru sa Marzu ġeneralment tkun inqas minn 10 °C.
Ix-xmajjar u n-nixxiegħat għandhom ilma kiesaħ u nutrijenti baxxi li jwasslu għal tkabbir bil-mod, li b’hekk inaqqas l-aspett kwantitattiv tal-produzzjoni, iżid il-kwalità tal-laħam tal-ħut billi jagħtih densità ikbar, togħma aħjar u kontenut inqas ta’ xaħam. Barra minn hekk, il-karatteristiċi tal-ilma tax-xmajjar ta’ Trento jfixkel l-iżvilupp ta’ mikroalki mhux mixtieqa, u ta' metaboliti tagħhom, bħall-ġeosmina, li meta tittieħed mill-garġi, tagħti lil-laħam togħma ta' tajn. Il-parti l-kbira tal-farms tat-trota, minħabba l-provvista abbundanti tal-ilma u t-territorju muntanjuż, jagħmlu użu mil-livelli differenti bejn baċir u ieħor li jippermettu l-ilma li jiġi ossiġinat mill-ġdid b'mod naturali. Għalhekk jinżammu l-kundizzjonijiet ottimi għat-trobbija u l-iżvilupp tas-salmerini.
Dawn il-karatteristiċi flimkien ma' dawk klimatiċi għalhekk ippermettew Salmerino b’karatteristiċi differenti minn dawk tal-farms tat-trota fuq il-meded ta’ art watja u ż-żoni oħra viċini.
It-trobbija ta’ Salmerino del Trentino ilha stabbilita ħafna u l-oriġini tagħha ġejja minn tradizzjoni antika li ġiet stabbilita matul is-snin. Il-prattika tat-trobbija tal-ħut fil-baċiri ilha teżisti mis-seklu XIX bil-bini fl-1879 ta' impjant artifiċjali għat-trobbija tal-ħut f'Terbole, li kien intenzjonat li jferrex il-prattika tat-trobbija tal-ħut u jerġa' jkabbar il-popolazzjoni tal-ilmijiet pubbliċi bit-trota li għadha qed tfaqqas. Fl-1891 fi Predazzo, fl-1902 fi Giustino, u fl-1926 fi Tione, dehru l-ewwel farms tal-ħut privati, u wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm bosta oħrajn. Din it-tradizzjoni ġiet ikkonsolidata meta fl-1975 ġiet stabbilita l-Associazione dei Troticoltori Trentini (l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa li Jrabbu t-Trota ta’ Trento), li kellha rwol importanti għat-tnedija mill-ġdid tat-trobbija tat-trota fiż-żona tal-produzzjoni, b’tali mod li l-isem “Salmerino del Trentino” beda jissemma' fil-lingwaġġ komuni u kummerċjali, kif jidher sew mill-kontijiet, tikketti u materjal ta’ pubbliċità.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-IĠP “Salmerino del Trentino” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 303 tat-30 ta’ Diċembru 2011.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit elettroniku li ġej:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
Jew
billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (il-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.