9.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi”

COM(2012) 709 final — 2012/0335 (NLE)

2013/C 133/14

Relatur ġenerali: is-Sur GREIF

Nhar il-11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 148(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

COM(2012) 709 final – 2012/0335 (NLE).

Nhar il-11 ta’ Diċembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-487 sessjoni plenarja tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Frar 2013 (seduta tat-13 ta’ Frar 2013) li jaħtar lis-Sur Greif bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’170 vot favur, 5 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

S’issa l-Ewropa għadu ma rnexxilhiex tegħleb il-kriżi, u għalhekk il-qasma fl-Ewropa qed tikber. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ awsterità attwali li qed ikollha tieħu l-UE biex tindirizza l-kriżi, il-Kumitat qed jinkwieta bil-kbir li la l-għanijiet tal-impjieg u lanqas il-miri kontra l-faqar fil-qafas tal-prijorità ta’ tkabbir inklużiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 x’aktarx mhumiex ser jintlaħqu.

1.2

Il-Kumitat isejjaħ għal pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku b’impatt konsiderevoli fuq il-politika dwar is-suq tax-xogħol li jilħaq it-2 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). Hemm bżonn l-implimentazzjoni ta’ investimenti nazzjonali u għandhom jiġu identifikat proġetti Ewropej ta’ investiment, liema investiment għandu jiġi implimentat b’mod ikkoordinat, immirat u malajr sabiex jagħti spinta lill-impjiegi.

1.3

L-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili f’kull stadju tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi hija kundizzjoni ewlenija għall-koordinazzjoni ta’ politika b’suċċess. il-Kumitat jinsisti li l-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż il-Kumitat stess, jingħataw biżżejjed ħin bejn il-pubblikazzjoni tal-proposta li jmiss u l-limitu taż-żmien li fih trid titressaq id-Deċiżjoni biex issir konsultazzjoni komprensiva dwar il-proposta. Dan hu ta’ importanza partikolari fir-rigward tas-sett ta’ linji gwida ġodda li għandhom jiġu adottati fl-2014.

1.4

Barra minn dan, il-Kumitat fassal proposti b’dawn it-titli:

mal-miri ta’ impjiegi generali għandhom jiżdiedu miri Ewropej għal gruppi speċifiċi;

il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollha effett kemm jista’ jkun malajr, jiġifieri idealment meta jirreġistraw f’ċentru għall-impjiegi;

għandu jitwaqqaf fond ta’ Solidarjetà għaż-Żgħażagħ speċifiku għall-pajjiżi b’diffikultajiet partikolari, jekk il-fondi tal-FSE mhumiex biżżejjed:

standards ta’ kwalità għall-ewwel esperjenza ta’ xogħol u t-taħriġ fuq ix-xogħol għandhom jiġu promossi;

is-sistema ta’ apprentistati fuq żewġ binarji għandha tkun esplorata, bil-għan li tiġi applikata b’mod iktar wiesgħa fejn l-imsieħba soċjali jkollhom rwol essenzjali;

għandu jkun miġġieled l-impjieg prekarju, pereżempju billi nespandu l-approċċ tal-flessigurtà, b’iktar attenzjoni għall-flessigurtà interna;

għandu jittejjeb ir-rikonoxximent tar-rwol tal-intrapriżi u speċjalment l-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi;

għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol fil-programmi nazzjonali ta’ riforma;

pajjiżi b’kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol imwiegħra għandu jkollhom aċċess aħjar għall-fondi tal-UE;

l-iffinanzjar Ewropew għandu jkun biżżejjed u dan għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li l-linji gwida l-ġodda dwar l-impjiegi m’għandhomx jinbidlu qabel l-2014 sabiex l-enfasi tibqa’ fuq l-implimentazzjoni (1). Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet il-proposta tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex tinżamm il-validità tal-linji gwida għall-2013.

2.2

Fl-isfond tas-sitwazzjoni tal-impjiegi li qed taggrava fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, u b’mod partikolari ż-żieda drammatika tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rata tal-qgħad fit-tul li baqgħet għolja, u bil-ħsieb tal-preparazzjoni tal-aġġornament tal-linji gwida s-sena d-dieħla, il-KESE qed juża l-konsultazzjoni annwali prevista fl-Artikolu 148(2) tat-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni bħala opportunità biex jerġa jisħaq ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali tiegħu tas-sena l-oħra dwar il-linji gwida u l-implimentazzjoni tagħhom (2).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-għanijiet tal-impjiegi tal-UE 2020 jistgħu ma jitlaħqux

3.1.1

Matul is-snin li ġejjin, l-Ewropa ser tersaq lejn sitwazzjoni tal-impjiegi estremament imwiegħra. Ċerti gruppi huma aktar milquta mill-medja: iż-żgħażagħ, il-persuni bi ftit kwalifiki, il-qiegħda fit-tul, il-persuni b’diżabbiltà, il-migranti u l-ġenituri singoli. Fil-ħames sena tal-kriżi finanzjarja, it-tbassir kollu, inkluż l-istħarriġ dwar l-impjiegi tal-Kummissjoni, juru li l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol madwar l-Ewropa se jibqa’ baxx, almenu fl-2013. S’issa l-Ewropa għadu ma rnexxilhiex tegħleb il-kriżi, u għalhekk il-qasma fl-Ewropa qed tikber.

3.1.2

Waqaf l-irkupru tal-impjiegi. L-impjiegi qed jonqsu. Il-ħolqien tal-impjiegi baqa’ mrażżan u mar għall-agħar minkejja l-potenzjal mhux sfruttat f’xi setturi rikki fl-impjiegi u madwar is-suq uniku. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol kompla jiżdied b’żieda f’kuntratti temporanji u xogħol part-time. It-tassazzjoni fuq ix-xogħol għadha għolja u kompliet tiżdied f’numru ta’ Stati Membri. Il-qgħad qed jikber mill-ġdid u laħaq livelli rekord, fejn il-qgħad fuq żmien twil mhux biss taż-żgħażagħ, laħaq l-ogħla livelli allarmanti, speċjalment fl-Istati Membri taħt konsolidazzjoni fiskali f’saħħitha. Id-dħul medju għal unità domestika qed jonqos f'ħafna Stati Membri u dejta reċenti tindika xejra ta’ livelli ogħla u forom iktar profondi ta’ faqar u esklużjoni soċjali bil-faqar fost il-ħaddiema u l-polarizzazzjoni soċjali qed jiżdiedu f’ħafna Stati Membri (3).

3.1.3

F’dan l-isfond, il-KESE qed jinkwieta bil-kbir li la l-għanijiet tal-impjieg u lanqas il-miri kontra l-faqar fil-qafas tal-prijorità ta’ tkabbir inklużiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 x’aktarx mhumiex ser jintlaħqu, fil-kuntest tal-premessi politiċi imposti bħalissa fl-UE li jgħidu li l-kriżi tista’ tingħeleb permezz tal-awsterità.

3.2   Niffaċilitaw rkupru li joħloq ħafna impjiegi promoss minn pakkett ta’ stimolu Ewropew

3.2.1

Il-miżuri ta’ awsterità li jnaqqsu d-domanda finali fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom effetti diżastrużi f’pajjiżi oħra u dan iwassal għat-triq tan-niżla. Is-soluzzjoni li jiġu implimentati bosta programmi simultanji ta’ awsterità f’bosta pajjiżi ser tkompli tixħet dawl ikrah fuq il-prospetti koroh tat-tkabbir u tista’ toħloq ċirku vizzjuż ta’ inċertezza għall-investiment, inkluż l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-impjieg u l-konsum.

3.2.2

Madanakollu, il-politika dwar l-impjiegi ma tistax tikkumpensa għall-governanza politika ħażina fil-qasam makroekonomiku. Għalhekk, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-politika dwar l-impjiegi tiġi akkumpanjata mill-iżvilupp tal-infrastruttura Ewropea u t-tkabbir kwalitattiv. Hemm bżonn urġenti ta’ investiment Ewropew u nazzjonali mmirat, b’impatt għoli fuq l-impjiegi, liema investiment għandu jiġi implimentat b’mod ikkoordinat sabiex ikattar l-effetti tiegħu fuq il-politika dwar l-impjiegi. Għandu jsir kull sforz biex l-investiment pubbliku u privat jiġi mmobiliżat u biex jitwettqu r-riformi meħtieġa.

3.2.3

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-prospetti li jiżdiedu l-impjiegi jiddependu bil-kbir mill-kapaċità tal-UE li tiġġenera tkabbir ekonomiku permezz ta’ politiki fil-qasam makroekonomiku, industrijali u tal-innovazzjoni, u li tikkompleta dan it-tkabbir permezz ta’ politika dwar l-impjiegi li tiffoka fuq irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. Il-KESE huwa mħasseb li ħafna mill-proposti pożittivi tal-Pakkett dwar l-Impjiegi adottat f’April 2012 ma jistgħux jiġu implimentati jekk l-UE tissokta mingħajr waqfien bil-politika ta’ awsterità tagħha.

3.2.4

Barra minn hekk, il-KESE jibża’ li bil-miżuri proposti biss mhux ser ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija tal-UE dwar l-impjiegi. Għaldaqstant, il-Kumitat kemm-il darba talab li jkun hemm pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku b’impatt konsiderevoli fuq il-politika dwar is-suq tax-xogħol li jilħaq it-2 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). Fil-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjieg” maqbul fis-samit tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012 saru l-ewwel passi li issa jridu jitlaħħmu bil-kontenut sabiex fl-Ewropa jinħoloq il-marġni ta’ manuvrar tant meħtieġ għat-tkabbir sostenibbli u l-impjieg. Il-Kumitat fakkar ukoll li jinħtieġ patt ta’ investiment soċjali sabiex tingħeleb il-kriżi b’mod permanenti u jsiru investimenti fil-futur u se jsegwi mill-qrib il-Pakket tal-Investiment Soċjali mħabbar għall-adozzjoni mill-Kummissjoni fi Frar.

3.3   L-involviment tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali

3.3.1

Il-KESE kemm-il darba qabel maċ-ċiklu multiannwali tal-koordinazzjoni tal-politika fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020 waqt li kemm-il darba saħaq fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-parlamenti nazzjonali, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali hija pilastru kruċjali li minnu jiddependi s-suċċess tal-koordinazzjoni tal-politika.

3.3.2

Billi l-linji gwida huma qafas għall-Istati Membri fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ linji politiċi nazzjonali fil-kuntest tal-istrateġija ġenerali tal-UE, il-Kumitat jinsisti li l-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż il-Kumitat stess, jingħataw biżżejjed ħin bejn il-pubblikazzjoni tal-proposta li jmiss u l-limitu taż-żmien li fih trid titressaq id-Deċiżjoni biex issir konsultazzjoni komprensiva dwar il-proposta. Dan huwa iktar importanti billi l-politika Ewropea dwar l-impjiegi għandha tagħti kontribut akbar biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-kriżi.

3.3.3

Skont l-iskeda tas-Semetru Ewropew, l-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jiġu kkonsultati wkoll fi stadju bikri tat-tħejjija tar-Rapport Annwali dwar it-Tkabbir b’rabta mad-definizzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi ewlenin tal-politika dwar l-impjiegi kif ukoll b’rabta mat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi. Dan hu ta’ importanza partikolari fir-rigward tas-sett ta’ linji gwida ġodda li għandhom jiġu adottati fl-2014.

4.   Kummenti speċifiċi u proposti konkreti

4.1

Żieda ta’ miri Ewropej għal gruppi speċifiċi mal-miri ta’ impjiegi ġenerali: Flimkien mal-għan ta’ rata ġenerali ta’ impjieg li trid tintlaħaq madwar l-UE, fil-ġejjieni għandhom jiġu stabbiliti wkoll għanijiet miżurabbli tal-UE mmirati lejn gruppi partikolari bħall-qiegħda fit-tul, in-nisa, l-anzjani u speċjalment ukoll iż-żgħażagħ. Il-posponiment ġenerali tat-tfassil ta’ għanijiet konkreti fil-qasam tal-politika dwar l-impjiegi fil-livell tal-Istati Membri wera li ma kienx ta’ suċċess s’issa. F’dan ir-rigward, meħtieġ indikatur speċifiku għat-tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ dawk iż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (l-hekk imsejħa “NEETs”).

4.2

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollha effett kemm jista’ jkun malajr: Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni għal Garazija għaż-Żgħażagħ bil-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha sa 25 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità, edukazzjoni kontinwa, apprentistat jew esperjenza ta’ taħriġ fil-waqt (4). Madanakollu, Il-KESE jemmen li intervent wara erba’ xhur huwa tard wisq. L-aħjar hu li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tibda tapplika malajr kemm jista’ jkun, jiġifieri hekk kif iż-żgħażagħ jirreġistraw mal-aġenziji tal-impjieg, għaliex jekk it-tranżizzjoni ma tirnexxix, dan ikun ta’ ħsara għall-ekonomija u jħalli marki ta’ ħsara għall-ħajja kollha. Fil-qafas tal-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma għandhom jitfasslu miżuri konkreti f’dan ir-rigward.

4.3

Twaqqif ta’ Fond ta’ Solidarjetà għaż-Żgħażagħ għall-pajjiżi b’diffikultajiet partikolari, jekk il-fondi tal-FSE mhumiex biżżejjed: Il-KESE jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi għaż-żgħażagħ taħt il-Fond Soċjali Ewropew meta titfassal il-perspettiva finanzjarja għas-snin 2014-2020. Il-KESE jemmen li l-gravità tas-sitwazzjoni titlob Fond ta’ Solidarjetà taż-Żgħażagħ speċifiku bħala soluzzjonijiet solidali, bħall-Fond għall-Globalizzazzjoni (FEG). Il-pajjiżi b’diffikultajiet partikolari jistgħu jiġu appoġġjati għal xi żmien għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Jekk dan ma jistax isir permezz tar-riżorsi tal-FSE biss, il-finanzjament għandu jsir permezz ta’ riżorsi Ewropej oħra (Fond ta’ Solidarjetà taż-Żgħażagħ). Għall-banek setgħu jintużaw biljuni ta’ euro, għalhekk għandu jkun possibbli li dawn ir-riżorsi jiġu mobilizzati wkoll.

4.4

Promozzjoni ta’ standards ta’ kwalità, l-ewwel esperjenza ta’ xogħol u taħriġ fuq ix-xogħol: Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol, permezz tal-kooperazzjoni attiva bejn is-suq tax-xogħol u l-istituzzjonijiet edukattivi. Il-KESE jemmen li hija ħaġa adatta li tiġi appoġġjata l-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Jaqbel li l-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol f’intrapriża u l-esperjenzi ta’ taħriġ kif ukoll il-programmi tas-servizzi volontarji, huma mezz tajjeb biex iż-żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet u l-esperjenza tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ standards ta’ kwalità neċessarji għall-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi u l-esperjenzi tat-taħriġ. F’dan is-sens, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex fl-2012 tadotta qafas ta’ kwalità li jappoġġja l-provvista u l-użu ta’ esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja.

4.5

Esplorazzjoni tas-sistema ta’ apprentistati fuq żewġ binarji bil-għan li tiġi applikata b’mod iktar wiesgħa: Huwa importanti li jingħalaq id-distakk bejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u dak li jkunu qed jistennew iż-żgħażagħ Mod wieħed kif jinkiseb dan hu billi jingħataw inċentivi u appoġġ għall-iżvilupp ta’ skemi ta’ apprentistati ta’ kwalità għolja. Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-linji gwida tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Għandu jiġi studjat jekk is-sistema f’żewġ livelli tal-apprentistati, b’taħlita ta’ edukazzjoni ġenerali u taħriġ, tistax tiġi applikata bnadi oħra. Pajjiżi b’sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali fuq żewġ binarji għandhom rata ta’ qgħad sinifikattivament inqas fost iż-żgħażagħ mill-pajjiżi mingħajr sistemi ta’ appretistati. Barra minn hekk, f’xi pajjiżi li huma l-aktar milqutin mill-kriżi qed jinbet l-interess fl-introduzzjoni ta’ sistema edukattiva fuq żewġ binarji. Il-KESE jappella biex jittejjeb l-iskambju tal-esperjenzi u biex l-FSE jappoġġja l-iskemi ta’ apprentistati. Jeħtieġ li jiġu promossi dan l-iskambju tal-prattiki tajba, il-finanzjamenti inizjali u l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kwalità għat-taħriġ fuq żewġ binarji. Il-KESE jenfasizza r-rwol li jista’ jaqdi l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-taħriġ vokazzjonali. Għalhekk jemmen li huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali fl-Istati Mebri jkunu involuti mill-qrib fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-iżvilupp ta’ dawn l-iskemi.

4.6

Il-ġlieda kontra l-impjieg prekarju: Il-Kumitat diġà esprima l-fehma tiegħu kemm-il darba dwar il-flessigurtà. Huwa jilqa’ l-fatt li l-esperjenzi fl-indirizzar tal-kriżi wasslu għall-estensjoni tal-approċċ tal-flessigurtà. It-titjib tal-flessibbiltà interna s’issa ma ngħatax l-attenzjoni meħtieġa fil-qafas tad-dibattiti dwar il-flessigurtà. L-impjiegi għal żmien fiss u l-impjiegi temporanji jistgħu joffru tranżizzjonijiet f’qasir żmien u kultant jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ta’ gruppi partikolarment żvantaġġati fis-suq tax-xogħol mhux issussidjat għall-ewwel darba. Madanakollu, l-inċertezza tal-impjiegi marbuta ma’ dan għandha tkun tranżitorja u trid tiġi koperta mis-sigurtà soċjali. Fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ, il-KESE jwissi kontra għadd kbir wisq ta’ soluzzjonijiet instabbli u mingħajr prospetti għall-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol: minflok impjiegi prekarji u kuntratti tax-xogħol inċerti, għandhom jiġu implimentati miżuri li jiżguraw li l-impjiegi temporanji u pożizzjonijiet b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ assigurazzjoni soċjali ma jsirux in-norma għaż-żgħażagħ.

4.7

Rikonoxximent aħjar tar-rwol tal-intrapriżi fil-ħolqien tal-impjiegi: L-intrapriżi tal-Ewropa huma atturi ċentrali sabiex tingħeleb il-kriżi fis-suq tax-xogħol. Fil-passat, ir-rata ta’ reklutaġġ tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju b’mod partikolari kienet waħda pożittiva. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-kapital u li l-ispejjeż biex jinbeda negozju jitnaqqsu. Skont il-Kummissjoni Ewropea, dan ser ikollu impatt ekonomiku sinifikattiv fuq l-ekonomija tal-UE: il-PDG jiżdied b’mal-1,5 % jew madwar EUR 150 biljun, mingħajr ma tonqos il-protezzjoni tal-impjegati fl-istess ħin. Anke l-intrapriżi soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impjiegi, kif enfasizza kemm-il darba l-KESE. Barra minn hekk, dan l-aħħar f’opinjoni fuq inizjattiva proprja tas-CCMI ntqal li l-kooperattivi, speċjalment il-kooperattivi tal-ħaddiema, jiggarantixxu aktar impjiegi anke fi żminijiet ta’ kriżi, għaliex huma jnaqqsu l-profitti tagħhom biex jipproteġu l-impjiegi (5).

4.8

Jissaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol fil-programmi nazzjonali ta’ riforma: ħafna Stati Membri ser ikollhom iżidu l-appoġġ speċifiku mogħti mill-korpi pubbliċi tal-impjieg, fejn għandha tingħata aktar attenzjoni lill-gruppi żvantaġġati. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ ipprovduti liż-żgħażagħ qiegħda u l-qiegħda fit-tul li jkunu qed ifittxu impjieg jew taħriġ għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u fejn meħtieġ għandhom jittejbu. Il-KESE jħeġġeġ li dawn l-għanijiet jitniżżlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

4.9

Aċċess aħjar għall-fondi tal-UE għall-pajjżi b'kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol imwiegħra: Minkejja s-sitwazzjonijiet baġitarji mwiegħra fl-Istati Membri, ir-riżorsi nazzjonali u Ewropej għall-interventi attivi fis-suq tax-xogħol, flimkien ma’ fondi oħra għall-edukazzjoni u l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-qiegħda fit-tul għandhom jibqgħu disponibbli u fejn meħtieġ għandhom jiżdiedu. Il-pajjiżi fejn is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hi partikolarment imwiegħra, li fl-istess ħin iridu jiħqu miri baġitarji restrittivi, għandu jkollhom aċċess aktar faċli għall-fondi tal-UE. Hemm bżonn li fl-amministrazzjoni jiġu introdotti proċeduri u semplifikazzjonijiet prammatiċi u flessibbli fir-rigward tal-użu tal-fondi, li jinkludu s-sospensjoni temporanja tal-arranġamenti ta’ kofinanzjament nazzjonali bl-użu ta’ fondi bħall-FSE u fondi oħra Ewropej.

4.10

Fondi Ewropej addizzjonali: Is-severità tal-kriżi ekonomika tenfasizza l-fatt li l-ammont attwalment propost mill-Kummissjoni għall-FS 2014-2010 jista’ ma jkollux l-effett mixtieq fuq it-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi ma joħloqx livell ogħla ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE. Dan għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni sħiha fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFM).

Brussell, 13 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE

(2)  Ara b’mod partikolari l-opinjoni tal-KESE tas-27 ta’ Mejju 2010 dwar il-“Linji gwida dwar l-impjegi”, relatur: Wolfgang Greif (ĠU C 21, 21.1.2011, p. 66), l-opinjoni tal-KESE tat-22 ta’ Frar 2012 dwar “Linji gwida dwar l-impjegi”, relatur: Wolfgang Greif (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94), l-opinjoni tal-KESE tat-22 ta’ Frar 2012 dwar “L-impatti soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-governanza ekonomika”, relatur: Gabriele Bischoff (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23), l-opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ April 2012 dwar “Il-Fondi Strutturali – Dispożizzjonijiet Ġenerali”, relatur: Ioannis Vardakastanis (ĠU C 191, 29.6.2012, p. 30), l-opinjoni tal-KESE tat-12 ta’ Lulju 2012 dwar “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”, relatur: Tomasz Jasiński (ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97), l-opinjoni tal-KESE tal-15 ta’ Novembru 2012 dwar “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”, relatur: Gabriele Bischoff (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65).

(3)  COM(2012) 750 final: L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013, Anness: Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi

(4)  Il-KESE bħalissa qed jipprepara opinjoni dwar il-Pakkett tal-Impjieg taż-Żgħażagħ, li tittratta xi kwistjonijiet imqajjma mill-Kumitat fil-passat, inkluż il-Garanzija għażŻgħażagħ (COM(2012) 729 final (1)

(5)  Opinjoni tal-KESE tal-25 t’April 2012 dwar “Il-kooperattivi u r-ristrutturar”, relatur: is-Sinjura Zvolská, korelatur: is-Sur Olsson (ĠU C 191/24, 29.6.2012).


  翻译: