24.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 436/395 |
P7_TA(2013)0509
Programm ta' azzjoni għad-dwana ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Dwana 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE (COM(2012)0464 – C7-0241/2012 – 2011/0341A(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
(2016/C 436/63)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0706) u l-proposta emendata (COM(2012)0464), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 33 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0241/2012), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tas-17 ta' Lulju 2013 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra r-Regola 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0026/2013), |
1. |
Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt; |
2. |
Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni; |
3. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid; |
4. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali. |
P7_TC1-COD(2011)0341A
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Novembru 2013 bil-ħsieb li tadotta r-Regolament (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Dwana 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1294/2013.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW
Approċċi effettivi, effiċjenti, moderni u armonizzati fir-rigward tal-kontrolli doganali fil-fruntiera esterna tal-Unjoni huma essenzjali:
— |
biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, |
— |
biex jiġi kkumbattut il-kummerċ illegali filwaqt li jingħata lok għall-iffaċilitar ta' attività leġittima tan-negozju, |
— |
biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-Unjoni u l-abitanti tagħha, u l-protezzjoni tal-ambjent, |
— |
biex jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u |
— |
biex tiġi żgurata l-konformità mal-politika kummerċjali komuni. |
Sabiex jitwettqu kontrolli bħal dawn, huwa kruċjali li d-dwana jkollha aċċess għall-għodod adegwati, bħal tagħmir u teknoloġija ta' rilevament. Il-ħtieġa ta' dawn l-għodod tidher, fost l-oħrajn, fir-Rapport dwar it-Theddid mill-Kriminalità Organizzata tal-2011 tal-Europol, li jgħid li l-impatt ekonomiku tal-kuntrabandu tas-sigaretti jirrappreżenta telf fil-baġits tal-Istati Membri u tal-Unjoni li huwa stmat għal madwar EUR 10 biljun kull sena.
Bħalissa, id-diversi strumenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) disponibbli biex jikkofinanzjaw il-kisba ta' għodod bħal dawn mhumiex sfruttati kemm jista' jkun. Biex tinkiseb allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi ta' finanzjament, il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport, mhux aktar tard min-nofs l-2018, dwar l-għoti tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jinxtraw l-għodod adatti għall-kontrolli doganali fil-qasam imsemmi f'punt (a) tal-Artikolu 3(1) tat-TFUE, inkluż il-possibbiltà li dawn ir-riżorsi jiġu allokati permezz ta' fond uniku.