Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir ta' dejta dwar merkanzija, passiġġieri u aċċidenti /* COM/2013/0611 final - 2013/0297 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA L-iskop ewlieni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea huwa li
jkun stabbilit suq intern billi jiġu żviluppati politiki komuni
għall-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ kompetittività u
tal-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli ta’
attivitajiet ekonomiċi. Il-ħolqien ta' suq intern ġenwin huwa
fundamentali biex jagħti ħajja ġdida lis-settur ferrovjarju u se
jgħin biex is-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u
tal-passiġġieri jkunu aktar kompetittivi u attraenti, u jżid
is-sehem modali tagħhom ta' trasport. Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat pjan
direzzjonali (il-White Paper - Pjan direzzjonali għal Żona Unika
Ewropea tat-Trasport - Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża
r-riżorsi b'mod effiċjenti) li jinkludi 40 inizjattiva konkreta
għall-għaxar snin li ġejjin immirati li jibnu sistema ta'
trasport kompetittiva li se żżid il-mobilità, tneħħi
l-ostakoli prinċipali fl-oqsma ewlenin u tistimola t-tkabbir u l-impjiegi.
Fl-istess ħin, il-proposti għandhom inaqqsu b’mod drammatiku
d-dipendenza tal-Ewropa fuq iż-żejt importat u jnaqqsu
l-emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport b’60 % sal-2050. Skont il-White
Paper, kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita Żona Unika
Ewropea tat-Trasport hija l-ħolqien ta' Żona Ferrovjarja Unika
Ewropea, li tista' ssir billi jitlesta l-proċess ta' liberalizzazzjoni
tas-suq, li jinkludi l-għoti ta' rwol iktar b'saħħtu
lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-qasam tas-sikurezza ferrovjarja,
b'mod partikolari f'termini ta' superviżjoni ta' miżuri nazzjonali
ta' sikurezza u ħidma lejn l-armonizzazzjoni progressiva tagħhom. Id-disponibbiltà ta' statistika ddettaljata u
f'waqtha dwar it-trasport ferrovjarju qiegħdha ssir dejjem aktar
importanti minħabba l-momentum dejjem jikber ta' tfassil ta' politika
bbażat fuq l-evidenza fil-Kummissjoni u l-bżonn li jiġi
mmonitorjat il-progress lejn il-miri stabbiliti fil-White Paper. L-istatistika tal-Eurostat dwar it-trasport ferrovjarju hija
fil-biċċa l-kbira bbażata fuq ir-Regolament (KE)
Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(16 ta' Diċembru 2002), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE)
Nru 1192/2003 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 332/2007. Dawn
ir-Regolamenti jkopru t-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija
bil-ferrovija, kif ukoll is-sikurezza ferrovjarja. Il-Kummissjoni għandha bżonn ta' statistika dwar it-trasport
ta' merkanzija u ta' passiġġieri bil-ferrovija sabiex timmonitorja u
tiżviluppa l-politika komuni tat-trasport. Hemm bżonn ta' statistika ddettaljata
dwar it-trasport ferrovjarju għall-merkanzija u l-passiġġieri u
ta' informazzjoni dwar l-intermodalità biex ikun hemm monitoraġġ
tal-miri stabbiliti fil-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011. Ir-rapportar issemplifikat
għall-merkanzija u l-passiġġieri jagħti biss ċifri
aggregati (total ta' merkanzija ttrasportata skont it-tip ta' merkanzija u
total ta' passiġġieri ttrasportati). Ma
hemm l-ebda rendikont iddettaljat ta', pereżempju: il-pajjiż
tal-imbark/il-pajjiż tat-tagħbija, u l-pajjiż tal-iżbark/il-pajjiż
tal-ħatt; il-merkanzija ttrasportata f'unitajiet intermodali ta'
trasport, skont it-tip ta' trasport u skont it-tip ta' unità ta' trasport;
il-merkanzija ttrasportata, skont il-kategorija ta' merkanzija perikoluża;
u l-għadd ta' unitajiet intermodali ta' trasport mgħobbija, skont
it-tip ta' trasport u skont it-tip ta' unità ta' trasport. L-aċċidenti saru kwistjoni ta' prijorità fil-politika ta'
trasport tal-UE, flimkien mal-effetti l-oħra mhux mixtieqa ta' trasport:
il-konġestjoni, it-tniġġis, l-istorbju u l-emissjonijiet
tas-CO2. Konsegwentament, huwa importanti li tinġabar u tinxtered dejta
dwar l-aċċidenti, il-fatalitajiet, il-feriti u d-danni serji
kkawżati lill-ambjent (permezz ta' tixrid ta' merkanzija perikoluża
ttrasportata) b'kull mezz ta' trasport: bit-triq, bil-ferrovija,
bil-pasaġġi fuq l-ilma intern, bil-baħar u bl-ajru. S'issa, id-dejta dwar l-aċċidenti ferrovjarji ġiet
miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 dwar it-trasport
ferrovarju tal-merkanzija; din ġiet miġbura wkoll permezz
tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) skont l-Anness Statistiku
tad-Direttiva 2009/149/KE dwar is-sikurezza ferrovjarja. F'konformità mar-rekwiżit li
l-istatistika ferrovjarja għandha tkun rilevanti, jiġifieri li
għandha tissodisfa l-bżonnijiet attwali u potenzjali tal-utent,
il-proposta tirrevedi l-bażi legali attwali u tissimplifika aktar
ir-rekwiżiti għall-forniment tad-dejta. Qed jitqies ukoll il-kompromess meħtieġ bejn
il-bżonnijiet tal-utent u l-piż fuq min iwieġeb u l-istituti
nazzjonali tal-istatistika. Twettqet analiżi teknika fuq livell Ewropew tad-dejta miġbura
skont il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-istatistika tat-trasport
bil-ferrovija u dwar il-politika ta' tixrid, sabiex jiġu proposti
soluzzjonijiet tekniċi possibbli li jissimplifikaw kemm jista' jkun
id-diversi attivitajiet neċessarji għall-produzzjoni statistika,
filwaqt li l-prodott finali jibqa' konfomi mal-bżonnijiet attwali u futuri
tal-utent. L-għan ta' din il-proposta huwa
għalhekk li timmodifika r-Regolament (KE) Nru 91/2003 sabiex
taġġorna, tissimplifika u tottimizza l-qafas legali eżistenti
għall-istatistika Ewropea dwar it-trasport ferrovjarju u li tallinjah
mal-kuntest istituzzjonali l-ġdid. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Fil-bidu tal-2010, Task Force fuq l-Istatistika dwar it-Trasport
Ferrovjarju kienet inkarigata milli twettaq analiżi teknika tal-politika
eżistenti dwar il-ġbir u t-tixrid tad-dejta, skont
il-leġiżlazzjoni Ewropea tal-istatistika dwar it-trasport
ferrovjarju. Il-membri tat-Task Force kienu kollha esperti b'għarfien
speċifiku tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tas-sistemi
nazzjonali għall-ġbir u l-kumpilazzjoni tal-istatistika dwar
it-trasport ferrovjarju u t-tendenzi l-ġodda fl-iżvilupp tat-trasport
ferrovjarju. It-Task Force pproduċiet proposta biex jiġi ssimplifikat
ir-Regolament (KE) Nru 91/2003. L-effett tal-proposta se jkun li tnaqqas
il-piż fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu mingħajr ma
jkun hemm telf sinifikanti tal-kwalità tad-dejta għat-trasport ta'
merkanzija u passiġġieri bil-ferrovija u li ttejjeb l-iskadenzi
għat-tixrid tad-dejta ferrovjarja tal-passiġġieri. Il-proposta ġiet diskussa mal-produtturi u l-utenti tad-dejta fuq
livell tekniku, fi gruppi ta' ħidma fuq l-istatistika dwar it-trasport
ferrovjarju u mal-Grupp ta' Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar
it-Trasport, fil-kuntest tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Saru wkoll xi
konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni mad-DĠ MOVE. Din il-proposta hija r-riżultat ta’ negozjati intensivi bejn
il-partijiet interessati. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Il-proposta tkopri l-bidliet li ġejjin: (1)
Dejta dwar it-trasport tal-passiġġieri F'konformità mal-Annessi C u D tar-Regolament
(KE) 91/2003 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, attwalment
il-pajjiżi qed jiġu mitluba biex jipprovdu statistika annwali dwar
it-trasport tal-passiġġieri, skont rappurtar iddettaljat u/jew
issimplifikat. Il-mod li bih qed isir it-tixrid attwali tad-dejta dwar
it-trasport tal-passiġġieri jitqies bħala ambigwu u mhux
konsistenti minħabba l-fatt li d-dati ta' skadenza
għat-trażmissjoni ta' tabelli huma differenti għar-rappurtar
ssemplifikat u ddettaljat. Barra minn hekk, fl-istess data ta' skadenza
tad-dejta ssimplifikata trid tiġi provduta xi dejta proviżorja
(Tabelli C1 u C2) u ċifri opzjonali (Tabella C1 - kilometri
tal-passiġġieri) għat-trasport tal-passiġġġieri -
jiġifieri tmien xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza. Qed jiġi propost li jitħassru
l-Anness D u t-Tabelli proviżorji C1 u C2 fl-Anness C, filwaqt
li titqassar id-data ta' skadenza sabiex tiġi provduta d-dejta finali
tal-passiġġieri minn 14-il xahar għal tmien xhur wara t-tmiem
tal-perjodu ta' referenza. Għalhekk, id-dejta se tkun disponibbli aktar
malajr. (2)
Dejta dwar it-trasport tal-merkanzija Fl-interess tal-konsistenza, ġie propost
ukoll li jitħassar l-Anness B (rappurtar issemplifikat). (3)
Anness Ġdid Billi hemm proposta li jiġi abbandunat
il-kunċett attwali ta' rappurtar 'issemplifikat',
għall-iżgħar impriżi taħt il-limiti speċifikati, l-Istati
Membri se jkollhom jirrappurtaw ċifra 'totali' għall-indikaturi
aggregati fl-Anness L. (4)
Dejta dwar l-aċċidenti Peress li d-dejta dwar l-aċċidenti
tinġabar ukoll mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, ġie propost li
jitħassar l-Anness H (statistika dwar l-aċċidenti). (5)
Anness I Peress li l-kunċett tar-rappurtar
'issemplifikat' se jispiċċa, ġie propost li jitħassar dan
l-Anness peress li attwalment qed jintuża biss biex jivvalida l-kopertura
bejn ir-rappurtar issemplifikat u ddettaljat f'relazzjoni mal-attività
ferrovjarja totali tal-impriżi. (6)
Limiti Il-limiti attwali huma stabbiliti għal
tunnellata-km u kilometri tal-passiġġieri, jiġifieri
l-multiplikazzjoni ta' tunnellati/passiġġieri ttrasportati u
d-distanza koperta f'kilometri. Peress li parti sinifikanti tal-attività
ferrovjarja tinvolvi biss distanzi żgħar f'xi Stati Membri, ġie
propost li jitnaqqsu l-limiti kemm għall-merkanzija kif ukoll
għall-passiġġieri, sabiex jiġi mminimizzat it-telf ta'
dejta importanti. Għall-istess raġuni, ġie propost limitu doppju
f'tunnellati ttrasportati u f'tunnellata-km għall-merkanzija. (7)
Dejta ta’ tranżitu Għal raġunijiet ta' armonizzazzjoni,
ġie propost li l-informazzjoni dwar 'il-polza tat-tagħbija
ferrovjarja' (jekk tkun disponibbli) tintuża biss meta d-dejta
amministrattiva tintuża bħala d-dejta ta' sors. (8)
F'konnessjoni mal-adozzjonitar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi
r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll
mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat
ta’ implimentazzjoni[1],
il-Kummissjoni impenjat ruħha[2]
biex tirrevedi atti leġiżlattivi li attwalment fihom referenzi
għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, sabiex tadattahom
għall-kriterji stipulati fit-Trattat. (9)
Fl-aħħar nett, l-emenda proposta
tar-Regolament (KE) Nru 91/2003 tqis l-aġġustamenti
neċessarji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward
tal-għoti tas-setgħat iddelegati u ta' implimentazzjoni
lill-Kummissjoni. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
('it-Trattat'), jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati
lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’
applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi
mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv, kif stipulat
fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti ddelegati), u s-setgħat
mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi
għall-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, kif
stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti ta’ implimentazzjoni). 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandhiex
implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni. 5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI L-adozzjoni tal-proposta mhux se twassal għat-tħassir
tal-leġiżlazzjoni eżistenti. 2013/0297 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar
l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir ta' dejta
dwar merkanzija, passiġġieri u aċċidenti IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv
lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva
ordinarja, Billi: (1) Ir-Regolament (KE)
Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport
bil-ferrovija[3]
jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni, it-trażmissjoni,
l-evalwazzjoni u t-tixrid ta' statistika komparabbli dwar it-trasport
ferrovjarju fl-Unjoni. (2) L-istatistika dwar
it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bil-ferrovija hija
neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja u
tiżviluppa politika ta' trasport komuni u l-elementi tat-trasport
tal-politiki dwar in-networks reġjonali u trans-Ewropej. (3) L-istatistika dwar
is-sikurezza ferrovjarja hija neċessarja wkoll sabiex il-Kummissjoni
tħejji u timmonitorja l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza
tat-trasport. L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tiġbor dejta dwar
l-aċċidenti skont l-Anness Statistiku tad-Direttiva 2004/49/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq
is-sigurtà tal-ferrovija tal-Komunità fir-rigward tal-indikaturi komuni
tas-sikurezza u l-metodi komuni għall-kalkolu tal-ispejjeż
tal-aċċidenti. (4) Il-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri li jitrażmettu dejta dwar il-passiġġieri
lill-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 91/2003,
ipprovdew b'mod regolari l-istess dejta kemm għad-dejtasets
proviżorji kif ukoll għal dawk finali. (5) Għandu jkun hemm
bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-utenti u l-piż ta' dawk li
jwieġbu meta tiġi prodotta statistika Ewropea. (6) Il-Eurostat wettaq
analiżi teknika tad-dejta eżistenti dwar l-istatistika ferrovjarja
miġbura skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-politika ta'
tixrid, fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma u t-Task Force fuq l-istatistika
dwar it-trasport ferrovjarju, biex jissimplifika kemm jista' jkun id-diversi
attivitajiet neċessarji biex tiġi prodotta statistika, filwaqt li
r-riżultat finali jibqa' konformi mal-bżonnijiet attwali u futuri
tal-utent. (7) Fir-rapport tagħha
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba
fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 91/2003, il-Kummissjoni ssemmi li
l-iżviluppi fuq terminu twil probabbilment ifissru t-trażżin jew
is-simplifikazzjoni tad-dejta diġà miġbura skont ir-Regolament, u li
l-intenzjoni hija li jitnaqqas il-perjodu ta' trażmissjoni tad-dejta,
għad-dejta annwali dwar il-passiġġieri bil-ferrovija. (8) Ir-Regolament (KE)
Nru 91/2003 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta
wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Bħala
konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea ("it-Trattat"), is-setgħat mogħtija
lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament għandhom bżonn jiġu
allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat. (9) Sabiex jiġu riflessi
l-iżviluppi l-ġodda fl-Istati Membri u fl-istess ħin
jinżamm il-ġbir armonizzat tad-dejta ferrovjarja mal-Unjoni kollha u
bil-għan li tinżamm il-kwalità għolja tad-dejta trażmessa
mill-Istati Membri, is-setgħa li tadotta atti f'konformità
mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tkun iddelegata
lill-Kummissjoni, bil-għan li tadatta d-definizzjonijiet u l-limiti
għar-rappurtar u l-kontenuti tal-Annessi, u li tispeċifika
l-informazzjoni li trid tiġi provduta. (10) Huwa partikolarment importanti
li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma
preparatorja tagħha, inkluż fuq livell espert. Waqt it-tħejjija
u t-tfassil tal-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li
jkun hemm sottomissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (11) Il-Kummissjoni għandha
tiżgura li dawn l-atti ddelegati ma jimponux piż amministrattiv
addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu. (12) Sabiex jiġi żgurat
li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni
tar-Regolament (KE) Nru 91/2003, is-setgħat ta' implimentazzjoni
għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward
tal-ispeċifikazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi porvduta
għar-rapporti dwar il-kwalità u l-komparabbiltà tar-riżultati. Dawn
is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità
mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u
l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati
Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’
implimentazzjoni[4]. (13) Ġie kkonsultat il-Kumitat
tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. (14) Għalhekk, ir-Regolament
(KE) Nru 91/2003 għandu jiġi emendat skont dan, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 huwa emendat kif ġej: (1)
L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej: (a)
Fil-paragrafu 1, jitħassru
l-punti 24 sa 30. (b)
Il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej: '2. Il-Kummissjoni għandu jkollha
s-setgħa li tadotta, f'konformità mal-Artikolu 10, atti ddelegati
biex tadatta d-definizzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 u
biex tipprovdi definizzjonijiet addizzjonali meta jkun hemm bżonn li
jitqiesu żviluppi ġodda li jeħtieġu li jiġi ddefinit
ċertu livell ta' dettall tekniku sabiex tiġi żgurata
l-armonizzazzjoni tal-istatistika.' (2)
L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej: (a)
Fil-paragrafu 1, jitħassru
l-punti b, d u h. (b)
Il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej: '2. Skont l-Annessi A u C, l-Istati Membri
għandhom jirrappurtaw dejta għall-impriżi: (a)
li l-volum totali ta' merkanzija ttrasportata huwa
mill-inqas 200 miljun tunnellata-km jew mill-inqas 500 000 tunnellata; (b)
li l-volum totali ta' passiġġieri
ttrasportati huwa mill-inqas 100 miljun kilometru
tal-passiġġieri. (c)
Mhuwiex obbligatorju r-rappurtar fl-Annessi A
u C taħt dawn il-limiti.' (c)
Il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej: '3. Skont l-Anness L, l-Istati Membri
għandhom jipprovdu d-dejta totali għall-impriżi taħt
il-limitu msemmi fil-paragrafu 2 jekk din id-dejta ma tiġix irrappurtata
skont l-Annessi A u C, kif speċifikat fl-Anness L.' (d)
Il-paragrafu 5 huwa mibdul b’dan li ġej: '5. Il-Kummissjoni għandu jkollha
s-setgħa li tadotta, f'konformità mal-Artikolu 10, atti ddelegati li
jikkonċernaw l-adattament tal-kontenuti tal-Annessi u l-limiti
għar-rappurtar kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, sabiex jitqiesu
l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi.' (e)
Għandu jiżdied il-paragrafu 6 li
ġej: '6. Meta tkun qed teżerċita
s-setgħa tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha
tiżgura li l-atti ddelegati adottati ma jimponux piż amministrattiv
addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.' (3)
Fl-Artikolu 5(2), il-punt b huwa mibdul
b'dan li ġej: '(b) id-dejta amministrattiva, li tinkludi d-dejta
miġbura mill-awtoritajiet regolatorji, b'mod partikolari l-polza
tat-tagħbija tal-merkanzija ferrovjarja jekk tkun disponibbli'. (4)
L-Artikolu 7 huwa mibdul b'dan li ġej: ‘Artikolu 7 Tixrid L-istatistika bbażata fuq id-dejta
speċifikata fl-Annessi A, C, E, F, G u L għandha tinxtered
mill-Kummissjoni (Eurostat). (5)
Fl-Artikolu 8, jiżdiedu l-paragrafi 3 u
4: '3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament,
il-kriterji ta' kwalità li jridu jiġu applikati għad-dejta li se
tiġi trażmessa, huma dawk imsemmija fl-Artikolu 12(1)
tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. 4. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti
ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-modalitajiet, l-istruttura,
il-perjodiċità u l-elementi ta' komparabbiltà għar-rapporti ta'
kwalità standard. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu
adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija
fl-Artikolu 11.' (6)
Jitħassar l-Artikolu 9. (7)
L-Artikolu 10 huwa mibdul b'dan li ġej: ‘Artikolu 10 Eżerċizzju tad-delega 1. Il-Kummissjoni b'dan tingħata
s-setgħa li tadotta atti ddelegati suġġetti għall-kundizzjonijiet
stipulati f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti
ddelegati msemmija fl-Artikoli 3(2) u 4(5) għandha tingħata
lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn
(Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal
id-data preċiża tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta'
emenda]. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija
fl-Artikoli 3(2) u 4(5) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument
mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka
għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik
id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ
l-għada tal-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata
fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li
jkun diġà fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att iddelegat,
il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill. 5. Att iddelegat adottat skont
l-Artikoli 3(2) u 4(5) għandu jidħol fis-seħħ biss
jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa mill-Parlament
Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak
il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw
lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu
għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament
Ewropew jew tal-Kunsill.' (8)
L-Artikolu 11 huwa mibdul b'dan li ġej: 'Artikolu 11 Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun
megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit
bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea. Dak il-Kumitat
għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li
jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet
ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni
tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. 2. Fejn issir referenza għal dan
il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE)
Nru 182/2011.' (9)
Jitħassar l-Artikolu 12. (10)
Jitħassru l-Annessi B, D, H u I. (11)
L-Anness C huwa mibdul kif stabbilit fl-Anness
ta' dan ir-Regolament. (12)
L-Anness L jiżdied kif stabbilit
fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ
fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika
direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President
ANNESS 'Anness C' STATISTIKA ANNWALI DWAR IT-TRASPORT TAL-PASSIĠĠIERI - RAPPURTAR IDDETTALJAT Lista ta' varjabbli u unitajiet ta' kejl || Passiġġieri ttrasportati fi: – għadd ta’ passiġġieri – kilometri tal-passiġġieri Movimenti tat-trejns tal-passiġġieri fi: – kilometri tat-trejns Perjodu ta’ referenza || Sena Frekwenza || Kull sena Lista ta' tabelli b'rendikont għal kull tabella || Tabella C3: passiġġieri ttrasportati skont it-tip ta' trasport Tabella C4: passiġġieri internazzjonali ttrasportati, skont il-pajjiż ta' imbark u l-pajjiż ta' żbark Tabella C5: movimenti tat-trejns tal-passiġġieri Skadenza għat-trażmissjoni tad-dejta || Tmien xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza. L-ewwel perjodu ta' referenza || 2012 Noti || 1. It-tip ta' trasport huwa maqsum kif ġej: – nazzjonali – internazzjonali 2. Għat-Tabelli C3 u C4, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta li tinkludi l-informazzjoni minn bejgħ ta' biljetti barra l-pajjiż ta' rappurtar. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb direttament mill-awtoritajiet nazzjonali ta' pajjiżi oħra jew permezz ta' arranġamenti internazzjonali ta' kumpens għall-biljetti ‘Anness L’ Tabella L.1 LIVELL TA' ATTIVITÀ TA' TRASPORT F'MERKANZIJA TTRASPORTATA Lista ta' varjabbli u unitajiet ta' kejl || Merkanzija ttrasportata fi: - tunnellati totali - tunnellata-km totali Movimenti tat-trejns tal-merkanzija fi: - km-trejns totali Perjodu ta’ referenza || Sena waħda Frekwenza || Kull sena Skadenza għat-trażmissjoni tad-dejta || Ħames xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza L-ewwel perjodu ta' referenza || 201X Noti || Għall-impriżi biss li għandhom volum totali ta' trasport ta' merkanzija ta' inqas minn 200 miljun tunnellata-km u inqas minn 500 000 tunnellata u li ma jirrappurtawx skont l-Anness A (rappurtar iddettaljat) Tabella L.2 LIVELL TA' ATTIVITÀ TA' TRASPORT F'PASSIĠĠIERI TTRASPORTATI Lista ta' varjabbli u unitajiet ta' kejl || Passiġġieri ttrasportati fi: - passiġġieri totali - kilometri tal-passiġġieri totali Movimenti tat-trejns tal-passiġġieri fi: - km-trejns totali Perjodu ta’ referenza || Sena waħda Frekwenza || Kull sena Skadenza għat-trażmissjoni tad-dejta || Tmien xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza L-ewwel perjodu ta' referenza || 201X Noti || Għall-impriżi biss li għandhom volum totali ta' trasport ta' passiġġieri ta' inqas minn 100 miljun kilometru tal-passiġġieri u li ma jirrappurtawx skont l-Anness C (rappurtar iddettaljat) [1] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13. [2] ĠU
L 55, 28.2.2011, p. 19. [3] Ir-Regolament
(KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport
bil-ferrovija, ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1. [4] ĠU
L 55, 28.2.2011, p. 13.