14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Gżejjer intelliġenti

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 268/02)

Relatur:

is-Sinjura DARMANIN

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Gżejjer intelliġenti

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tad-19 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot (1) wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-gżejjer għandhom karatteristiċi uniċi li jġibu magħhom diffikultajiet speċifiċi, iżda dawn jistgħu jissarrfu f’opportunitajiet għall-gżejjer, sakemm jiġu implimentati politiki ta’ żvilupp intelliġenti u sostenibbli sabiex il-gżejjer jingħataw il-vantaġġi kompetittivi li jirriżultaw mit-tkabbir sostenibbli u impjiegi aħjar.

1.2.

Fil-kuntest tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ żvilupp intelliġenti u sostenibbli, għandhom jitqiesu wkoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer, partikolarment f’termini tal-vulnerabbiltà tagħhom għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Għalhekk, il-politiki u l-inizjattivi għandhom jiżguraw l-integrazzjoni adatta tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima sabiex jiġi żgurat li l-gżejjer jiżviluppaw u jsaħħu r-reżiljenza għall-klima fl-oqsma kollha tal-ekonomiji tagħhom.

1.3.

Politiki intelliġenti għall-Gżejjer Intelliġenti jkunu jinkludu “Test Insulari” fejn jiġi ttestjat l-effett ta’ kull politika tal-UE fuq il-gżejjer u tingħata kunsiderazzjoni adatta tad-dimensjoni insulari. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta Testijiet Insulari fid-DĠs kollha.

1.4.

Il-KESE jipproponi firxa sħiħa ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika intelliġenti bil-għan li tingħata spinta lill-gżejjer intelliġenti, li kull waħda minnhom hija spjegata u deskritta fid-dettall fil-punti 4 sa 11 hawn taħt. Dawn huma relatati:

mal-aġenda diġitali: l-investiment fl-infrastruttura, l-ikkompletar tas-suq uniku u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp;

mal-provvista tal-enerġija: il-gżejjer bħala żoni ta’ prova għall-enerġija mill-oċeani, mill-marea, mix-xemx u mir-riħ; u l-ikkombinar ta’ dawn it-teknoloġiji;

mal-mobbiltà u t-trasport fil-bliet: H2020 u Interreg għandhom programmi mmirati lejn it-trasport marittimu u l-mobbiltà urbana favur is-sostenibbiltà fil-gżejjer; l-ikkombinar tal-għajnuna mill-istat u t-trasport sostenibbli;

mal-politika marittima: is-sorveljanza marittima; ir-riċerka u l-iżvilupp tat-tħaffir f’qiegħ il-baħar u l-oċeanografija bl-użu tal-gżejjer bħala ċentri ta’ riċerka; valutazzjoni tal-impatt fuq il-gżejjer tal-politika marittima; ir-rwol tal-gżejjer fil-politika marittima;

mal-kummerċ ta’ oġġetti u ta’ servizzi: l-aħjar prattiki tal-kummerċ “ta’ niċċa”; l-adattament tal-politika favur il-kummerċ “ta’ niċċa” fil-gżejjer; laboratorji miftuħa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-gżejjer;

mat-turiżmu: l-aċċessibbiltà; l-ispeċifiċitajiet tan-natura tat-turiżmu u l-impatti tat-turiżmu;

mal-ġestjoni tal-ilma: politika b’karatteristiċi speċifiċi uniċi għall-gżejjer; u fl-aħħar nett

mal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja.

1.4.1.

Huwa mifhum li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, fl-ewwel istanza, u skont il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet involuti –kemm jekk huma maqsuma jew le – se tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali jew fil-livell tal-UE. Hawnhekk, il-kooperazzjoni bejn il-livelli hija mħeġġa ħafna.

2.   Kamp ta’ applikazzjoni

2.1.

F’din l-opinjoni, il-KESE juża definizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-gżejjer bħala bażi. Madankollu, minn naħa, hija limitat il-kamp ta’ applikazzjoni għall-gżejjer li jiffurmaw parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u min-naħa l-oħra, twessgħet biex tinkludi gżejjer żgħar u ta’ daqs medju li huma fihom infushom ukoll Stati u Membri taż-ŻEE. Dan jirreferi b’mod speċifiku għal Malta, Ċipru u l-Islanda.

2.2.

Bit-terminu “gżejjer intelliġenti”, il-KESE qed jirreferi b’mod speċifiku għal żona insulari li toħloq żvilupp ekonomiku lokali sostenibbli u kwalità għolja tal-ħajja billi jeċċellaw f’diversi oqsma ewlenin ta’ sostenibbiltà, bħall-ekonomija, il-mobbiltà, l-enerġija, l-ambjent, l-ICT, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kapital uman u juru eċċellenza fil-governanza.

3.   Introduzzjoni

3.1.

Il-gżejjer Ewropej huma xi kultant żvantaġġati meta mqabbla mal-kontinent Ewropew, minħabba l-iżolament u n-natura periferali tagħhom. Madankollu, il-ġeografija ġġib vantaġġi kbar kif ukoll żvantaġġi, u bħalissal-gżejjer qegħdin saħansitra joffru potenzjal enormi għat-tkabbir u l-iżvilupp, mhux biss għalihom iżda wkoll għall-Ewropa kollha kemm hi. Huwa għalhekk li l-KESE qiegħed jitlob politiki intelliġenti u inizjattivi ta’ żvilupp intelliġenti fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali li jindirizzaw ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer. Madankollu, ir-responsabbiltà għal politiki intelliġenti fil-gżejjer għandha tkun maqsuma bejn il-livelli kollha msemmija hawn fuq u mhux tkun esklużivament ta’ kategorija waħda. Fi-dawl ta’ din ir-responsabbiltà kondiviża, iżda mhux għal din ir-raġuni biss, il-KESE jappella għal grupp ta’ esperti dwar il-gżejjer li jissorvelja l-politiki u l-applikabbiltà u l-effetti tagħhom fuq il-gżejjer. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li titwaqqaf pjattaforma miftuħa għall-gżejjer, li taġixxi bħala forum għall-koordinazzjoni u l-azzjoni fost il-gżejjer b’rabta mal-objettivi tal-gżejjer intelliġenti.

3.2.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer spiss iwasslu għal ċerti aspetti soċjali speċifiċi, bħal pereżempju t-tnaqqis tal-popolazzjoni hekk kif in-nies jiċċaqalqu lejn il-kontinent għal raġunijiet ta’ opportunitajiet aħjar, diffikultajiet relatati mat-trasport u, xi kultant, marġinalizzazzjoni. Madankollu, xi gżejjer rnexxielhom idawru dawn l-iżvantaġġi favurihom billi żviluppaw swieq speċjalizzati li jagħmluhom distinti minn oħrajn.

3.3.

Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer, il-KESE jitlob li l-politiki tal-UE jkunu jinkludu “Test Insulari”, li permezz tiegħu jiġi ttestjat l-effett ta’ kull politika fuq il-gżejjer u tingħata kunsiderazzjoni adatta tad-dimensjoni insulari. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta Testijiet Insulari fid-DĠs kollha.

4.   Kapaċità diġitali

4.1.

Peress li l-Internet huwa stabbilit b’mod ċar bħala qasam ta’ tkabbir għall-Ewropa, il-miri tagħna għall-2020 jinkludu l-iżgurar li l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband sal-2020 u li 50 % tal-pubbliku jkun qed jixtri onlajn sal-2015.

4.2.

Fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata kopertura tal-Internet mifruxa sal-2020, hemm problemi infrastrutturali u xi żoni, inklużi xi gżejjer, għadhom lura. Fis-sitwazzjoni preżenti, għadd ta’ gżejjer, partikolarment dawk l-aktar remoti, bħalissa għandhom livell baxx ta’ penetrazzjoni tal-Internet u aċċess pubbliku limitat għall-Internet.

4.3.

Għalkemm waħda mill-miri tal-UE2020 kienet li jiġi żgurat li l-Ewropa kollha jkollha kopertura tal-Internet sal-2013, dan l-għan għadu ma ntlaħaqx f’ċerti gżejjer, primarjament minħabba problemi relatati mal-infrastruttura.

4.4.

Il-kapaċità diġitali hija waħda mill-mezzi li bihom il-gżejjer jistgħu jnaqqsu x-xkiel ġeografiku ta’ iżolament, mhux biss permezz tal-opportunitajiet li l-kummerċ elettroniku joffri għall-intraprenditorija, l-impjiegi u l-SMEs iżda wkoll billi tippermetti lill-pubbliku jikseb aktar benefiċċji mis-suq uniku.

4.5.

Għal dan l-għan, il-KESE jappella sabiex tittieħed azzjoni speċifika kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali fir-rigward ta’:

i.

l-investiment fl-infrastruttura sabiex tassigura penetrazzjoni tal-broadband sħiħa fil-gżejjer;

ii.

l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali, biex b’hekk jiġi żgurat li l-gżejjer ma jiġux penalizzati u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-suq uniku; u

iii.

l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fil-livell Ewropew billi jintuża l-potenzjal tal-gżejjer sabiex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir f’żoni remoti. Barra minn hekk tali riċerka u żvilupp għandhom jintużaw bħala għodda biex tinkiseb aktar innovazzjoni soċjali fil-gżejjer.

5.   Sostenibbiltà tal-enerġija

5.1.

L-Ewropa introduċiet miri tal-enerġija għall-2020, l-2030 u l-2050 sabiex issir aktar sostenibbli u biex jitnaqqas l-użu ta’ karburanti fossili filwaqt li taqdi l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħna. Xi wħud mill-gżejjer tal-UE mhux biss huma dipendenti mill-karburanti fossili għall-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom iżda huma wkoll dipendenti minn metodi ta’ trasport marittimu ristretti u speċifiċi għall-provvista.

5.2.

Għalhekk, huwa saħansitra aktar importanti li l-gżejjer jsiru aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija tagħhom. Il-gżejjer huma, min-natura tagħhom stess, f’pożizzjoni tajba biex jisfruttatw l-enerġija mill-oċean, mir-riħ u mix-xemx.

5.3.

Insibu stejjer ta’ suċċess li juru li l-gżejjer għandhom il-potenzjal li jsiru awtosuffiċjenti b’mod sostenibbli f’termini tar-rekwiżiti tal-enerġija. Pereżempju, Samsø, ‘il barra mill-kosta tad-Danimarka ċentrali, ilha sa mill-1997 “il-Gżira ta’ Enerġija Rinnovabbli” tal-pajjiż. Bi ħdax-il turbina tar-riħ fuq l-art, hija setgħet issir kompletament awtosuffiċjenti fl-enerġija rinnovabbli fi żmien 10 snin. Fl-2014, El Hierro, waħda mill-gżejjer Kanarji, saret ukoll kompletament awtosuffiċjenti fl-enerġija rinnovabbli permezz tal-użu ta’ turbini tar-riħ u l-enerġija idroelettrika.

5.4.

Il-gżejjer fl-Ewropa jistgħu jisiltu benefiċċji kbar minn sorsi rinnovabbli. Minbarra li jnaqqas l-impatt tal-karbonju, is-settur huwa sors ta’ tkabbir u impjiegi mhux biss ġewwa l-industrija stess iżda wkoll lil hinn minnha, bħal fil-każ ta’ Samsø, li saret attrazzjoni turistika bis-saħħa tal-isforzi tagħha biex issir awtosuffiċjenti b’mod sostenibbli.

5.5.

Il-KESE għalhekk jitlob li tittieħed azzjoni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali fl-oqsma li ġejjin:

i.

l-iffukar tar-riċerka u l-iżvilupp fuq l-enerġija mill-oċeani, l-enerġija mill-mewġ u mill-marea fuq gżejjer, mhux biss bl-użu tal-gżejjer bħala ċentru għall-ittestjar, anke jekk din hija kwistjoni relatata, iżda wkoll billi jiġu sfruttati l-għarfien lokali u l-għarfien espert fir-riċerka;

ii.

l-istudju tal-effetti ta’ taħlit ta’ forom differenti ta’ enerġija rinnovabbli f’żoni żgħar u lokalizzati bħal gżejjer; u

iii.

inizjattivi ta’ innovazzjoni speċifiċi mmirati għall-gżejjer.

Tali azzjoni għandha tieħu kont tal-kundizzjonijiet speċifiċi prevalenti fil-gżejjer f’diversi ibħra/oċeani.

6.   Trasport u mobbiltà fil-Gżejjer bliet

6.1.

It-trasport huwa kwistjoni partikolarment diffiċli għan-nies li jgħixu fil-gżejjer, billi huma mdawrin bil-baħar u għalhekk jiddependu ħafna mill-vjaġġi bil-vapur u l-linji tal-ajru. Barra minn hekk, għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-oġġetti l-gżejjer jiddependu ħafna wkoll mit-trasport bil-baħar. Fid-dawl ta’ dan, is-servizzi tal-vjaġġi bil-vapur ġeneralment jirċievu għajnuna mill-Istat u sussidji sabiex itaffu parti mill-piż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar bil-baħar għar-residenti. Barra minn hekk, ħafna kumpaniji tat-trasport għadhom jużaw fjuwil ta’ kwalità baxxa, li jhedded lill-ħaddiema fil-qasam tat-trasport marittimu, lill-popolazzjoni lokali u lit-turisti.

6.2.

Għalkemm il-mobilità urbana hija dipendenti mill-użu estensiv ta’ vetturi bil-mutur, qed jiġu introdotti metodi iktar sostenibbli tat-trasport urban, eżempju wieħed huwa l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi fil-gżejjer Eoliċi. Fil-każ tal-gżejjer hemm ambitu akbar għall-introduzzjoni, jew użu aktar estensiv, ta’ karozzi ibridi u elettriċi.

6.3.

Il-KESE jirrakkomanda li tittieħed azzjoni fl-oqsma li ġejjin:

i.

proġetti speċifiċi tal-programm Orizzont 2020 għandhom ikunu mmirati lejn proġetti ta’ trasport marittimu effiċjenti fl-użu tal-enerġija fil-gżejjer;

ii.

l-għajnuna mill-Istat għat-trasport għandha tingħata lill-kumpaniji li jieħdu passi konkreti biex inaqqsu l-emissjonijiet u jużaw fjuwil ta’ kwalità tajba għat-trasport marittimu;

iii.

proġetti tal-INTERREG għandhom ikunu mmirati lejn mobilità urbana effiċjenti fl-użu tal-enerġija fil-gżejjer;

iv.

għandha ssir enfasi fuq il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u aktar sostenibbli fil-gżejjer. Il-KESE jitlob ukoll li jitnaqqas l-impjieg prekarju għall-persunal tal-linji tal-ajru li jtiru r-rotot tal-gżejjer u tal-vapuri tal-kruċieri, li n-negozju tagħhom spiss jibbenefika mill-attraenza tal-gżejjer.

v.

l-aċċessibbiltà għall-anzjani jew għall-persuni b’diżabbiltà għandha wkoll tifforma parti mill-politiki tat-trasport intelliġenti fuq il-gżejjer.

7.   Politika marittima

7.1.

F’dawn l-aħħar snin, l-ekonomija blu u l-potenzjal tagħha ngħataw iżjed attenzjoni. L-affarijiet marittimi huma importanti ferm għall-gżejjer, peress li jinsabu mdawrin bil-baħar.

7.2.

Il-gżejjer jistgħu jiksbu benefiċċji partikolari mill-implimentazzjoni ta’ politiki marittimi fil-livell tal-UE.

7.3.

Il-KESE jtenni s-sejħiet tiegħu preċedenti għal opinjonijiet dwar l-importanza ta’ gżejjer tal-UE għat-trasport marittimu u l-għarfien esperti f’attivitajiet tat-tbaħħir. Il-gżejjer tal-UE għandhom vantaġġ komparattiv bħala fornituri ta’ baħħara li jkollhom ġenerazzjonijiet ta’ għarfien marittimu espert li m’għandux jintilef. Madankollu, f’perjodu ta’ qgħad akut fuq l-art, l-industrija tat-tbaħħir tal-UE qed tbati minn skarsezza magħrufa ta’ baħħara tal-UE li jistgħu jiġu impjegati bħala uffiċjali tal-flotta tal-UE.

7.4.

Il-KESE jirrakkomanda li tittieħed azzjoni fl-oqsma li ġejjin:

i.

għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-gżejjer jiksbu benefiċċji speċifiċi mis-sorveljanza marittima;

ii.

il-gżejjer għandhom jingħataw kompiti ta’ riċerka u żvilupp fl-oqsma tat-tħaffir f’qiegħ il-baħar, l-oċeanografija u l-immappjar ta’ qiegħ il-baħar, u għandha tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom f’dawn l-oqsma; il-gżejjer jistgħu jaqdu rwol ikbar fil-ħarsien tal-bijodiversità, u l-inizjattivi li jittieħdu f’diversi livelli fil-qasam għandhom jiġu appoġġjati;

iii.

il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq analiżi tal-impatt Ewropew dwar ir-rwol tal-gżejjer tal-Ewropa fl-affarijiet marittimi;

iv.

għandu jsir sforz iffukat fil-qasam tal-affarijiet marittimi, b’enfasi speċifika fuq il-gżejjer u r-rwol tagħhom.

v.

l-azzjoni tal-UE hija meħtieġa biex jiġu attirati l-abitanti tal-gżejjer tal-UE biex isegwu l-professjoni marittima u jingħataw it-taħriġ meħtieġ.

8.   Prodotti u servizzi tal-gżejjer

8.1.

Il-gżejjer madwar l-Ewropa żviluppaw b’rati differenti, xi wħud għadhom fl-istadju ta’ Migrazzjoni, Rimessa, Għajnuna u Burokrazija (migration, remittance, aid and bureaucracy stage – MIRAB) (Bertram u Watters, 1985); oħrajn huma Ekonomija Turistika ta’ Gżejjer Żgħar (small island tourist economies – SITE) (McElroy, 2006); u finalment oħrajn laħqu l-istadju ta’ Individwi, Ġestjoni tar-riżorsi, Involviment barrani u paradiplomazija, Finanzi u Trasport (People, Resource Management, Overseas Engagement and Para-Diplomacy, Finance and Transportation – PROFIT) (Baldacchino, 2006).

8.2.

Xi eżempji ċari ta’ prattika tajba fost il-gżejjer u li qegħdin fl-istadju hekk imsejjaħ PROFIT huma:

Jersey: ġestjoni tal-ġid privat;

Malta: logħob elettroniku;

Islanda: cloud computing;

Ċipru: reġistru marittimu tal-bandieri;

Kreta: trattament tal-għajnejn LASIK.

8.3.

Il-gżejjer huma aktar kompetittivi meta jkunu jistgħu jidentifikaw u jeċċellaw fi swieq niċċa.

8.4.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li:

i.

jiġu identifikati l-aħjar prattiki għall-gżejjer;

ii.

il-politiki reġjonali jkunu jippermettu żvilupp ta’ swieq niċċa bħal dawn;

iii.

il-gżejjer jintużaw bħala laboratorji miftuħa għall-iżvilupp ta’ tali prodotti jew servizzi li jistgħu mbagħad jiġu introdotti b’mod wiesa’ fl-Ewropa kontinentali.

9.   Turiżmu tal-gżejjer

9.1.

Il-gżejjer spiss jiġu assoċjati mat-turiżmu (mudell SITE); iżda filwaqt li t-turiżmu huwa industrija importanti għall-gżejjer dan m’għandux jitqies bħala l-unika industrija jew dik prinċipali, u għandha tingħata kunsiderazzjoni adatta lill-industrija b’mod ġenerali.

9.2.

It-turiżmu niċċa huwa ta’ vantaġġ kompetittiv ċar għall-gżejjer meta mqabbel ma’ żoni aktar aċċessibbli fl-Ewropa kontinentali. Madankollu t-turiżmu speċjalizzat m’għandux bilfors ifisser turiżmu li jqum aktar flus. F’dan ir-rigward, l-aċċessibbiltà tal-gżejjer hija kruċjali biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà f’termini finanzjarji, fiżiċi u ta’ trasport.

9.3.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li:

i.

il-politiki relatati mat-turiżmu jqisu speċifikament is-sitwazzjonijiet tal-gżejjer;

ii.

l-aċċessibbiltà fir-rigward tat-turiżmu għandha tinkludi kemm l-aspett tat-trasport tal-gżejjer, kif jissemma hawn fuq, kif ukoll l-aċċessibilità f’termini finanzjarji u ta’ mobilità kif ukoll il-kwistjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent.

10.   Ġestjoni tal-ilma

10.1.

Il-gżejjer jiltaqgħu ma’ diffikultajiet simili rigward il-ġestjoni tal-ilma, jiġifieri: skarsezza tal-ilma; kwalità inferjuri tal-ilma; prattiki tal-ilma mhux adatti, bħal użu żejjed tar-riżorsi; u domanda ogħla minħabba t-turiżmu.

10.2.

Il-gżejjer vulkaniċi għandhom dimensjoni oħra tal-ġestjoni tal-ilma li ġeneralment mhix indirizzata fil-politiki dwar l-ilma: l-aspett tas-sorsi tal-ilma għall-finijiet ta’ saħħa.

10.3.

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-politiki relatati mal-ġestjoni tal-ilma jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer peress li l-ħtiġijiet tagħhom ta’ spiss joqorbu lejn:

i.

l-użu mill-ġdid tal-ilma;

ii.

distinzjoni bejn l-ilma tax-xorb u dak li mhux tajjeb għax-xorb;

iii.

id-desalinazzjoni;

iv.

il-ġbir tal-ilma tax-xita; u

v.

it-titjib tas-sostenibbiltà tas-sorsi tal-ilma użat għal raġunijiet ta’ saħħa.

11.   Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja

11.1.

L-edukazzjoni ta’ spiss titqies bħala element ċentrali għat-titjib tal-istandards tal-għajxien. Dan japplika b’mod partikolari għall-gżejjer. Filwaqt li l-istituzzjonijiet terzjarji fil-gżejjer ta’ spiss jeċċellaw f’oqsma speċifiċi, li jirriflettu wkoll l-approċċ tan-niċċa, l-edukazzjoni avvanzata prinċipali għandha tkun aċċessibbli wkoll għall-abitanti tal-gżejjer.

11.2.

Għal dan l-għan, il-potenzjal tad-dinja diġitali għandu jkun sfruttat aktar biex jiġi żgurat li t-tagħlim u l-edukazzjoni jkunu aċċessibbli għall-abitanti tal-gżejjer, l-istess bħal fil-każ tal-persuni li jgħixu fl-Ewropa kontinentali. Eżempju ċar tal-potenzjal tad-dinja diġitali jingħata mill-gżejjer Ċikladi, fejn it-telekonferenzi jintużaw b’mod estensiv għal skopijiet ta’ taħriġ.

11.3.

Il-gżejjer ibatu minn tnaqqis akbar tal-popolazzjoni minħabba r-rilokazzjoni, u għalhekk it-tagħlim tul il-ħajja jista’ u għandu jkun wieħed mill-politiki u l-prattiki mfassla biex tinżamm forza tax-xogħol li mhux biss tkun impjegabbli ħafna iżda wkoll li titħajjar tibqa’ fil-gżira.

11.4.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li l-polititka għandha:

i.

tirrifletti r-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-gżejjer;

ii.

timplimenta approċċi ta’ tagħlim tul il-ħajja li jiżguraw l-impjegabbiltà u forza tax-xogħol li tista’ tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol fi ħdan il-gżejjer;

iii.

tiżgura li ma titfaqqarx il-forza tax-xogħol fil-gżejjer.

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


  翻译: