10.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/25 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Ir-rwol tal-ekonomija soċjali sabiex jerġa’ jinkiseb it-tkabbir ekonomiku u jiġi miġġieled il-qgħad
(2016/C 051/05)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
huwa tal-fehma li l-ekonomija soċjali hija attur ewlieni fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u tirrappreżenta 2 miljun intrapriża, inklużi assoċjazzjonijiet, kooperattivi u entitajiet mutwi. Toħloq 11-il miljun post tax-xogħol, jiġifieri 6 % tal-popolazzjoni attiva u 10 % tal-intrapriżi fis-settur intraprenditorjali Ewropew; |
2. |
jenfasizza li l-entitajiet u l-atturi tal-ekonomija soċjali taw prova li huma reżiljenti matul il-kriżi u kkontribwixxew biex itejbu l-benessri taċ-ċittadini u jżommuhom fis-suq tax-xogħol, mhux mingħajr diffikultajiet serji, anke meta organizzazzjonijiet u intrapriżi oħra ma setgħux jagħmlu dan. Dan il-kontribut kien partikolarment notevoli rigward l-inklużjoni ta’ dawk li jesperjenzaw diffikultjiet kbar biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; |
3. |
jemmen li kunsiderazzjoni aħjar tal-kontribut tal-ekonomija soċjali għat-twettiq tal-objettivi soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun prijorità fis-segwitu tal-Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UEM adottata mill-Kummissjoni fl-2012 u tal-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali adottat fl-2013; jemmen ukoll li l-investimenti fl-ekonomija soċjali għandu jkollhom rwol x’jaqdu mhux biss fil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi iżda wkol fil-Fond Soċjali Ewropew u sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE, peress li, ta’ spiss, dawn jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini tal-UE; |
4. |
josserva li, minħabba l-fatt li dawn huma bbażati fuq il-kollaborazzjoni u l-impenn ċiviku ta’ individwi fil-komunitajiet, l-inizjattivi tal-ekonomija soċjali jikkontribwixxu biex tiżdied il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u jiżdied il-livell ta’ fiduċja fl-Unjoni Ewropea kollha minħabba l-impenn u l-livell ta’ integrazzjoni fit-territorju li jintegraw fi ħdanu, ħaġa li tagħmilhom inqas vulnerabbli għar-rilokazzjoni, u għalhekk twassal għal livell ogħla ta’ sigurtà għall-ħaddiema tagħhom, ilkoll aspetti li jagħmlu parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom; |
5. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza mogħtija lill-ekonomija soċjali fil-leġislazzjoni tal-UE bħal fir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew fir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali. Jilqa’ wkoll ir-regolamenti ġodda tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li jpoġġu lill-intrapriżi soċjali fost il-prijoritajiet ta’ investiment possibbli tal-FSE u l-FEŻR, issaħħu l-approċċ ta’ sħubija u jipprovdu opportunitajiet għall-promozzjoni ta’ inizjattivi bbażati fuq is-sħubijiet bejn l-ekonomija soċjali u l-awtoritajiet lokali/reġjonali bl-użu ta’ strumenti bħalma huma l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità; |
6. |
ifakkar li l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni u lill-ispirtu intraprenditorjali u ta’ solidarjetà taċ-ċittadini kollha, inklużi dawk li jisfaw emarġinati minħabba s-sistema ta’ produzzjoni, u dan jgħin biex jiġġenera attività ekonomika li toħloq il-valur u r-redditu, fil-każ tal-intrapriżi soċjali, anke f’setturi iżjed dgħajfin mil-lat ekonomiku; |
7. |
jisħaq fuq l-importanza li tiġi promossal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-proċess tal-kokreazzjoni fil-qasam soċjali, permezz ta’ sħubijiet dinamiċi bejn is-settur pubbliku, il-bosta entitajiet tal-ekonomija soċjali u s-settur privat, b’mod partikolari l-“intrapriżi soċjali”, filwaqt li jiġi adottat approċċ immirat lejn miżuri u politiki li huma innovattivi mil-lat soċjali; |
8. |
jenfasizza n-nuqqas relattiv ta’ rikonoxximent pubbliku tal-ħiliet intraprenditorjali li jeżistu fil-qasam tal-ekonomija soċjali li, fost affarijiet oħra, huwa dovut għan-nuqqas ta’ netwerking bejn il-partijiet interessati fil-pajjiżi u r-reġjuni differenti. Huwa għalhekk ta’ importanza kbira li jsir skambju tal-aħjar prassi, jinħolqu s-sħubijiet u jinħolqu wkoll inċentivi u finanzjament għall-promozzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali, l-innovazzjoni soċjali u l-investiment soċjali. Dawn huma prerekwiżiti essenzjali biex l-ekonomija soċjali ssir aktar attraenti u rikonoxxuta aħjar; |
9. |
jissuġġerixxi li ssir iktar enfasi fuq ir-riċerka fil-qasam tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa, u fuq l-iżvilupp u t-tixrid ta’ programmi ġenerali ta’ taħriġ għall-ekonomija soċjali għall-pubbliku inġenerali, b’mod partikolari għall-istudenti, u programmi speċjalizzati għall-atturi tal-ekonomija soċjali u għall-persuni qiegħda, u billi jitwaqqfu sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-korpi tat-taħriġ, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
10. |
ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-Istati Membri u l-UE għandhom jinkoraġġixxu s-sħubija u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ għodod ġodda u opportunitajiet ġodda ta’ assistenza soċjali, li jkunu frott l-iżvilupp kontinwu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, billi jippromovu l-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pprovduti, jirrazzjonalizzaw l-ispejjeż u jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini jiġu pprovduti b’immaġni attraenti tal-ekonomija soċjali; |
11. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri għall-iffaċilitar al-intrapriżi tal-ekonomija soċjali tas-suq, filwaqt li jinnota r-rwol tagħhom fl-indirizzar tal-problemi, bħalma huma l-qgħad u l-esklużjoni soċjali, billi permezz tagħhom gruppi li jitqiesu esklużi jistgħu jsiru ekonomikament attivi; |
12. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta qafas legali li jkun ikopri sensiela ta’ definizzjonijiet komuni applikabbli għall-forom Ewropej differenti tal-ekonomija soċjali, jiġifieri, għas-soċjetajiet kooperattivi, il-fondazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet mutwi u l-assoċjazzjonijiet biex jippermetti lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali joperaw fuq bażi legali sigura u b’hekk japprofittaw mill-benefiċċji tas-suq intern u l-libertà tal-moviment. Dan id-dokument għandu jħaddan sensiela ta’ definizzjonijiet komuni. L-iżvilupp ta’ programmi Ewropej ta’ sħubija ma’ dawn l-organizzazzjonijiet jista’ jkun ibbażat fuq dawn id-definizzjonijiet, b’mod li l-għajnuna tiġi adattata għall-ħtiġijiet ta’ kull tip ta’ organizzazzjoni u jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-impjieg u t-titjib tal-kapaċità intraprenditorjali tat-territorji; |
13. |
jinnota li r-rwol pożittiv tal-entitajiet u l-atturi tal-ekonomija soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad u l-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv u sostenibbli huwa partikolarment importanti fit-territorji ikkaratterizzati mill-emigrazzjoni, it-tixjiħ rapidu tal-popolazzjoni, in-nuqqas ta’ xejriet ta’ produzzjoni u minn spirtu intraprenditorjali dgħajjef, b’attenzjoni speċjali liż-żoni rurali. F’dawn l-oqsma, l-importanza tal-ekonomija soċjali tmur lil hinn mit-tweġiba għad-domanda lokali għall-beni u s-servizzi ta’ natura soċjali, peress li l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali huma fost l-entitajiet rari li, fi ħdanhom, l-intenzjonijiet tajba jingħaqdu flimkien, u b’hekk jistgħu jistimulaw l-ispirtu intraprenditorijali biex iżommu jew jattiraw atturi ekonomiċi bil-għan li jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi endoġeniċi ta’ dawn it-territorji; |
14. |
jirrakkomanda l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-ekonomija soċjali u l-edukazzjoni vokazzjonali, fl-oqsma kollha, u li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ kooperattivi tal-iskejjel u tal-istudenti sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ karrieri taż-żgħażagħ, u b’hekk jgħinu biex jiġi evitat il-qgħad fost iż-żgħażagħ. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jappoġġja wkoll is-sehem tal-kooperattivi tal-iskejjel u tal-istudenti bħala parteċipanti fl-ekonomija soċjali u jissuġġerrixxi li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri differenti jaħdmu flimkien biex jinkludu l-ekonomija soċjali u l-kooperattivi fl-edukazzjoni intraprenditorjali bħala parti mill-kurrikula u s-sillabi nazzjonali fl-iskejjel u fl-edukazzjoni għolja; |
15. |
jemmen li, fejn possibbli u bil-mezzi kollha possibbli, tiżdied l-għajnuna fil-livell nazzjonali u tal-UE għas-sħubijiet li jinkludu l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali fit-territorji b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, ir-reġjuni b’indikaturi partikolarment għoljin ta’ qgħad u b’rati baxxi ta’ impjieg ta’ gruppi soċjali vulnerabbli, ir-reġjuni kkaratterizzati minn faqar u esklużjoni soċjali, kif ukoll ir-reġjuni ta’ interess ambjentali partikolari, bil-għan li jingħata appoġġ lir-rwol speċjali li jaqdu fil-ħolqien u ż-żamma tal-valur; |
16. |
jitlob lill-Kummissjoni biex tkun flessibbli fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat lill-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, biex tappoġġja lill-awtoritajiet lokali fil-fehim u l-applikazzjoni proporzjonata ta’ dawn ir-regoli u, fejn possibbli, biex iżżid l-għajnuna tal-Istati Membri jew tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom u tal-UE lis-sħubijiet, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali; |
17. |
jinnota b’sodisfazzjon l-adozzjoni reċenti tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet (Direttivi 2014/24/UE, 2014/25/UE u 2014/23/UE), li jinkludu, fost oħrajn, klawżoli u kriterji soċjali għall-inklużjoni u l-innovazzjoni soċjali; jitlob lill-Istati Membri biex, fil-fażi ta’ implimentazzjoni attwali ta’ dawn id-direttivi fil-liġi nazzjonali, jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-swieq riservati u l-proċeduri semplifikati previsti biex isaħħu r-rwol tal-atturi tal-ekonomija soċjali kemm fil-livell nazzjonali, kif ukoll dak reġjonali u lokali. Barra minn hekk, jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex ikomplu d-dibattitu dwar it-titjib tagħhom; |
18. |
jenfasizza li l-ekonomija soċjali tista’ tkun strument adatt u effettiv ħafna fil-ġlieda kontra l-ekonomija moħbija u l-ħolqien ta’ valur ekonomiku u soċjali; |
19. |
huwa tal-fehma li huwa kruċjali li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija soċjali billi jittejjeb l-aċċess tal-ekonomija soċjali għall-modi differenti ta’ finanzjament, bħalma huma l-fondi Ewropej, il-fond ta’ kapital ta’ riskju, il-mikrokreditu, il-mikrofinanzjament parteċipattiv (“crowdfunding”) u billi jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji suffiċjenti fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, filwaqt li jiġu rikonċiljati r-rekwiżiti ekonomiċi/finanzjarji esiġenti u l-interess pubbliku tax-xogħol li huma jwettqu fuq il-post; |
20. |
jiddispjaċih li l-istrateġija tal-Kummissjoni għal suq uniku diġitali ma ssemmix l-ekonomija soċjali u kemm kemm issemmi l-ekonomija kollaborattiva li l-potenzjal soċjali tagħha huwa importanti ħafna; |
21. |
jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa kultura ta’ monitoraġġ fl-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, billi jittejbu l-kapaċitajiet tagħhom li jidentifikaw u jippubbliċizzaw id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-azzjonijiet tagħhom u billi jiżviluppaw metodoloġiji u indikaturi li huma konsistenti man-natura u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. L-esperjenza miksuba mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ għandha tixxerred u ssir disponibbli b’modi differenti; |
22. |
jilqa’ bi pjaċir it-twaqqif mill-Kummissjoni Ewropea ta’pjattaforma diġitali multilingwi – “Social Innovation Europe Platform” – għall-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali, iżda huwa tal-fehma li l-pjattaforma għandha tinkludi sezzjoni separata ddedikata għall-ekonomija soċjali; |
23. |
jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi unità ddedikata speċifikament għall-ekonomija soċjali meta jaf li f’dan l-istadju, id-deċiżjoni għall-amalgamazzjoni tal-unitajiet fi ħdan id-DĠ GROW biex iwaqqfu unità waħda dwar il-clusters, l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija ma tikkonformax mal-ambitu u r-realtà tal-ekonomija soċjali; |
24. |
iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, ‘l-Istati Membri u ‘l-awtoritajiet lokali/reġjonali jikkunsidraw u jippromovu t-tixrid ta’ eżempji eżistenti ta’ forom ġodda ta’ djalogu, kokostruzzjoni ta’ politiki u implimentazzjoni konġunta ta’ dawn tal-aħħar minn sħubijiet magħmula minn gvernijiet lokali/reġjonali, l-ekonomija soċjali u atturi oħrajn; |
25. |
jirrakkomanda li, meta wieħed iqis l-ambitu ferm lokalizzat (jew ibbażat fuq il-post) tal-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, l-UE u l-Istati Membri differenti għandhom jippromovu u jinkoraġġixxu rwol aktar b’saħħtu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-programmi u l-politiki fil-qasam tal-ekonomija soċjali, u l-interazzjoni tagħhom mal-politiki pubbliċi differenti, sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti; |
26. |
jagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea li tipproponi li l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, joħolqu u jadottaw, malajr kemm jista’ jkun, il-qafas legali u ġuridiku meħtieġ għall-funzjonament u l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, ġaladarba tiġi definita strateġija ċara għas-settur. |
Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2015.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA