19.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea għall-2016”

[COM(2015) 686 final]

(2016/C 303/10)

Relatur:

is-Sur Patrick LIÉBUS

Nhar il-5 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2016”

[COM(2015) 686 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.

Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-Opinjoni tiffoka fuq it-tema ċentrali tal-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Din l-għażla hija dovuta għall-fatt li l-organizzazzjonijiet ANEC, ECOS, ETUC u SBS, magħrufin taħt l-isem “l-organizzazzjonijiet tal-Anness III”, b’relazzjoni mar-Regolament UE (Nru) 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huma lkoll rappreżentati mill-KESE. Huwa għalhekk li, bħala “d-dar” tas-soċjetà ċivili, il-KESE jixtieq jiffoka fuq it-trasparenza u l-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni.

1.2

Il-KESE rrikonoxxa wkoll ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza fil-fond l-aspetti ta’ natura strateġika tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni fil-qafas tal-programmi annwali ta’ ħidma.

1.3

Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-Anness III u s-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni, il-KESE jistieden lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni jagħtu lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III status speċifiku ta’ membri/msieħba, bid-drittijiet u l-obbligi proprji tagħhom. Dan għandu jiġi konkretizzat permezz tal-għoti ta’ dritt illimitat ta’ appell u setgħa konsultattiva lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III, anke f’dak li jirrigwarda l-istandards ta’ interess pubbliku.

1.4

Filwaqt li jagħraf li d-delegazzjoni nazzjonali hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-istandardizzazzjoni Ewropea, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-proċess ta’ standardizzazzjoni għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà, kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom fil-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li fil-livell nazzjonali jiddaħħal l-aċċess b’xejn għall-kumitati korrispondenti – l-hekk imsejħin “kumitati mera” –għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi rispettivi tagħhom.

1.5

Il-KESE jfakkar fir-rwol fundamentali tal-“konsulenti tal-approċċ il-ġdid” u jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut tagħhom għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-istandards mal-politiki tal-Unjoni fil-qafas tal-istandardizzazzjoni armonizzata. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura ż-żamma tal-attivitajiet tagħhom fuq perjodu twil ta’ żmien.

1.6

Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li jsir segwitu komprensiv tal-isforzi tal-atturi prinċipali tal-istandardizzazzjoni, u dan sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni tal-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Il-KESE jista’ jiżgura dan is-segwitu billi joħloq forum ad hoc dwar l-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Dan il-korp ikun inkarigat mill-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika annwali bil-għan li jiġi vvalutat il-progress f’dan il-qasam.

2.   Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem

2.1

Il-Kummissjoni wriet f’komunikazzjoni l-viżjoni strateġika tagħha għall-istandardizzazzjoni Ewropea u implimentat il-qafas legali korrispondenti permezz tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Wieħed mill-elementi ġodda li ddaħħlu b’dan ir-Regolament huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tadotta programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea.

2.2

Il-programm ta’ ħidma huwa maħsub biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni, billi juri l-viżjoni u l-proġetti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istandardizzazzjoni għas-sena li ġejja. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tirrevedi s-sħubija tagħha mas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni adegwata tal-partijiet ikkonċernati kollha (l-industrija, l-SMEs, il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet ambjentali, il-ħaddiema, eċċ.).

2.3

Fost il-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea nsibu l-adozzjoni ta’ pjan fil-qasam tal-istandards prijoritarji tal-ICT, kif ukoll l-istandardizzazzjoni tas-servizzi. Il-pjan fil-qasam tal-istandards prijoritarji tal-ICT ser jikkompleta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-preżentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali 2016 għall-istandardizzazzjon u jfakkar fil-kontribut kruċjali tal-istandards fl-istrutturar tas-suq intern u fil-kompetittività tal-kumpaniji. Kif ġie indikat fl-Opinjoni tiegħu INT/590 ta’ Settembru 2011 (1), il-programm annwali għall-istandardizzazzjoni jirrappreżenta vantaġġ reali fir-rigward tat-trasparenza, l-ippjanar u l-previżjoni, b’mod partikolari għall-atturi u l-partijiet ikkonċernati tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni.

3.2

Il-KESE bi pjaċir jilqa’ dan il-programm annwali 2016 peress li jippermetti aġġornament tad-diskussjonijiet attwali, iżda fuq kollox iġib valur reali lill-ippjanar futur. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji aħjar il-programmi annwali tal-futur, billi tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati dwar l-aspetti tekniċi u strateġiċi, u billi tippubblika l-programm ta’ ħidma f’Lulju tas-sena preċedenti. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontenut tal-prijoritajiet fis-setturi differenti.

3.3    Prijorità mogħtija lill-inklużività

3.3.1

Il-partijiet ikkonċernati li dejjem kellhom aċċess diffiċli u inqas għas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni, jiġifieri l-konsumaturi, l-interessi ambjentali, il-ħaddiema u l-SMEs – rappreżentati mill-organizzazzjonijiet ANEC, ECOS, ETUC u SBS, magħrufin bħala “l-organizzazzjonjiiet tal-Anness III” fid-dawl tar-Regolament Ewropew (UE) Nru 1025/2012, kif ukoll il-membri nazzjonali tagħhom – huma lkoll rappreżentati mill-KESE. Għalhekk, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut fundamentali u l-isfidi ta’ parteċipazzjoni li ffaċċjaw b’mod ġenerali partijiet oħra kkonċernati fl-iżvilupp tal-istandards, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – bħala d-“dar” tas-soċjetà ċivili – jixtieq jiffoka l-parti l-kbira tal-isforzi tiegħu fuq it-trasparenza u l-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni.

3.3.2

F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għalhekk titlob attenzjoni speċifika, li l-Kummissjoni tenfasizza ġustament fil-Komunikazzjoni. Min dan toħroġ b’mod partikolari l-ħtieġa li jitjiebu t-tixrid u l-pubblikazzjoni tar-rapporti previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-informazzjoni dwar dawn tal-aħħar.

3.3.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li ssegwi mill-qrib il-progress u l-isforzi ta’ kull attur tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni biex is-sistema ssir aktar inklużiva. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni taqdi rwol proattiv, b’mod partikolari bħala korp ta’ konfinazjament tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni.

3.3.4

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-konklużjoni tal-proċess ta’ finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III u jitlob għal semplifikazzjoni amministrattiva addizzjonali kif ukoll għall-adozzjoni ta’ perspettiva aktar fit-tul, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ strateġija pluriennali minn dawn l-entitajiet.

3.4    L-inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni

3.4.1

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ta’ inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni u bi pjaċir jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fis-sistema, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-Anness III, bħala sinjal essenzjali ta’ tnedija mill-ġdid tas-sħubija pubblika-privata, li hija l-bażi tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. F'dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jenfasizza li huwa importanti ħafna li l-azzjonijiet proposti fil-verżjoni finali tal-inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni jkunu maħsubin għal inklużività aħjar u jkunu jikkontribwixxu b’mod ċar għal dan il-għan, sabiex jippermettu s-sjieda tal-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-Anness III.

3.4.2

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-proposta ta’ azzjoni bħala parti mill-inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni, li tkopri analiżi sabiex jinftiehmu aħjar il-possibbiltajiet u l-isfidi tal-implimentazzjoni b’xejn tal-istandards, pereżempju fil-kuntest ta’ studju dwar l-impatt ekonomiku u soċjali tal-istandards.

3.5    L-azzjoni tal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni

3.5.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) bħala organizzazzjonijiet indipendenti, newtrali u professjonali, li għandhom regoli u proċeduri li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji bażiċi tad-WTO fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, kif ukoll dak tal-prinċipji imposti mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

3.5.2

Sabiex titjieb il-parteċipazzjoni tal-atturi kollha fl-istandardizzazzjoni, il-KESE jistieden lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jagħtu lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III status speċifiku ta’ membri/msieħba, li għandhom drittijiet u obbligi partikolari, skont l-istatus u r-rwol rispettivi tagħhom, b’mod partikolari b’aċċess sħiħ għall-korpi tekniċi u għall-istandards tekniċi li qegħdin jiġu stabbiliti, b’konformità ma’ politika ta’ kunfidenzjalità li tqis il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni. Il-KESE jipproponi li titnieda diskussjoni dwar l-aċċess b’xejn, minħabba l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-finanzjament tal-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni u tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III.

3.5.3

Il-KESE jipproponi wkoll li jerġa’ jiddaħħal dritt illimitat ta’ appell għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III, inkluż fir-rigward tal-ħidma li ma kinux inklużi direttament fiha sa mill-bidu, u li jingħataw setgħa konsultattiva matul ir-ratifika tal-istandards.

3.5.4

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ standardizzazzjoni inklużiva u ta’ kwalità. Il-KESE jixtieq ifakkar li l-veloċità tal-produzzjoni u tal-pubblikazzjoni tal-istandards ma tistax titqies bħala għan fih innifsu, fuq kollox jekk din tfixkel l-għan tal-KESE, li huwa l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Fil-fatt, il-KESE jwissi lis-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni kontra kull deċiżjoni li, minħabba r-rapidità, tillimita l-parteċipazzjoni u l-ftuħ.

3.5.5

Il-KESE jfakkar li l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati hija possibbli biss bil-parteċipazzjoni tagħhom u f’qafas ta’ trasparenza. Sabiex jiġi enfasizzat, imsaħħaħ u implimentat il-prinċipju tad-delegazzjoni nazzjonali, il-KESE jinsisti fuq l-importanza ta’ aċċess faċilitat għall-proċess ta’ standardizzazzjoni għall-SMEs kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom fil-livell nazzjonali, li għadu sfida, kif jissemma fil-punt 4 tal-Komunikazzjoni.

3.5.6

F'dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li fil-livell nazzjonali jiddaħħal l-aċċess b’xejn għall-hekk imsejħa “kumitati mera” għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà kif ukoll l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi rispettivi tagħhom. Il-faċilità ta’ parteċipazzjoni u ta’ kontribut hija wkoll partikolarment importanti matul il-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika, li matulha ma għandux ikun hemm ostakli prattiċi u tekniċi.

3.6    Il-vademecum ġdid dwar l-istandardizzazzjoni u l-gwidi għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III

3.6.1

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-“Vademecum dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea” ġdid, il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni għall-istedina li saret lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex iħarrġu l-korpi u l-persunal tekniku tagħhom dwar il-kontenut u l-miżuri inklużi f’dan id-dokument il-ġdid.

3.6.2

Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura t-tixrid, il-fehim u l-użu tal-vademecum mis-servizzi kollha tal-Kummissjoni Ewropea li jixtiequ jagħmlu użu mill-istandardizzazzjoni għall-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej. Ikun utli wkoll li t-tixrid jiġi żgurat, b’informazzjoni rilevanti, permezz tas-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.

3.6.3

Il-Kumitat fuq kollox jixtieq jenfasizza l-importanza tal-għarfien, min-naħa ta’ dawk responsabbli għall-korpi tekniċi tal-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni, tal-gwidi differenti CEN-CENELEC għall-abbozzar tal-istandards, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati tas-soċjetà u tal-SMEs (jiġifieri l-gwidi 2, 5 u 17 tas-CEN-CENELEC kif ukoll il-gwida 4 tas-CEN). Il-Kumitat, f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjonijiet li diġà bdew mis-CEN-CENELEC mal-grupp ta’ ħidma tal-SMEs (SME Working Group) u l-grupp ta’ ħidma tal-partijiet interessati tas-soċjetà (Societal Stakeholders Working group) u jitlob li dawn jissoktaw permezz ta’ miżuri konkreti u ambizzjużi. Ta’ min jenfasizza l-fatt li dawn il-gwidi tas-CEN-CENELEC għandhom jintużaw matul il-proċess tal-istandardizzazzjoni, sa minn meta ssir id-diskussjoni dwar l-opportunità li jiġi żviluppat standard sal-pubblikazzjoni tiegħu.

3.7    L-istandardizzazzjoni tal-ICT u tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-istandardizzazzjoni

3.7.1

Il-KESE jistaqsi dwar il-valur miżjud tal-“Pjan Prijoritarju tal-Istandards fis-Settur tal-ICT” propost fil-kapitolu 3.1 tal-Komunikazzjoni. Dan id-dokument jidher li jikkostitwixxi żieda mhux meħtieġa fil-“Pjan Rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT” kif ukoll fil-programm annwali tal-istandardizzazzjoni. Il-Kumitat jibża’ li jkun hemm dupplikazzjoni tas-sorsi u tal-livelli tal-prijorità, li jistgħu jikkumplikaw is-segwitu tad-dibattitu u l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

3.7.2

Fil-qasam tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, il-Kumitat iwissi kontra l-iżbilanċ eżistenti bejn l-utenti u d-detenturi ta’ Privattiva Essenzjali għal Standard (PES), b’mod partikolari fil-każijiet fejn SME innovattiva ma tkunx tista’ tkun taf in-numru ta’ privattivi li hija x’aktarx għandha tapplika u li ser iżżomm. Il-KESE jipproponi għalhekk lill-ETSI biex ifassal gwida għan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar tal-PES, għall-benefiċċju tal-SMEs u billi jiġu applikati l-kundizzjonijet FRAND (“fair, reasonable, and non-discriminatory” – ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji).

3.7.3

Fir-rigward tal-kriterji FRAND, il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa għal definizzjoni aħjar ta’ dawn il-prinċipji, sabiex jinftiehmu l-iskop u l-implimentazzjoni prattika.

3.7.4

F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob ukoll lill-ETSI biex itejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-bażijiet tad-data dwar id-dikjarazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dan huwa fundamentali sabiex tiġi żgurata ċerta prevedibbiltà għall-utenti ta’ PES u jassigura lill-SMEs innovattivi dwar l-ispejjeż u l-proċedura tan-negozjar tal-ftehimiet ta’ liċenzjar imsemmijin hawn fuq.

3.8    Il-“konsulenti tal-approċċ il-ġdid”

3.8.1

Il-KESE jfakkar fir-rwol fundamentali tal-“konsulenti tal-approċċ il-ġdid” imsemmijin fil-kapitolu 7.2 tal-Komunikazzjoni u jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut indispensabbli tagħhom għal evalwazzjoni affidabbli tassew tal-konformità tal-istandards mal-leġislazzjoni u l-politiki tal-Unjoni fil-qafas tal-istandardizzazzjoni armonizzata.

3.8.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda – espressa mill-Kummissjoni fil-paragrafu 7.2 tal-Komunikazzjoni – biex tiġi żgurata d-disponibbiltà fit-tul ta’ din l-evalwazzjoni. Il-Kumitat jixtieq isaħħaħ is-supremazija ta’ din l-evalwazzjoni indipendenti fir-rigward ta’ kull evalwazzjoni oħra interna mwettqa mill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni.

3.8.3

Il-KESE jixtieq li l-indipendenza ta’ dawn il-konsulenti tissaħħaħ aktar, possibbilment permezz tar-reklutaġġ dirett ta’ “konsulenti tal-approċċ il-ġdid” mill-Kummissjoni Ewropea.

3.9    It-talbiet ta’ standardizzazzjoni u l-mandati

3.9.1

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-proċess ta’ tħejjija tal-mandati Ewropej li l-Kummissjoni tibgħat lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni sabiex titlob li jiġi żviluppat standard. Il-KESE jitlob lill-KE biex tagħmel il-proċess iżjed trasparenti u inklużiv, b’mod partikolari għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III.

3.9.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza li ssir verifika tal-konformità tar-riżultat tal-istandard prodott mal-għan inizjali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari li l-qasam ta’ applikazzjoni ma jiġix estiż matul il-ħidma.

3.9.3

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-ħidma ta’ tħejjija tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari biex jiġi evalwat l-impatt ekonomiku u soċjetali tal-istandards u sabiex ikun possibbli li jiġu definiti l-partijiet ikkonċernati interessati u li jiġu involuti fil-ħidma ta’ standardizzazzjoni.

3.10

Fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-KESE jenfasizza d-diffikultajiet konsiderevoli li għadhom jiltaqgħu magħhom l-organizzazzjonijiet tal-Anness III biex isegwu dil-ħidma, u jistieden lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni, kif ukoll lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, biex jisfruttaw il-mezzi kollha possibbli fir-rigward tal-ftehimiet tagħhom ta’ kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari meta l-ħidma tkun marbuta ma’ talba ta’ standardizzazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jista’ joħloq forum ad hoc dwar l-inklużjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Il-ħsieb huwa li dan il-forum, li jiltaqa’ regolarment u mill-inqas darba f’sena, ilaqqa’ l-membri tal-Kumitat li jixtiequ jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni u l-konsiderazzjoni tal-partijiet ikkonċernati – b’mod partikolari l-partijiet interessati tas-soċjetà u l-SMEs. L-organizzazzjonjiet tal-Anness III ikunu mistiedna regolarment għal-laqgħat ta’ dan il-forum.

4.1.1

Dan il-forum, fost oħrajn, jista’ ikun inkarigat biex jorganizza seduta pubblika annwali dwar it-tema tal-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Bħala parti minn dan l-avveniment, il-KESE jkun jista’ jistieden lill-atturi tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni u lill-Kummissjoni Ewropea għas-seduti pubbliċi dwar ir-rapporti tal-attivitajiet previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, bil-għan li jitjiebu l-għarfien u t-tixrid. Il-KESE jkun jista’ japprofitta minn din l-okkażjoni biex jinvolvi lill-Parlament Ewropew f’din l-attività.

4.1.2

Dan il-forum jista’ jkun responsabbli wkoll biex jiffinanzja studju dwar il-kompożizzjoni tal-“kumitati mera” nazzjonali, sabiex jiġu evalwati r-rappreżentanza u l-inklużività.

Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 69


  翻译: