2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/172


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u li temenda d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri”

[COM(2016) 370 final] [2016/171 (COD)]

(2017/C 034/29)

Relatur:

is-Sur Vladimír NOVOTNÝ

Konsultazzjoni

il-Parlament Ewropew, 09/06/2016

 

il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 22/06/2016

Bażi legali

L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

[COM(2016) 370 final] [2016/171 (COD)]

 

 

Sezzjoni Speċjalizzata responsabbli

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

06/10/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Eżitu tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/9/15

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li l-emenda proposta se twassal għal sikurezza akbar għat-tbaħħir fl-ilmijiet tal-UE u se tikkontribwixxi biex tagħmel ix-xogħol ta’ salvataġġ aktar effiċjenti f’każ ta’ diżastri marittimi.

1.2.

Il-KESE jappoġġja ż-żieda tan-nazzjonalità fl-informazzjoni rreġistrata sabiex, f’każ ta’ diżastri marittimi, il-familji jistgħu jkunu informati aktar malajr dwar qraba li kienu abbord u tkun tista’ tiġi evitata l-inċertezza dwar x’ġara minnhom.

1.3.

Il-KESE, b’konformità mar-riżultati ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar konsultazzjoni, jirrimarka fuq il-kwistjoni ta’ trasportaturi żgħar u l-ħtieġa li dawn jiġu protetti kontra żieda fil-burokrazija. Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta tiżgura li l-kompetizzjoni fl-ilmijiet tal-UE tkun tista’ tkompli b’kundizzjonijiet indaqs għall-operaturi kollha.

1.4.

Il-KESE japprezza l-fatt li l-proposta għal direttiva hija akkumpanjata minn pjan ta’ implimentazzjoni li jelenka l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-miżuri ta’ simplifikazzjoni u jidentifika l-isfidi prinċipali tal-implimentazzjoni tekniċi, legali u marbuta maż-żmien konnessi mal-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri ġodda.

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE bħala kontribut sinifikanti lejn l-implimentazzjoni tal-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) u l-programm għat-titjib tal-ambjent regolatorju tal-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Wara kontroll tal-idoneità dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri fl-UE, il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq sett ta’ proposti biex tissimplifika u tirrazzjonalizza l-qafas regolatorju eżistenti dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri fl-UE, sabiex ikun evitat l-irduppjar potenzjali ta’ obbligi u inkonsistenzi bejn biċċiet differenti ta’ leġislazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jinżammu r-regolamenti tal-UE u tiżgura l-applikazzjoni korretta tagħhom.

2.2.

L-għan ta’ dan il-pakkett ta’ proposti, li jinkludi emenda għad-Direttiva 2009/45/KE dwar rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passiġġieri, proposta għal Direttiva li tissostitwixxi d-Direttiva 1999/35/KE fuq bastimenti tal-passiġġieri li jipprovdu servizz regolari, u, l-aktar importanti, emenda għad-Direttiva 98/45/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri, huwa li jipprovdi għal skema ċara, sempliċi u aġġornata dwar qafas legali li huwa aktar faċli biex jintuża, jiġi mmonitorjat u infurzat, biex b’hekk jiżdied il-livell ġenerali ta’ sikurezza fis-settur tat-trasport marittimu.

2.3.

L-emendi proposti huma bbażati fuq il-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) u jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tal-programm għat-titjib tal-ambjent regolatorju tal-UE.

2.4.

Il-proposta twettaq l-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar billi tiżgura li l-leġislazzjoni eżistenti tkun sempliċi u ċara, ma toħloqx piż bla bżonn u żżomm il-pass mal-iżviluppi politiċi, soċjetali u teknoloġiċi li qed jevolvu. Twettaq ukoll l-għanijiet tal-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-2018 billi tiżgura servizzi bil-laneċ ta’ kwalità fit-trasport tal-passiġġieri regolari intra-UE.

3.   Id-dokument tal-Kummissjoni

3.1.

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tipprovdi għall-għadd u r-reġistrazzjoni tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn u minn portijiet tal-UE. Skont ir-rekwiżiti attwali, din l-informazzjoni trid tinħażen fis-sistema tal-kumpanija u tkun – f’kull waqt – disponibbli minnufih għat-trażmissjoni lill-awtorità kompetenti responsabbli għat-tiftix u s-salvataġġ. Barra minn hekk, id-data rreġistrata mhux dejjem tinkludi informazzjoni dwar in-nazzjonalità (minbarra l-isem, l-età u s-sess), u b’hekk ikun aktar diffiċli li l-vittmi u l-qraba tagħhom jingħataw l-għajnuna.

3.2.

Bħala riżultat, l-operaturi li diġà jittrażmettu data bħal din lin-National Single Window huma esposti għal sistema ta’ rappurtar doppju. Dan ir-rekwiżit jinjora l-iżvilupp ta’ sistemi bħal SafeSeaNet u n-National Single Window u jirrikjedi li l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkuntattja lill-kumpanija tat-trasport marittimu f’każ ta’ emerġenza. Dan jikkonforma għal kollox mal-programm REFIT tal-Kummissjoni u għandu l-għan li jisfrutta l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tar-reġistrazzjoni, tat-trażmissjoni, tal-aċċess u tal-protezzjoni tad-data.

3.3.

Operazzjoni effettiva ta’ tiftix u salvataġġ teħtieġ aċċess immedjat għal data preċiża fir-rigward tal-persuni abbord. It-test kurrenti tad-direttiva ma jiżgurax dan b’mod suffiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li r-rekwiżiti eżistenti jiġu aġġornati, iċċarati u ssimplifikati għall-għadd u għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ abbord vapuri tal-passiġġieri filwaqt li jitjieb il-livell ta’ sikurezza li jipprovdu.

3.4.

Ir-rekwiżit biex tiġi rreġistrata l-informazzjoni dwar il-persuni abbord f’sistema elettronika eżistenti (li f’każ ta’ emerġenza tippermetti li d-data tiġi aċċessata immedjatament mill-awtorità kompetenti) huwa meqjus bħala qabża ‘l quddiem meta mqabbel mal-livell attwali ta’ sikurezza, mingħajr ma jiġġenera spejjeż sinifikanti għall-operaturi jew għall-amministrazzjonijiet awtorizzati.

3.5.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi t-tneħħija tar-rekwiżit ta’ rappurtar doppju ta’ passiġġieri u tallinja r-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti għall-operaturi kollha, billi tippermetti li l-informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni abbord għandha tiġi rreġistrata f’sistema elettronika eżistenti. F’każ ta’ emerġenza jew inċident, dan jippermetti li d-data tintbagħat minnufih lill-awtorità kompetenti minflok tittieħed mis-sistema tal-kumpanija, qabel it-tluq jew il-wasla f’kull port tal-UE. Dan jiżgura wkoll li t-tagħrif meħtieġ dwar l-ekwipaġġ u l-passiġġieri — għal kull vjaġġ ta’ aktar minn għoxrin mil nawtiku — ser ikun irreġistrat fl-istess sistema elettronika minflok fis-sistema tal-kumpanija, qabel it-tluq jew il-wasla f’kull port tal-UE.

3.6.

Tipproponi wkoll dawn id-dispożizzjonijiet: l-evitar ta’ rduppjar u l-bżonn – li għal kull vjaġġ ta’ aktar minn għoxrin mil nawtiku – in-nazzjonalità tal-passiġġieri tkun reġistrata u trażmessa lil awtorità kompetenti, billi tuża l-istess mezzi u kriterji bħalma jintużaw fir-reġistrar u t-trażmissjoni ta’ data, isem, età, eċċ. (li hija diġà rekwiżita); li jiġu ċċarati d-definizzjonijiet tar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri fid-Direttiva 98/41/KE, bħat-tul tal-vjaġġ; it-tħassir tar-rekwiżit għall-approvazzjoni tas-sistemi tar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri mid-Direttiva 98/41/KE; u l-allinjament tal-mekkaniżmu tar-rappurtar tal-eżenzjonijiet/ekwivalenzi taħt id-Direttivi 2009/45/KE u 98/41/KE. Il-proposta tirfina wkoll id-definizzjonijiet u r-rekwiżiti korrispondenti tad-Direttiva 98/41/KE.

3.7.

Il-proposta tiżgura li l-kompetizzjoni tkun tista’ tkompli sseħħ fl-ilmijiet tal-UE bl-istess mod għall-operaturi kollha.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE bħala kontribut sinifikanti lejn l-implimentazzjoni tal-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) u l-programm għat-titjib tal-ambjent regolatorju tal-UE.

4.2.

Il-Kumitat iqis li l-użu propost ta’ metodi moderni ta’ komunikazzjoni elettronika għar-rappurtar huwa xieraq u se jżid l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta’ persuni li jbaħħru abbord bastimenti tal-passiġġieri.

4.3.

Il-KESE jemmen li l-emenda proposta se twassal għal sikurezza akbar għat-tbaħħir fl-ilmijiet tal-UE u se tikkontribwixxi biex tagħmel ix-xogħol ta’ salvataġġ aktar effiċjenti f’każ ta’ diżastri marittimi.

4.4.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li tiżdied in-nazzjonalità mal-informazzjoni rreġistrata sabiex, f’każ ta’ diżastri marittimi, il-familji jistgħu jkunu infurmati aktar malajr dwar qraba li kienu abbord u tkun tista’ tiġi evitata l-inċertezza dwar x’ġara minnhom.

4.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea, li matul il-preparazzjoni tal-emenda riveduta tad-direttiva wettqet konsultazzjonijiet immirati ma’ professjonisti li jaħdmu fl-industrija tat-tbaħħir kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-pubbliku li jivvjaġġa. Ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet jinġabru fil-qosor u huma evalwati fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jinsab anness mal-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE. Il-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet huma inkorporati fid-direttiva proposta.

4.6.

Il-KESE jikkunsidra li huwa neċessarju li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-data personali li hija suġġetta għal reġistrazzjoni, kif ukoll li d-Direttiva 98/41/KE tiġi aġġornata skont l-iżviluppi legali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari tar-Regolament futur (UE) 2016/679.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Fil-fehma tal-KESE, il-protezzjoni tal-informazzjoni personali għandha tkun kontrobilanċjata minn rekwiżiti rigward l-aċċessibbiltà ristretta għal din id-data li għandha tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fuq talba (il-mekkaniżmu ta’ skambju fil-każ ta’ emerġenza jew wara inċident tkun is-sistema SafeSeaNet kif definita fid-Direttiva 2002/59/KE). Bl-istess mod bħan-National Single Window, is-SafeSeaNet hija bbażata fuq id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali u tistipula sigurtà ddefinita b’mod ċar u drittijiet ta’ aċċess. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi speċifikat il-perjodu ta’ żamma fid-dettall fil-proposta għal Direttiva.

5.2.

Fil-fehma tal-KESE, it-trażmissjoni proposta lin-National Single Window għandha tiżgura b’mod rigoruż li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità (kif definiti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/65/UE) u li t-trażmissjoni tad-data tikkonforma mad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali.

5.3.

Il-KESE, b’konformità mar-riżultati ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar konsultazzjoni, jirrimarka fuq il-kwistjoni ta’ trasportaturi żgħar u l-ħtieġa li dawn jiġu protetti kontra żieda fil-burokrazija. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, li għandha tippermetti kumpaniji żgħar li jissodisfaw rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni permezz ta’ konnessjoni tal-Internet bħala alternattiva irħas u aktar flessibbli, jew jagħżlu li jittrażmettu l-għadd ta’ persuni abbord permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni awtomatika, sistema ta’ xandir marittima bbażata fuq it-trażmissjoni ta’ sinjali tar-radju ta’ frekwenza għolja ħafna. Dan jippermetti liċ-ċentru lokali tat-tiftix u s-salvataġġ biex faċilment jikseb data dwar in-numru ta’ persuni abbord, fi kwalunkwe ħin, irrispettivament mid-disponibbiltà ta’ persuna ta’ kuntatt.

5.4.

Il-KESE japprezza l-fatt li l-proposta għal direttiva hija akkumpanjata minn pjan ta’ implimentazzjoni li jelenka l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-miżuri ta’ simplifikazzjoni u jiġu identifikati l-isfidi prinċipali tal-implimentazzjoni tekniċi, legali u marbuta maż-żmien konnessi mal-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri ġodda.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


  翻译: