10.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/109 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008”
[COM(2016)0493 final – 2016/0238 (COD)]
(2017/C 075/18)
Relatur: |
is-Sur Thomas McDONOGH |
Konsultazzjoni |
Parlament, 12.9.2016 Kunsill, 26.9.2016 |
Bażi legali |
Artikolu 43(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Deċiżjoni tal-Bureau |
20/09/2016 |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
24.11.2016 |
Adottata fil-plenarja |
14.12.2016 |
Sessjoni plenarja Nru |
521 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
211/1/3 |
1. Kummenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali u speċifiċi
1.1. |
Il-Politika Komuni tas-Sajd ġiet introdotta fis-snin 60 u 70 u teħtieġ rieżami kontinwu. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon dan il-proċess għall-aġġornament tal-politika biex jinżamm il-pass mal-bidliet teknoloġiċi, bil-għan li titjieb il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni, li ħafna minnhom huma ssuġġeriti fir-rapport WGNSSK tal-2016 (1). Dan għandu jgħin sabiex il-liġi Ewropea dwar is-sajd tiġi aġġornata u tiġi protetta industrija siewja ħafna. |
1.2. |
Is-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u ż-żoni li jmissu miegħu huwa kumpless ferm, u jinvolvi bastimenti minn tal-inqas seba’ Stati Membri kostali, kif ukoll min-Norveġja, li jużaw varjetà wiesgħa ta’ rkapti differenti li jimmiraw għal medda wiesgħa ta’ speċijiet differenti ta’ ħut u ta’ frott tal-baħar bil-qoxra. Kwistjoni ewlenija hija li ħafna mill-iżjed stokkijiet demersali importanti (jiġifieri dawk li jgħixu f’qiegħ il-baħar jew qribu) jinqabdu fis-sajd imħallat. Fil-prattika, dan ifisser li kull darba li bastiment jiġbed l-irkaptu tiegħu, il-qabda tiegħu tkun tikkonsisti minn taħlita ta’ speċijiet differenti. Il-kompożizzjoni ta’ din it-taħlita tinbidel skont it-tip ta’ rkaptu li jintuża, u skont meta u fejn jintuża. |
1.3. |
Għall-bastimenti li jaqbdu stokkijiet tal-ħut soġġetti għall-qabdiet totali permissibbli (TACs), dan ifisser li jeħtieġ li jieqfu jistadu ladarba l-kwota tagħhom għal dak l-istokk tkun ġiet eżawrita. Qabel l-adozzjoni tar-Regolament Bażiku (2), il-bastimenti ma kienx ikollhom jieqfu jistadu ladarba l-kwota tagħhom għal waħda minn dawn l-ispeċijiet tkun ġiet eżawrita. Minflok, setgħu jkomplu jistadu għal speċijiet oħrajn fil-mira u, b’riżultat ta’ dan, kienu jkomplu jaqbdu l-ispeċijiet li għalihom kienu diġà nqabżu l-kwoti, anke jekk ma setgħux legalment iħottu l-art dawn il-qabdiet. Dawn il-qabdiet li jaqbżu l-kwota kien ikollhom jiġu skartati. Ladarba l-kwota għal dak l-istokk tkun ġiet eżawrita, ittemm l-opportunitajiet biex jitkompla s-sajd għal stokkijiet oħrajn. Għalhekk, ikun tajjeb li jitqies il-fatt li xi stokkijiet jinqabdu flimkien f’sajd imħallat meta jiġu stabbiliti t-TACs għal dawn l-istokkijiet. Dan l-approċċ għandu jkollu vantaġġi kemm għall-konservazzjoni kif ukoll għall-isfruttar tal-istokkijiet. Din il-proposta tieħu dan l-approċċ. |
1.4. |
Ir-Regolament Bażiku għandu l-għan li jsolvi l-problemi tas-sajd eċċessiv u r-rimi tal-ħut b’mod aktar effettiv mil-leġislazzjoni preċedenti. Għalhekk, għandhom jittieħdu l-miżuri adatti sabiex jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi għall-industrija tas-sajd. L-ewwel pass lejn ġestjoni adattiva bħal din ikun li l-istokkijiet rilevanti kollha jiġu inkorporati fi pjan ta’ ġestjoni wieħed. Dan ikun jinkludi l-miri tal-mortalitajiet mis-sajd espressi f’meded għal kull wieħed mill-istokkijiet, fejn ikunu disponibbli, li jkun il-bażi għall-istabbiliment tat-TACs annwali għal dawk l-istokkijiet. |
2. Kummenti u rakkomandazzjonijiet oħrajn
2.1. |
Għandha tiġi stabbilita kummissjoni indipendenti biex tirrevedi l-kwoti nazzjonali. Madankollu, ir-riġenerazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut ma tiddependix biss mill-mortalità mis-sajd iżda wkoll minn fatturi oħra bħat-tibdil fil-klima. Kwalunkwe approċċ favur is-sajd sostenibbli ser jitlob l-adattament tal-bastimenti u l-irkaptu tas-sajd (li jiswa l-flus), data xjentifika soda u miżuri kontinwi favur it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni fost is-sajjieda. L-aspett soċjali tas-sajd jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll peress li s-sajjieda fuq skala żgħira qed jitilfu xogħolhom. Hija prijorità ż-żamma tal-impjiegi eżistenti fil-komunitajiet f’bosta żoni kostali fl-UE li jiddependu mis-sajd. |
2.2. |
Jeħtieġ li ssir aktar riċerka dwar l-effetti tat-trobbija tal-ħut fuq l-istokkijiet selvaġġi. Is-salamun selvaġġ huwa fil-periklu tal-estinzjoni – l-aktar minħabba s-sajd eċċessiv u r-regolazzjoni fqira, iżda l-effett tal-farms tal-ħut fuq is-salamun selvaġġ mhuwiex magħruf. Bis-saħħa ta’ kummerċjalizzazzjoni adegwata, is-salamun selvaġġ għandu jikseb prezz primjum meta mqabbel mas-salamun imrobbi. Is-sajd sportiv jagħmel kontribuzzjoni kbira ħafna għall-ekonomija f’żoni iżjed imbiegħda: huwa stmat li kull salamun selvaġġ maqbud jikkontribwixxi medja ta’ EUR 1 200 lill-ekonomija lokali bis-saħħa tal-pagi lill-persuni li jagħmluha ta’ gwida fuq spedizzjonijiet tas-sajd, l-akkomodazzjoni, it-trasport, eċċ. |
2.3. |
Jeħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jitreġġa’ lura t-tnaqqis fis-sajd tas-sallur. Il-problema tal-qbid ta’ ħut li għadu qed jikber għandha tiġi ttrattata billi jiżdied id-daqs minimu tal-malji tax-xibka. Għandu jkun hemm restrizzjonijiet fuq ix-xbieki tal-għażel “monofilament” (mono-filament nets). |
2.4. |
Il-penali għandhom jiżdiedu għall-ksur tal-liġijiet tas-sajd. Għandhom jittieħdu miżuri qawwija kontra l-impjieg tal-immigranti illegali fuq id-dgħajjes tas-sajd, li ħafna minnhom lanqas biss jitħallsu u li tista’ tgħid huma priġunieri peress li l-passaporti tagħhom jiġu ssekwestrati (dan ġara lil persuni mill-Amerika Ċentrali). Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-baħar għandhom jirrispettaw l-ogħla standards tal-UE. Dan japplika wkoll għall-ħaddiema li mhumiex fl-UE. |
Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Ir-rapport tal-ICES (Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar), Grupp ta’ Ħidma dwar il-Valutazzjoni tal-Istokkijiet Demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u Skagerrak, imlaqqa’ f’Hamburg, il-Ġermanja, mis-26 ta’ April sal-5 ta’ Mejju 2016.
(2) Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22-61).