31.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro”

[COM(2016) 726 final]

u dwar

“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro”

[COM(2016) 727 final]

(2017/C 173/06)

Relatur:

Javier DOZ ORRIT

Korelatur:

Petr ZAHRADNÍK

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 27.1.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

2.2.2017

Adottata fil-plenarja

22.2.2017

Sessjoni plenarja Nru

523

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

218/4/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tapplika politika ekonomika li tiffoka fuq l-appoġġ għal tkabbir b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv fiż-żona tal-euro kif ukoll taħlita bilanċjata ta’ strumenti monetarji, fiskali u strutturali sabiex dan ikun jista’ jintlaħaq, inkluża pożizzjoni fiskali pożittiva.

1.2.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ bi pjaċir r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro li tirrispetta wkoll l-għanijiet ta’ sostenibbiltà fiskali fit-tul.

1.3.

Il-KESE jixtieq iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu vantaġġ sħiħ mir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati tal-UE, bl-impenn tagħhom, fost affarijiet oħra, li jtejbu l-benesseri, il-progress soċjali u l-ġustizzja soċjali minn naħa, u l-prosperità u l-kompetittività ekonomika min-naħa l-oħra, kif ukoll is-setgħat tagħha li żdiedu reċentement fl-interpretazzjoni flessibbli tar-regoli fiskali sabiex ikunu permessi żidiet sinifikanti fl-investiment pubbliku li, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-miri tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST).

1.4.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-enfasi dwar iż-żieda fl-investiment u dwar żvilupp fuq il-Pjan ta’ Investiment eżistenti. Dan għandu jiġi ffinanzjat b’mod adatt sabiex iwassal għal żieda sinifikanti fis-self tal-BEI meta mqabbel mas-snin reċenti. L-istrutturi ta’ governanza għandhom jiżguraw li l-fondi jkunu diretti b’mod adegwat lejn pajjiżi li fihom l-investiment naqas b’mod partikolarment qawwi. Dawn il-miżuri jridu jiġu kkombinati ma’ riformi strutturali adegwati li jippromovu t-tkabbir, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali.

1.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-talba tal-Kummissjoni Ewropea biex isir aġġustament simmetriku tad-defiċits fil-kontijiet kurrenti fi ħdan iż-żona tal-euro. Dan għandu jiġi kondiviż kemm mill-Istati Membri b’defiċits kif ukoll dawk b’eċċessi. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif se jagħmlu dawn l-aġġustamenti, f’konformità mal-orjentazzjoni ġenerali komuni.

1.6.

Għandha ssir enfasi fuq ir-riformi strutturali li jistgħu jistimolaw id-domanda u t-tkabbir anke fuq perjodu ta’ żmien qasir, filwaqt li jiġu evitati dawk li x’aktarx jipperikolaw it-tkabbir billi jżidu l-inċertezzi tal-impjieg u tad-dħul. Ir-riformi strutturali adottati għandu jkollhom il-potenzjal li jwasslu għal titjib tanġibbli fil-kundizzjonijiet tan-negozju, inaqqsu l-ostakli għall-investiment u jikkontribwixxu għall-ikkompletar tas-suq uniku tal-UE fl-aspetti kollha tiegħu.

1.7.

It-tkabbir tal-produttività għandu jkun għan prijoritarju tar-riformi strutturali. Dawn għandhom jiżguraw il-kondiviżjoni ġusta ta’ kwalunkwe qligħ mill-produttività sabiex tiġi żgurata domanda aktar b’saħħitha u titjib min-naħa tal-provvista.

1.8.

L-irkupru u ż-żieda fit-tkabbir fil-produttività u l-PDG għandhom jitqiesu bħala l-mezz ewlieni biex jerġgħu jissaħħu l-ekonomiji li jsofru mill-ogħla livelli ta’ dejn.

1.9.

Ir-riformi li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja (jiġifieri stabbli, imħallsa b’mod ġust) għandhom jingħataw prijorità.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li t-tisħiħ u l-promozzjoni tad-djalogi soċjali u tas-soċjetà ċivili kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak taż-żona tal-euro huma ta’ importanza kbira sabiex ikun hemm qbil u jiġu implimentati b’suċċess il-politiki meħtieġa għall-irkurpu u għas-sostenibbiltà ekonomika fit-tul.

1.11.

Miżuri effettivi kontra l-ħasil tal-flus, l-offiżi tat-taxxa, l-użu ta’ rifuġji fiskali u kompetizzjoni tat-taxxa inġusta bejn l-Istati Membri se jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PST.

1.12.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u jitlob li tinħoloq garanzija ta’ kontinġenza komuni sabiex jitħaffef il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-unjoni bankarja. Għandhom jittieħdu passi deċiżivi sabiex tissolva l-problema ta’ self improduttiv, filwaqt li fl-istess ħin jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumatur u jiġu rispettati l-prinċipji rilevanti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.13.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, inkluż Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, aktar flessibbiltà fiskali u kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro, b’mod partikolari billi jiġi promoss l-istabbiliment ta’ Teżor tal-Euro, li finalment għandu joħroġ bonds komuni, taħt kontroll demokratiku u politiku b’saħħtu.

1.14.

Il-KESE jitlob li jkun hemm aktar titjib tas-Semestru Ewropew li jkun fih rwol ta’ koordinazzjoni msaħħaħ tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll impenn ċar tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-politiki li jaqblu dwarhom fil-livell tal-Kunsill, u b’hekk tiġi evitata l-inċertezza u jinħoloq ambjent ta’ investiment favorevoli.

2.   Kuntest

2.1.

Wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti, hemm impenn taħt is-Semestru Ewropew biex tissaħħaħ l-integrazzjoni bejn iż-żona tal-euro u l-livelli nazzjonali. Bħal fl-2016, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017 huwa akkumpanjat minn rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. L-għan huwa li tingħata opportunità għal diskussjoni bikrija u ffukata dwar iż-żona tal-euro kollha kemm hi, qabel isiru d-diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, sabiex b’hekk l-isfidi komuni jkunu riflessi b’mod sħiħ fl-azzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

2.2.

Għas-Semestru Ewropew 2017, il-Kummissjoni ppreżentat il-ħames rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro:

Jiġu segwiti l-politiki li jappoġġjaw it-tkabbir u l-konverġenza u jitneħħew l-ostakli għall-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-pajjiżi b’defiċits fil-kontijiet kurrenti jew dejn barrani għoli għandhom ifittxu li jżidu l-produttività, filwaqt li l-pajjiżi b’eċċessi fil-kontijiet kurrenti għandhom iżidu d-domanda u l-investiment domestiku;

Tinkiseb pożizzjoni fiskali pożittiva ġenerali li tappoġġja r-riformi u ssaħħaħ l-irkupru. Jiġu kkombinati sforzi nazzjonali differenzjati sabiex tiġi żgurata kemm sostenibbiltà fiskali fit-tul kif ukoll stabbilizzazzjoni makroekonomika. Tittejjeb il-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi;

Jiġu implimentati riformi li jippromovu l-ħolqien tal-impjiegi, il-ġustizzja u l-konverġenza soċjali, u t-taxxi jiġu orjentati lil hinn mill-impjiegi, b’mod partikolari għal impjiegi bi dħul baxx;

Jintlaħaq qbil dwar Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) u tibda l-ħidma dwar il-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Jiġu indirizzati r-riskji għall-vijabbiltà tas-settur bankarju u jiġi promoss diżingranaġġ tad-dejn privat għoli f’mod ordnat;

Jiġi aċċellerat l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, inkluż billi jiġu implimentati l-azzjonijiet li jkun baqa’ taħt l-istadju 1 tar-Rapport tal-Ħames Presidenti.

2.3.

Karatteristika ġdida tas-Semestru Ewropew 2017 hija l-Komunikazzjoni “Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro”. F’dan id-dokument il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ pożizzjoni fiskali pożittiva, filwaqt li tara wkoll tieqa ta’ opportunità sabiex din tkun tista’ tinkiseb. Sabiex tinkiseb pożizzjoni fiskali bħal din, iż-żona tal-euro għandha tadotta approċċ aktar kollettiv li jqis id-differenzi fis-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi. Il-Kummissjoni tirrakkomanda espansjoni fiskali sa 0,5 % tal-PDG fl-2017 għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, wara li stabbiliet faxxa bejn 0,3 % u 0,8 % sabiex tippermetti divrenzjar fost il-pajjiżi b’riskji differenti f’termini tal-istabbiltà makroekonomika u s-sostenibbiltà fiskali tagħhom.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis b’mod pożittiv it-talba tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ pożizzjoni fiskali pożittiva fiż-żona tal-euro. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li jekk tiġi limitata l-espansjoni fiskali għaż-żewġ jew it-tliet Stati Membri li attwalment għandhom spazju fiskali skont ir-regoli fiskali tal-UE, x’aktarx li ma tinkisibx il-pożizzjoni fiskali ġenerali li hija proposta. It-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku taż-żona tal-euro u tal-UE huwa essenzjali f’mument ta’ kriżi politika u inċertezzi, imħeġġa mill-Brexit u mill-politiki tal-gvern il-ġdid tal-Istati Uniti, b’mod partikolari l-politiki kummerċjali protezzjonisti. L-espansjoni tal-baġit u żieda akbar fl-investimenti pubbliċi u privati għandhom iħeġġu d-domanda domestika, fattur kruċjali għal tkabbir sod. Għal dan ser jikkontribwixxu wkoll ir-riformi strutturali li għandhom bħala għan iż-żieda fil-produttività, it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-attivitajiet intraprenditorjali u t-tneħħija tal-ostakli għall-investiment.

3.2.

Din il-bidla fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro hija konformi mal-Opinjoni preċedenti tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (1), li argumentat favur l-użu effettiv tal-politiki fiskali biex jiġi appoġġjat l-irkupru taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Il-pożizzjoni fiskali pożittiva proposta mill-Kummissjoni Ewropea hija modesta iżda – sakem tkun ikkombinata mal-użu effettiv tal-Pjan ta’ Investiment u tal-FEIS – din tista’ tgħin biex jingħelbu l-aktar problemi profondi ta’ tkabbir kajman, staġnar parzjali u diverġenzi kontinwi fil-livelli ta’ prestazzjoni ekonomika fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro.

3.3.

Il-KESE jinnota li pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, għandha titqies bħala strument għal perjodu ta’ żmien qasir jew medju li għandu jkun kompatibbli mas-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Fis-sitwazzjoni attwali, id-defiċit tal-PDG u l-miri tad-dejn għandhom jiġu applikati b’mod flessibbli, filwaqt li jitqiesu l-miri u l-għanijiet tal-UE b’mod ġenerali u tal-UEM u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, kif imsemmi fl-Artikoli 119 u 120 tat-TFUE.

3.4.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea taqdi r-rwol tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi l-għanijiet li jkun hemm titjib fil-benesseri, il-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali, u jagħraf li l-limiti numeriċi speċifiċi imposti mill-PST u l-implimentazzjoni riġida tiegħu la huma adatti u lanqas meħtieġa fiċ-ċirkostanzi attwali ta’ staġnar u r-rati tal-imgħax storikament baxxi, konklużjoni li hija kondiviża, fost oħrajn, mal-OECD. It-titjib fil-benesseri, il-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali huwa kompatibbli għal kollox mat-tkabbir ekonomiku u tal-produttività.

3.5.

Il-KESE jipproponi li r-Regola tad-Deheb tiġi adottata fl-implimentazzjoni tal-PST, fejn l-investiment pubbliku li se jikkontribwixxi għat-titjib tal-potenzjal tat-tkabbir, u l-kompetittività ekonomika ma għandhiex titqies fil-miri tad-defiċits tal-PST. Il-KESE jtenni l-kummenti li għamel fl-opinjonijiet tiegħu dwar il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), u dwar l-estensjoni tad-durata tal-FEIS (2): huwa meħtieġ investiment pubbliku ogħla biex jistimola t-tkabbir fuq perjodu ta’ żmien qasir jew twil, u dan tal-aħħar huwa kundizzjoni meħtieġa għall-konsolidazzjoni tal-baġit pubbliku.

3.6.

Il-KESE iwissi li f’każ li l-politiki ekonomiċi ma jitmexxewx bl-għan li jippromovu l-objettivi ġenerali tal-UE u tal-UEM, inkluż fil-White Paper li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa, dan jista’ ma jrażżanx il-firxa ta’ sentiment kontra l-UE u kontra l-UEM. Dan jista’ jkun partikolarment problematiku minħabba l-isfidi attwali li jirriżultaw, fost affarijiet oħra, mill-iżviluppi ġeopolitiċi fil-viċinat tal-UE, mill-mewġiet tar-refuġjati u tal-migranti, u mit-tibdil fil-klima. Hija biss Ewropa magħquda u ekonomikament b’saħħitha b’appoġġ popolari b’saħħtu li jista’ jirnexxielha ddawwar tali sfidi f’opportunitajiet. L-istituzzjonijiet Ewropej, f’kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili impenjata għall-proġett Ewropew, għandhom jistinkaw sabiex, permezz ta’ mezzi tekniċi adatti, jittrażmettu lill-Ewropej kollha l-affarijiet pożittivi kollha li l-UE hija mistennija tagħmel għalihom fl-oqsma tal-politiki u tal-ekonomija.

3.7.

Strument li jista’ jikkontribwixxi għall-irkupru tat-tkabbir u t-tnaqqis tad-diverġenzi għandu jkun il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. S’issa, il-livell ta’ finanzjament kien ifisser li seta’ jżomm biss livelli ta’ krediti tal-passat mill-BEI b’tendenza qawwija lejn investiment f’pajjiżi li jinsabu fl-inqas diffikultà. Dan għandu jiġi indirizzat b’urġenza, billi tiġi żgurata biżżejjed flessibbiltà fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’rabta mal-investiment pubbliku neċessarju sabiex b’hekk il-livelli ta’ investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-infrastruttura u l-proġetti ffinanzjati mill-FEIS jiżdiedu b’mod deċiżiv fiż-żona tal-euro kollha, filwaqt li jiġi mħeġġeġ l-investiment fi proġetti innovattivi tas-settur privat.

3.8.

Il-politika fiskali, b’tassazzjoni progressiva, hija element ewlieni fil-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali. F’dan il-kuntest, sistema ottimali, moderna u li tistimola t-tkabbir hija ta’ importanza fundamentali. It-tnaqqis fit-tassazzjoni fuq l-aktar dħul baxx jista’ jikkontribwixxi għall-istabbiltà makroekonomika kif ukoll jaġixxi bħala inċentiv akbar għall-impjieg bi ħlas. Madankollu, kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa għandu jkun akkumpanjat minn sorsi tat-taxxa alternattivi sabiex ikun żgurat li jiġu evitati d-defiċits tal-baġit.

3.9.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-istedina tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri b’defiċits fil-kontijiet kurrenti u dejn barrani għoli biex jiffukaw fuq it-titjib tat-tkabbir tal-produttività. F’dan il-kuntest, jinnota li ridistribuzzjoni ġusta tad-dħul u l-ġid li jirriżultaw miż-żieda fil-produttività għandha żżid l-ugwaljanza u tħalli impatt pożittiv fuq id-domanda domestika u aggregata fiż-żona tal-euro. Huwa importanti li tiġi stimolata d-domanda domestika bħala kundizzjoni meħtieġa biex jiġi appoġġjat it-tkabbir u biex tingħeleb il-kriżi.

3.10.

Il-KESE jemmen li fir-riformi strutturali għandha tingħata prijorità lil dawk ir-riformi li jsaħħu t-tkabbir tal-produttività iżda wkoll li jsaħħu s-sigurtà tal-impjieg u s-sistema tal-protezzjoni soċjali fi ħdan il-qafas ta’ kundizzjonijiet tan-negozju adatti. L-ebda pajjiż taż-żona tal-euro ma jista’ jikkompeti fid-dinja moderna abbażi ta’ pagi baxxi u impjieg okkażjonali. L-enfasi għandha tkun fuq riformi li jikkombinaw flessibbiltà negozjata mas-sigurtà sabiex jissaħħu, u jinħolqu inċentivi għat-tisħiħ tal-ħiliet u tal-innovazzjoni. Ir-riformi tas-suq tax-xogħol għandhom jippromovu aktar stabbiltà tal-impjieg, li tgħin biex ittejjeb kemm in-naħa tal-provvista kif ukoll dik tad-domanda tal-ekonomija taż-żona tal-euro, anke fuq perjodu ta’ żmien qasir.

3.11.

Il-KESE jenfasizza għal darb’oħra (3) li s-sitwazzjoni ħażina attwali taż-żona tal-euro hija dovuta għad-domanda dgħajfa, li fiha nfisha hija r-riżultat ta’ politiki fiskali u aġġustament asimmetriku tal-bilanċ tal-kontijiet kurrenti (ibbażat l-aktar fuq l-ispejjeż tax-xogħol) li kienu segwiti fis-snin preċedenti matul l-akbar reċessjoni li qatt kien hemm wara l-gwerra, u mhux minħabba nuqqas ta’ sforzi għal riformi min-naħa tal-Istati Membri. Il-Kumitat jenfasizza għal darb’oħra li r-riformi strutturali li jimmiraw lejn in-naħa tal-provvista tal-ekonomiji mhux se jkunu effettivi biżżejjed biex jistomolaw l-investiment u t-tkabbir sakemm ma tiġix adottata u tinżamm pożizzjoni fiskali espansjonarja fiż-żona tal-euro sakemm l-irkupru jkun miexi ġmielu.

3.12.

Il-KESE jiddispjaċih li matul il-kriżi, id-djalogi soċjali u tas-soċjetà ċivili ġew kompromessi, jekk mhux imwarrba kompletament fl-Istati Membri, b’mod partikolari dawk fejn kellu jingħata appoġġ finanzjarju, u dawk li għaddew minn riformi soċjali u tas-suq tax-xogħol fuq skala kbira. Xi indikaturi ewlenin li jirriflettu l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’bilanċ bejn l-imsieħba soċjali għandhom jiġu rrakkomandati għal inklużjoni fil-paradigma tas-Semestru Ewropew. Il-KESE jinnota li, bħalissa, il-proċeduri għad-djalogu soċjali mhumiex garantiti fl-UE u f’ħafna Stati Membri, u b’hekk l-imsieħba soċjali ma jistgħux jieħdu sehem b’mod effettiv fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

3.13.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika taħt is-Semestru Ewropew għandha tittejjeb u li r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fiha għandu jissaħħaħ. Sabiex isaħħu l-kredibbiltà fil-proċess, l-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenji tagħhom li ħadu fil-laqgħat tal-Kunsill.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea għall-ikkompletar tal-unjoni bankarja, jiġifieri billi tiġi stabbilita skema ta’ assigurazzjoni tad-depożiti komuni u garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dawn il-passi huma essenzjali sabiex jittaffa l-piż fuq il-baġits tal-gvern nazzjonali relatati biex jassiguraw il-ġid pubbliku ta’ stabbiltà tas-sistema bankarja. Dawn huma aktar importanti fid-dawl tal-fatt li, għalissa, il-progress biex tintlaħaq unjoni politika mhuwiex fuq l-aġenda.

4.2.

Il-KESE jinnota wkoll li l-kwistjoni ta’ self improduttiv tal-banek hija ta’ importanza kbira għall-ikkompletar tal-politiki li għandhom l-għan li jniedu mill-ġdid it-tkabbir. Sabiex il-problema tiġi indirizzata għandhom jittieħdu passi minnufih, filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu l-aspetti tal-protezzjoni tal-konsumatur.

4.3.

Il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa qegħdin iwasslu għal tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, li għandu impatt negattiv ħafna fuq l-ilħuq tal-għanijiet tal-PST u l-kapaċità li jiżdied l-investiment pubbliku. B’mod partikolari, ir-rifuġji fiskali huma essenzjali għall-operazzjonijiet ta’ evażjoni tat-taxxa fuq skala kbira u r-reati relatati magħhom (eż. il-ħasil tal-flus). It-twaqqif tal-użu tar-rifuġji fiskali għandu jkun prijorità. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u taż-żona tal-euro jadottaw u jimplimentaw direttivi għal dan il-għan mingħajr dewmien.

4.4.

Kompetizzjoni fiskali inġusta bejn l-Istati Membri tfixkel il-kapaċità ta’ ġbir ta’ taxxi ta’ numru ta’ Stati Membri u, għalhekk, il-kapaċita tagħhom li jilħqu l-għanijiet tal-PST. Il-KESE jemmen li l-awtoritajiet tal-UE, għandhom jieħdu passi raġonevoli u bilanċjati biex itemmu l-prattiki ta’ kompetizzjoni fiskali inġusta, skont ir-rakkomandazzjonijiet mill-OECD u l-FMI.

4.5.

Filwaqt li jagħraf l-isforz enormi biex jissaħħaħ u jiġi żviluppat aktar l-euro kif hemm bżonn bħalissa u se jkun meħtieġ fil-futur qarib sabiex tingħata prosperità u stabbiltà fit-tul għaż-żona tal-euro, il-KESE jemmen li l-għanijiet li ġejjin, fost oħrajn, huma mixtieqa:

L-istabbiliment ta’ rappreżentanza esterna unifikata għaż-żona tal-euro fil-fora internazzjonali (Fond Monetarju Internazzjonali, OECD, eċċ) (4);

L-iżvilupp ta’ flessibbiltà fiskali u kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro, inkluża l-possibbiltà li jinħarġu eurobonds permezz ta’ passi istituzzjonali potenzjali bħall-ħolqien ta’ teżor komuni għaż-żona tal-euro (5);

It-tisħiħ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali permezz ta’ djalogu soċjali adatt u bl-involviment tal-imsieħba soċjali fl-inizjattivi leġislattivi kollha (6);

Il-ħolqien ta’ proċess speċifiku ta’ djalogu makroekonomiku għaż-żona tal-euro kif issuġġerit f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (7);

It-tisħiħ tal-kontroll demokratiku fuq il-politiki tal-UE (8).

Brussell, it-22 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 41.

(2)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27ĠU C 75, 10.03.2017, p. 57.

(3)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 41.

(4)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 16.

(5)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33, u ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8.

(6)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10, u l-opinjoni tal-KESE dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).

(7)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33ĠU C 177, 18.5.2016, p. 35.

(8)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8.


  翻译: