31.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 288/75 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021”
(COM(2017) 54 final — 2017/0017 (COD))
(2017/C 288/10)
Relatur: |
Thomas KROPP |
Konsultazzjoni |
Il-Kunsill, 21/02/2017 Il-Parlament, 13/02/2017 |
Bażi legali |
L-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Deċiżjoni tal-Bureau |
21/02/2017 |
|
|
Sezzjoni responsabbli |
L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
17/05/2017 |
Adottata fil-plenarja |
31/05/2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
526 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
192/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Għalkemm l-emendi proposti mill-Kummissjoni se jkollhom l-effett li jżommu qafas regolatorju speċifiku biss għal linji tal-ajru li joperaw titjiriet fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) wara l-2017, l-emendi ssuġġeriti jwittu t-triq għall-appoġġ u l-implimentazzjoni sostnuta mill-UE tal-iskema globali bla tfixkil ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (1) mill-2020. |
1.2 |
Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni (il-Proposta) b’xi riżervi. Jekk tiġi adottata, l-ambizzjonijiet ambjentali tal-Iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS) ikunu inqas mill-ambitu sħiħ tal-EU ETS, u skema bħal din tista’ b’xi mod tagħmel ħsara lill-miri tal-klima domestiċi kif ukoll l-impenji internazzjonali tal-UE; iżda fl-istess waqt, l-UE tista’ turi b’mod kredibbli l-appoġġ tagħha għall-miżura globali sabiex l-impatt ta’ tnaqqis globali jkun jista’ jiġi segwit. |
1.3 |
It-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS attwali għall-avjazzjoni sabiex tkopri t-titjiriet kollha li jkunu deħlin u ħerġin minn u lejn iż-ŻEE joħloq ir-riskju ta’ tilwimiet kummerċjali internazzjonali dwar il-validità tal-applikazzjoni unilaterali ekstraterritorjali tal-għanijiet tal-UE, u dewmien tal-proċess ta’ lħuq ta’ kunsens sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi ta’ skema li dwarha jkun hemm ftehim multilaterali. |
1.4 |
L-azzjoni tal-UE hija meħtieġa sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku fl-avjazzjoni meta timplimenta l-miżura globali bbażata fuq is-suq fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li jkun żgurat li l-integrità ambjentali ta’ CORSIA huwa għoli kemm jista’ jkun abbażi tal-esperjenza tal-ETS. Id-dibattitu politiku dwar il-funzjonalità ta’ triq ’il quddiem separata u speċifika għall-UE jrid iqis l-iżvilupp ta’ CORSIA u jekk eventwalment tilħaq l-objettivi tagħha. |
1.5 |
Hemm il-ħtieġa ta’ urġenza fil-proċess leġislattiv. L-adozzjoni tal-Proposti hija meħtieġa qabel tmiem l-2017 sabiex il-miżuri preparatorji għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA jkunu jistgħu jittieħdu sa mill-bidu tal-2018. Ir-regolamenti speċifiċi għall-UE għandhom jitqiesu u jiġu emendati biss biex jiġu promossi miżuri globali bbażati fuq is-suq. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex iżommu l-momentum għall-implimentazzjoni f’waqtha ta’ CORSIA b’mod uniformi u mingħajr distorsjoni. |
1.6 |
Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ ibbilanċjat kif propost mill-Kummissjoni, li jżomm l-ingranaġġ li l-Kummissjoni bniet mal-EU ETS, iżda jindirizza kwistjoni globali madwar id-dinja, u b’hekk inaqqas ir-riskju kontinwu ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju u l-iżvantaġġi kompetittivi għall-Ewropa. Il-Kummissjoni hija mitluba tinforma lill-konsumatur li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali huma kwistjoni globali. Jekk tiġi trattata b’mod adatt mill-Istati Membri kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), CORSIA se twassal għal tkabbir newtrali mil-lat tal-karbonju li jissepara t-tkabbir fit-traffiku miż-żieda fl-emissjonijiet, irrispettivament minn fejn isir l-ivvjaġġar bl-ajru. |
1.7 |
Il-Kumitat iddeċieda li jorganizza konferenza tal-KESE bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha biex jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata dwar il-konsegwenzi politiċi, soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ din l-inizjattiva regolatorja. |
2. Sfond
2.1 |
L-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) ġiet introdotta fl-2005; ħolqot limiti massimi għall-emissjonijiet ta’ setturi industrijali fi ħdan iż-ŻEE. Il-limitu massimu jikkonsisti fi kwoti li, fit-totalità tagħhom, huma daqs l-ammont ta’ tunnellati ta’ CO2 li jista’ jiġi emess taħt dak il-limitu. Il-limitu massimu ġenerali jitnaqqas kull sena b’1,74 %, u b’hekk jibbenefikaw l-industriji li għandhom bżonn inqas kwoti u jobbliga lill-industriji li jniġġsu biex jixtru aktar kwoti. L-iskema teħtieġ li l-gvernijiet jistabbilixxu kif il-miri prevalenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jistgħu jinkisbu, b’tali mod li t-totalità tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-UE titnaqqas. |
2.2 |
Fl-2008, l-UE qablet li tinkludi l-avjazzjoni bħala settur fl-ETS tagħha mill-2012. Għall-ewwel darba, settur kellu l-kompitu li jaderixxi mal-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, bil-kontra tal-Istati Membri. L-emissjonijiet tal-avjazzjoni kienu proviżorjament limitati taħt il-livell medju bejn l-2004 u l-2006. Il-limitu massimu fuq permessi fis-settur tal-avjazzjoni kien separat mil-limitu massimu fuq l-emissjonijiet globali tal-EU ETS. Skont l-ETS għall-avjazzjoni, mill-2012, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru ġew obbligati jissottomettu kwoti ta’ emissjonijiet għal kull tunnellata ta’ CO2 emess għal titjiriet lejn jew minn ajruport fi ħdan iż-ŻEE. Sabiex ilaħħqu maż-żieda fit-traffiku, u għalhekk il-ħtieġa għal tkabbir fis-settur tal-avjazzjoni, il-linji tal-ajru ngħataw id-dritt li jixtru provvisti addizzjonali ta’ kwoti mill-irkanti fejn setturi oħrajn ippermettu li jkun hemm permessi disponibbli. Il-limitu massimu għal kwoti tal-avjazzjoni tnaqqas minn 97 % ta’ emissjonijiet storiċi (bejn 2004-2006) fl-2012 għal 95 % ta’ dik il-bażi fil-fażi mill-2013-2020. Matul dan iż-żmien, 82 % tal-kwoti ġew allokati bla ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u 15 % inbiegħu bl-irkant. |
2.3 |
L-inklużjoni tal-avjazzjoni fi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet kontroversjali ħafna. Id-diffikultajiet huma inerenti fin-natura stess tal-avjazzjoni bħala industrija internazzjonali ta’ servizz, l-emittenti ta’ CO2 li huma mobbli, u b’hekk għal gvern nazzjonali l-funzjoni tal-allokazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fi spazju tal-ajru partikolari hija diffiċli. Madankollu, fil-livell internazzjonali ħadd ma jista’ jmeri diversi kwistjonijiet: |
2.3.1 |
L-Avjazzjoni hija responsabbli għal mill-inqas 2 % tal-emissjonijiet globali, u l-avjazzjoni internazzjonali tirrappreżenta 1,3 %. |
2.3.2 |
L-ebda settur m’għandu jiġi eżentat mit-tnaqqis tal-effetti tat-tibdil fil-klima, u b’hekk is-settur marittimu u tal-avjazzjoni għandhom jiġu inklużi fi skemi globali għat-tnaqqis tal-impatt ta’ CO2 fuq it-tibdil fil-klima. |
2.3.3 |
Mal-milja taż-żmien, ħareġ kunsens li l-iżvantaġġi ta’ taxxi fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 kienu jipprevalu fuq il-vantaġġi ta’ miżuri bbażati fuq is-suq. It-taxxi huma mħallsa fit-totalità tagħhom sa mill-bidu tal-ewwel ġurnata, filwaqt li skemi bħall-ETS jipprevedu kwoti mingħajr ħlas bil-quddiem bħala inċentiv favur effiċjenza massima u – permezz tan-negozjar ta’ kwoti mhux użati – sabiex spiża tinbidel f’sors ta’ dħul. Barra minn hekk, it-taxxi huma min-natura tagħhom mhux immexxija minn objettivi, iżda jitħallsu fit-teżor tal-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li l-mekkaniżmi bbażati fuq is-suq jistgħu jkunu marbuta ma’ miżuri li jikkumpensaw direttament bħala kumpens għall-emissjonijiet. |
2.4 |
It-tilwima ewlenija dwar l-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-EU ETS iċċentrat madwar il-kwistjoni li tiġi applikata l-iskema fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni tal-UE sostniet li t-tibdil fil-klima bħala fenomenu globali ma jistax jiġi indirizzat b’mod effikaċi permezz ta’ miżuri reġjonali biss. B’hekk, talbet l-implimentazzjoni tal-EU ETS għall-avjazzjoni għal-linji tal-ajru kollha li jtiru lejn/minn ajruporti fl-Unjoni Ewropea irrispettivament minn jekk dawn huma reġistrati fi Stat Membru. Madankollu, l-impożizzjoni unilaterali ta’ tali mekkaniżmu fuq pajjiżi terzi tmur kontra s-sovranità ta’ kull nazzjon fid-dinja kollha. Fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali bilaterali jew multilaterali dwar l-inklużjoni ta’ miżura bbażata fuq is-suq dwar servizzi bejn nazzjonijiet sovrani, għad hemm dubji dwar skont liema bażi legali l-Unjoni Ewropea tista’ timponi kwalunkwe skema bħal din fuq pajjiżi terzi. Il-legalità tal-EU biex tkopri titjiriet għal/minn pajjiżi terzi ġiet deċiża mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-2016 (2). Minbarra l-isfida legali (3), l-UE ffaċċjat it-theddida ta’ sanzjonijiet kummerċjali ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi kummerċjali akbar. |
2.5 |
Diversi pajjiżi kummerċjali kbar, bħalma huma ċ-Ċina, il-Brażil, l-Istati Uniti, l-Indja u r-Russja ikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jopponu l-implimentazzjoni unilaterali tall-iskema. Fit-12 ta’ Novembru 2012, taħt pressjoni internazzjonali, il-Kummissjoni ħarġet proposta biex “jitwaqqaf l-arloġġ” għal sena waħda għall-ETS tal-avjazzjoni. Il-proposta biex “jitwaqqaf l-arloġġ” ġiet adottata formalment mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew f’April 2013, eżatt qabel mal-linji tal-ajru kienu meħtieġa jirrilaxxaw il-kwoti għall-2012; naqqset b’mod retroattiv l-ambitu tal-ETS għall-avjazzjoni għal titjiriet ġewwa ż-ŻEE. |
2.6 |
F’Marzu 2014 ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta “jitwaqqaf l-arloġġ” ġewwa ż-ŻEE sa tmiem l-2016 b’ritorn sħiħ lura għall-ambitu oriġinali tal-ETS (għat-titjiriet kollha lejn u minn ajruporti fiż-ŻEE) sakemm l-Assemblea tal-ICAO tal-2016 tipprevedi għal progress li huwa biżżejjed b’saħħtu lejn skema globali. |
2.7 |
Għalkemm kien ikkontestat minn diversi NGOs jekk il-Ftehim kienx biżżejjed biex iservi b’mod utli, huwa ġeneralment ikkunsidrat li l-Ftehim ta’ Pariġi tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ffirmat f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (5) kien pass sinifikanti lejn kunsens internazzjonali dwar il-ħtieġa għal aktar azzjoni kkoordinata fil-livell internazzjonali sabiex jittaffa l-impatt fuq it-tibdil fil-klima. Il-Ftehim serva ta’ katalist għal azzjoni kollettiva fil-livelli kollha. Numru dejjem jiżdied ta’ gvernijiet ffirmaw il-Ftehim fix-xhur ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu (6). |
2.8 |
Il-Ftehim ta’ Pariġi jissejjes fuq il-Konvenzjoni u – għall-ewwel darba – jgħaqqad in-nazzjonijiet kollha f’kawża komuni sabiex jitwettqu sforzi ambizzjużi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament għall-effetti tiegħu, b’appoġġ iktar b’saħħtu biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw l-għajnuna biex jagħmlu dan. Bħala tali, huwa jippreskrivi triq ġdida fl-isforz globali dwar il-klima (7). |
2.8.1 |
L-għan ċentrali tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa li jsaħħaħ ir-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima billi jżomm iż-żieda fit-temperatura globali għal ferm inqas minn 2 gradi Celsius ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi li jillimitaw aktar iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 gradi Celsius. Barra minn hekk, il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità ta’ pajjiżi li jittrattaw l-impatti tat-tibdil fil-klima. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, se jiġu stabbiliti mekkaniżmi finanzjarji xierqa, qafas ta’ teknoloġija ġdid u qafas imtejjeb ta’ bini ta’ kapaċità, u b’hekk tiġi appoġġjata l-azzjoni mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-aktar pajjiżi vulnerabbli, f’konformità mal-objettivi nazzjonali tagħhom stess. Il-Ftehim jipprovdi wkoll għal trasparenza mtejba għall-azzjoni u l-appoġġ permezz ta’ qafas ta’ trasparenza aktar b’saħħtu (8). |
2.8.2 |
Il-Ftehim ta’ Pariġi jeħtieġ li l-Partijiet kollha jressqu l-aħjar sforzi tagħhom permezz ta’ “kontributi determinati fil-livell nazzjonali” (NDCs – Nationally Determined Contributions) u li jsaħħu dawn l-isforzi fis-snin li ġejjin. Dan jinkludi rekwiżiti li l-Partijiet kollha jirrappurtaw regolarment dwar l-emissjonijiet tagħhom u dwar l-isforzi ta’ implimentazzjoni tagħhom (9). Fl-2018, il-Partijiet ser jevalwaw l-isforzi kollettivi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ progress lejn l-għan stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi u biex jinformaw dwar il-preparazzjoni ta’ NDCs. Se jkun hemm ukoll bilanċ globali kull 5 snin biex jiġi valutat il-progress kollettiv għall-ilħuq tal-għan ta’ dan il-Ftehim u biex azzjonijiet individwali ulterjuri mill-Partijiet ikunu infurmati minnu. |
2.9 |
Ħafna jemmnu li l-Ftehim ta’ Pariġi ta bidu għal momentum li wassal għal eżitu fl-Assemblea tal-ICAO fl-2016 speċifikament għall-avjazzjoni ċivili (10). Wara tliet snin ta’ negozjati mit-38 Assemblea tal-ICAO fl-2013, l-Istati Membri tal-ICAO qablu fis-6 ta’ Ottubru li jimplimentaw miżura globali msejsa fuq is-suq sabiex tikkumpensa għaż-żieda fl-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali wara l-2020. Il-Plenarja adottat Riżoluzzjoni li tintroduċi l-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (11). Din l-iskema tirrikjedi lil-linji tal-ajru jikkumpensaw uħud mill-emissjonijiet tagħhom, iżda mhux neċessarjament inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom stess. |
2.10 |
Skont ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea, il-livell medju ta’ emissjonijet ta’ CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali kopert mill-iskema bejn l-2019 u l-2020 jirrappreżenta l-bażi għal tkabbir newtrali fil-karbonju mill-2020 li miegħu l-emissjonijiet fis-snin li ġejjin se jkunu mqabbla. Fi kwalunkwe sena mill-2021, meta l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali koperti mill-iskema jaqbżu l-medja tal-emissjonijiet bażi għall-2019 u l-2020, din id-differenza tirrappreżenta r-rekwiżiti ta’ tpaċija tas-settur għal dik is-sena. |
2.11 |
L-ICAO ħadet deċiżjoni dwar l-introduzzjoni progressiva tal-implimentazzjoni biex takkomoda ċ-ċirkustanzi speċjali u l-kapaċitajiet rispettivi (SCRC) tal-Istati kontraenti. L-iskema ser tkun fuq bażi volontarja mill-bidu, segwit mill-parteċipazzjoni tal-Istati kollha ħlief ċerti Stati eżentati. L-ICAO ddeċidiet li ssegwi approċċ ibbażat fuq rotta, biex jitnaqqas l-impatt kompetittiv ta’ CORSIA fuq l-operaturi. Rotot affettwati mill-eżenzjonijiet se jkunu eżentati għal kull linja tal-ajru li topera fuq dawn ir-rotot. |
2.12 |
Il-Fażi Pilota (2021-2023) u l-Ewwel Fażi (2024-2026) japplikaw għal Stati li vvolontarjaw biex jipparteċipaw. Mit-12 ta’ Ottubru 2016, 66 Stat biħsiebhom jivvolontorjaw li jipparteċipaw mill-bidu nett fil-miżuri bbażati fuq is-suq globali. It-Tieni Fażi (2027-2035) tapplika għall-Istati kollha ħlief dawk eżentati, sakemm dawn joffru minn jeddhom li jivvolontorjaw li jipparteċipaw. Il-KESE jilqa’ l-ftehim; madankollu, minħabba n-natura volontarja tiegħu, jista’ jkun li setturi oħrajn ikollhom jagħmlu tajjeb għad-differenza biex ikunu konformi mal-miri tal-klima tal-UE. |
2.13 |
Il-pedamenti ta’ CORSIA, li jrid ikun hemm qbil dwarhom u ppubblikati mill-ICAO, jikkostitwixxu metodoloġija għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-operaturi individwali (MRV), il-Kriterji tal-Unità tal-Emissjonijiet (EUC), u r-reġistri. Madankollu, l-ICAO se tipprovdi r-riżorsi lill-Istati kollha sabiex idaħħlu fis-seħħ l-infrastruttura meħtieġa (12). Id-dettalji ta’ dawn l-aspetti għadu ma sarx qbil fuqhom; se jkunu kritiċi għall-effettività ambjentali ta’ CORSIA, li għandha tkun konformi ma’ standards ambizzjużi. |
2.14 |
Il-linji tal-ajru se jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ tpaċija tagħhom billi jixtru krediti ta’ kumpens minn swieq tal-karbonju. L-unità tal-emissjonijiet (unità waħda hija ugwali għal tunnellata ta’ CO2) għalhekk ser tkun imnaqqsa barra mis-settur tal-avjazzjoni internazzjonali. L-EUCs għad iridu jiġu elaborati. Ser ikun kruċjali li jiġi żgurat li tunnellata ta’ CO2 li toħroġ minn operatur tal-inġenji tal-ajru se tassew tkun ugwali għal tunnellata ta’ CO2 li tiġi ffrankata f’settur ieħor. |
2.15 |
Fid-dawl tad-diskussjonijiet fi ħdan l-ICAO għal iktar minn deċennju, il-Ftehim milħuq fl-2016 ġie kkreditat bħala wieħed storiku. Iqis id-differenzi li fil-passat ripetutament wasslu biex ma jintlaħaqx kunsens. Id-differenzi fl-opinjonijiet dwar l-Istati Membri tal-ICAO huma minħabba l-maturità ekonomika differenti tan-nazzjon ikkonċernat, kif ukoll l-influwenza ekonomika u politika ġenerali dwar kwistjonijiet ambjentali. L-għadd kbir ta’ Stati lesti biex ikunu involuti mill-bidu f’CORSIA se jiġġenera momentum għal Stati oħra biex huma wkoll jissieħbu fl-iskema. Madankollu, sa issa, CORSIA teħtieġ ftehim sal-1 ta’ Jannar 2019 dwar l-MRV, dwar l-EUC sal-2018, dwar l-implimentazzjoni ta’ qafas regolatorju sal-2020, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni ta’ reġistri sa Jannar 2021. |
3. Valutazzjoni tal-Proposta
3.1 |
Jekk ma jsir l-ebda tibdil għar-Regolament (UE) Nru 421/2014, it-test kif inhu se jkollu l-effett li jerġa’ lura l-EU ETS għall-avjazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tagħha, u b’hekk tkopri t-titjiriet internazzjonali kollha lejn/minn ajruporti fiż-ŻEE. Dan ifisser li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru ikollhom jirrestitwixxu l-kwoti għall-emissjonijiet kollha tagħhom minn u lejn pajjiżi terzi sat-30 ta’ April 2018 (13). Kif inhu spjegat hawn fuq (14), ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 ġie sospiż sakemm issir valutazzjoni tal-eżitu tal-Assemblea tal-ICAO tal-2016. Fil-Valutazzjoni (15) tagħha l-Kummissjoni tqis li r-Riżoluzzjoni tal-ICAO dwar il-prinċipji ta’ Mekkaniżmu Globali Bbażat fuq is-Suq (GMBM) huwa konformi mal-għanijiet u l-politiki ambizzjużi tal-UE. Għalhekk it-test tar-Regolament (UE) Nru 421/2014 jeħtieġ li jiġi emendat biex għal darb’ oħra tiġi evitata l-implimentazzjoni ta’ strument tal-UE minkejja kunsens tal-UE dwar il-GMBM. Il-proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: |
3.1.1 Il-format
Fid-dawl taż-żmien limitat biex jitlesta l-proċess leġislattiv, il-Kummissjoni tipproponi li l-miżura għandha tieħu l-għamla ta’ Regolament li japplika direttament fl-Istati Membri kollha u jorbot fl-intier tiegħu, b’tali mod li l-emendi jkunu jistgħu jiġu applikati u implimentati mill-Istati Membri kollha b’mod uniformi qabel l-iskadenzi tal-konformità jidħlu fis-seħħ f’Marzu u f’April 2018.
3.1.2 Il-Valutazzjoni tal-Impatt (16)
Il-Kummissjoni tiffavorixxi kontinwazzjoni tal-istatus quo, jiġifieri kontinwazzjoni tal-applikazzjoni attwali tal-EU ETS għal titjiriet fi ħdan iż-ŻEE bejn l-2017-2020 (u għaldaqstant l-ebda ritorn lura lejn il-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali għal titjiriet internazzjonali mill-2017). Il-Kummissjoni tikkonferma li l-EU ETS fil-kamp ta’ applikazzjoni attwali tagħha fi ħdan iż-ŻEE kkontribwixxiet għal madwar 17-il miljun tunnellata ta’ tnaqqis ta’ CO2 kull sena u għalhekk l-avjazzjoni tabilħaqq tikkontribwixxi għall-għanijiet tat-tibdil fil-klima, l-istess bħal setturi oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonferma li ż-żamma tal-kamp ta’ applikazzjoni fi ħdan iż-ŻEE għandha tkun milqugħa minn pajjiżi terzi, u tippermetti fokus fuq l-implimentazzjoni ta’ dawk il-passi neċessarji sabiex tiġi implimentata l-GMBM fil-ħin u b’mod armonizzat.
3.1.3 Skadenzi
Il-Kummissjoni tipproponi li testendi b’mod effettiv l-approċċ “jitwaqqaf l-arloġġ” lil hinn mill-2016, u li jiġi applikat bl-istess mod mill-2017 bħal fl-2016, u tagħti lill-ICAO l-opportunità biex tistabbilixxi l-għodod meħtieġa biex tiġi applikata b’mod effettiv il-GMBM. Il-Kummissjoni mbagħad twettaq aktar valutazzjonijiet u tirrevedi l-EU ETS għall-perjodu ta’ wara l-2020. L-ebda dati ta’ skadenza m’huma stabbiliti għal din ir-reviżjoni l-ġdida tar-Regolament.
3.1.4 |
L-Artikolu 28(a) huwa modifikat sabiex id-derogi għal titjiriet internazzjonali lejn/minn ajruporti fiż-ŻEE huma estiżi minn wara l-2016, filwaqt li t-titjiriet fiż-ŻEE jibqgħu koperti. |
3.1.5 |
Artikolu 28(b) ġdid huwa introdott biex jipprepara għall-introduzzjoni ta’ GMBM. Dan l-artikolu jorbot l-implimentazzjoni tal-GMBM għar-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-istatus tal-implimentazzjoni u sa liema punt l-EU ETS teħtieġ modifiki biex tkun kompletament applikabbli fiż-ŻEE wkoll (17). |
3.1.6 |
L-Artikolu 28c jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta mekkaniżmi MRV għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-GMBM. |
3.1.7 |
Bħala teknikalità, l-Anness 1 huwa emendat biex billi jestendi l-eżenzjoni għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jipproduċu inqas minn 1 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena mill-2020-2030. Dawn jirrappreżentaw biss 0,2 % tal-emissjonijiet kollha u l-inklużjoni tagħhom tikkostitwixxi piż amministrattiv sproporzjonat. |
3.2 |
Id-diskussjoni f’diversi fora, u kif irrappurtat mill-Kummissjoni (18), turi li hemm kontroversja potenzjali dwar tliet kwistjonijiet: |
3.2.1 |
Il-ħtieġa għal dispożizzjonijiet aktar stretti fid-Direttiva dwar l-EU ETS għall-perjodu 2017-2020. Barra minn kwistjonijiet ta’ prattikabilità, dan iwassal għall-mistoqsija dwar jekk hijiex ta’ għajnuna diskussjoni kontroversjali bħal din fi żmien meta l-enfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni tal-GMBM, jew jekk hijiex anke ta’ ħsara għall-kompetittività tal-industrija, u għall-pożizzjoni tal-UE f’negozjati internazzjonali dwar it-teknikalitajiet tal-GMBM; barra minn hekk, hemm dubji dwar jekk bidliet fl-EU ETS f’dan l-istadju se jipprovdu valur miżjud biżżejjed f’termini ta’ tnaqqis ta’ CO2 biex jiġġustifikar riskji globali ekonomiċi, politiċi u kummerċjali. Tal-inqas, dawn id-deliberazzjonijiet jidhru prematuri sa meta tkun ġiet stabbilita aktar ċarezza dwar il-perspettivi preżentati minn CORSIA. |
3.2.2 |
Il-ħtieġa li jkun hemm limitu ta’ żmien ġdid fuq ir-reviżjoni ġdida tal-EU ETS. Din hija ħaġa raġonevoli minħabba li emendi ripetuti biex jitwaqqaf l-arloġġ ma jistgħux isiru triq regolatorja finali ’l quddiem. Fl-istess waqt, il-forma finali ta’ CORSIA għadha mhux magħrufa u iktar qrib l-2020 se jkollha tiġi riveduta l-integrazzjoni mill-Ewropa ta’ CORSIA fil-politika tal-UE. Ir-riskju inerenti huwa, madankollu, li ssofri l-istabilità tal-ippjanar jekk il-partijiet ikkonċernati jkunu jafu li regolament huwa limitat fiż-żmien, iżda ma jafux jekk regolament ġdid se jieħu post l-antik, jew jekk dispożizzjoni “snap-back” tibda tinħass u tqajjem mill-ġdid tilwimiet kummerċjali internazzjonali li ħafna partijiet interessati ma jixtiqux jaraw li jiġi ripetut. In-nuqqas ta’ limitu ta’ żmien għandu vantaġġ distint li l-Kummissjoni tista’ tiffinalizza l-valutazzjonijiet tal-impatt u r-reviżjonijiet tagħha qabel ma tippreżenta emenda għad-Direttiva dwar l-EU ETS. |
3.2.3 |
Il-ħtieġa għal kunsens rapidu bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Iż-żewġ istituzzjonijiet tal-UE m’għandhomx ikunu involuti f’diskussjonijiet twal dwar l-effetti passati tal-EU ETS, iżda jiffokaw id-diskussjonijiet politiċi tagħhom dwar l-aħjar mod kif tiġi promossa l-implimentazzjoni armonizzata u fil-ħin ta’ GMBM. Id-deliberazzjonijiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni tal-UE għandhom jiġi finalizzati qabel tmiem l-2017, u b’hekk jevitaw “snap-back”. |
4. |
Minħabba l-kompożizzjoni u l-għarfien espert uniku tiegħu, il-KESE jinsab f’pożizzjoni ideali sabiex jinjetta fid-diskussjoni politika l-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata dwar il-konsegwenzi politiċi, soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ din l-inizjattiva regolatorja. Għalhekk il-KESE ddeċieda li jsegwi din l-opinjoni b’konferenza organizzata bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha. |
Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Il-plenarja ta’ matul id-39 Assemblea tal-ICAO irrakkomandat l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni finali li tintroduċi l-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali.
(2) Dokument 62015CJO272 – Sentenza tal-Qorti (Raba’ Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016, Każ C-272/15
(3) Sussegwentement għad-deċiżjoni fl-2008 li l-avjazzjoni tkun inkluża fl-iskema tal-EU ETS mill-2012, trasportatur tal-Istati Uniti kien is-suġġett ta’ litigazzjoni fir-Renju Unit fejn argumenta li l-ETS kienet illegali taħt il-liġi internazzjonali.
(4) ĠU L 129, 30.4.2014, p. 1.
(5) http://unfccc.int/documentation/documents/advanced_search/items/6911.php?priref=600008865.
(6) 43 minn 197 Parti għall-Konvenzjoni ratifikawha. Fil-5 ta’ Ottubru 2016 il-limitu għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi ġie milħuq. Il-Ftehim ta’ Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016. L-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi (CMA 1) seħħet f’Marrakech, il-Marokk ben il-15 u t-18 ta’ Novembru 2016.
(7) Test neħud mis-sit tal-internet tal-UNFCCC.
(8) Aktar informazzjoni dwar l-aspetti ewlenin tal-Ftehim tinsab hawnhekk.
(9) Aktar informazzjoni dwar l-NDCs tinsab hawnhekk.
(10) M’hemmx suborganizzazzjoni internazzjonali tan-NU ekwivalenti li tittratta l-emissjonijiet minn inġenji tal-ajru militari. Lanqas l-EU ETS ma tittratta l-emissjonijiet minn inġenji tal-ajru militari. Għalkemm b’mod ċar bl-eċċezzjoni ta’ titjiriet fuq missjonijiet uffiċjali, il-grupp ta’ studju esprima interess fil-valutazzjoni tal-impatt ta’ titjiriet ta’ taħriġ militari fuq il-livelli ta’ CO2. Ma nġabret l-ebda informazzjoni pubblika dwar l-emissjonijiet minn ajruplani militari reġjonalment, nazzjonalment jew madwar id-dinja.
(11) CORSIA hija element wieħed f’pakkett ta’ miżuri, li jindirizzaw it-teknoloġija ta’ inġenji tal-ajru u magni, l-operazzjonijiet u fjuwils alternattivi sostenibbli bħala sorsi ġodda ta’ enerġija.
(12) Lista tar-rekwiżiti kollha fid-dettall tinsab mehmuża hawn taħt l-Appendiċi 1.
(13) Kif imsemmi fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(14) Ara l-paragrafu 2.6.
(15) Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta għal Regolament 0017/2017 (COD).
(16) Ara l-memorandum ta' spjegazzjoni, p. 6.
(17) Dan l-Artikolu jirrifletti l-fatt li titjiriet fi ħdan iż-ŻEE huma titjiriet internazzjonali u li CORSIA għandha tkun l-unika miżura bbażata fuq is-suq għall-avjazzjoni internazzjonali skont ir-riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2016.
(18) Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE.