15.9.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 306/5 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-Abbozz ta’ Baġit Annwali tal-UE għall-2018
(2017/C 306/02)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP); |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2018, Taqsima III – Kummissjoni (2016/2323(BUD)); |
1. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Baġit Annwali tal-UE adottat għall-2017 jinkludi r-rakkomandazzjoni tal-KtR għal żieda fl-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-infrastruttura; biżżejjed impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u aktar fondi biex jiġu indirizzati l-konnessjonijiet neqsin fit-trasport fir-reġjuni tal-fruntiera (1); jirrimarka wkoll li għad hemm ħafna oqsma fejn it-talbiet tal-KtR ma ġewx indirizzati, prinċipalment minħabba d-daqs limitat tal-baġit tal-UE, għad li se jkun meħtieġ għalihom sforz ulterjuri; |
2. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit tal-UE għall-2018 jipprovdi lill-Unjoni Ewropea bil-mezzi meħtieġa biex tindirizza b’mod urġenti l-isfidi komuni Ewropej, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni, is-sigurtà, it-tibdil fil-klima u l-irkupru ekonomiku u soċjali u b’hekk toħloq valur miżjud Ewropew ġenwin għaċ-ċittadini Ewropej; |
3. |
itenni li l-Baġit tal-UE għad jonqsu ċertu livell ta’ flessibbiltà biex ikun jista’ jindirizza diversi avvenimenti mhux mistennija simultanjament, u li l-proposta għal rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP kienet imfassla biex tindirizza dan; |
4. |
jiddispjaċih li l-Kunsill ħa wisq żmien biex jikkonkludi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-rieżami ta’ nofs it-terminu, u li minħabba f’hekk l-awtorità baġitarja ma setgħetx tisfrutta l-miżuri kollha mressqa mill-Kummissjoni fil-proċedura baġitarja tal-2017; jilqa’, madankollu, il-ftehim li sa fl-aħħar intlaħaq fil-5 ta’ April 2017 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li jirriżulta f’EUR 6 009 miljuni supplimentari (15 % riallokazzjonijiet, 85 % riżorsi mhux allokati), li jinkludu EUR 3,9 biljuni għal miżuri relatati mal-migrazzjoni fi ħdan l-UE (EUR 2,55 biljuni) u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni barra mill-UE (EUR 1,39 biljun) kif ukoll EUR 2,1 biljuni għall-impjiegi u t-tkabbir, li minnhom EUR 1,2 biljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; |
5. |
jilqa’ bi pjaċir iż-żieda fil-finanzjament biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati fl-2017; jitlob li jkun hemm żieda akbar fil-fondi biex jippermettu approċċ sistematiku u sostenibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u għall-kontrolli tal-fruntiera, bħalma huma l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); itenni t-talba tiegħu biex jiġi ffaċilitat l-aċċess dirett akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-finanzjament disponibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni; jissuġġerixxi wkoll li jingħata finanzjament adatt għat-twettiq ta’ ritorni volontarji, kif ukoll biex jgħin lill-pajjiżi ta’ oriġini fir-riintegrazzjoni ta’ ċittadini riammessi; jikkunsidra li għal dan l-iskop huma importanti wkoll linji gwida għal sinerġiji possibbli bejn il-fondi eżistenti; |
6. |
jinnota bi tħassib li l-Baġit Annwali tal-UE għall-2017 qatt ma esperjenza tnaqqis daqshekk qawwi fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-programmi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, u li kien biss il-Baġit ta’ Emenda għall-2016 Nru 4 li ma ħalliex isir tnaqqis aktar qawwi minn hekk; jenfasizza li huwa kruċjali li l-atturi rilevanti kollha jagħmlu l-ikbar sforzi biex iħaffu l-pass tal-implimentazzjoni u li huwa ta’ importanza vitali li jiġu żgurati biżżejjed approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2018, sabiex jiġi evitat li jerġa’ jkun hemm pagamenti b’lura; f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjoni t-tbassir tal-pagamenti sal-2020 li l-Kummissjoni ressqet fil-proposta għal rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP; ser jagħmel ħiltu biex jidentifika l-aħjar prattiki s’issa sabiex titħaffef ir-rata ta’ assorbiment tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni u biex jinforma lill-awtorità baġitarja dwar dawn il-prattiki; |
7. |
itenni l-ħtieġa li tiżdied l-għajnuna finanzjarja tal-UE għall-iżvilupp rurali minħabba l-importanza taż-żoni rurali fl-Ewropa, u jappella għal riżorsi finanzjarji li huma direttament aċċessibbli għal bdiewa Ewropej milqutin minn diżastri u kriżijiet varji (2); B’mod partikolari, jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-miżuri mfasslin biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, u jingħata appoġġ lill-bdiewa milqutin minn kriżi prinċipalment fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, iżda wkoll fis-setturi tal-laħam, il-frott u l-ħxejjex; |
8. |
jitlob li jiġu allokati biżżejjed fondi biex jissaħħu l-politiki tal-kooperazzjoni territorjali, bil-għan li jiġi żgurat li jikkontribwixxu għall-ksib ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali armonjuż fl-Unjoni Ewropea kollha; |
9. |
jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni biex testendi l-FEIS sal-2020 iżda jisħaq li s-sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) għandhom jiġu ċċarati aktar u mtejba; ifakkar li l-FEIS 2.0 mhuwiex imfassal biex jissostitwixxi l-fondi tal-UE eżistenti, jitlob li tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-prinċipju tal-addizzjonalità, u li jitħeġġeġ il-bilanċ ġeografiku permezz tat-tisħiħ fl-iżvilupp tal-istrateġiji tal-investiment reġjonali u permezz tal-pjattaformi ta’ investiment; itenni li jopponi bil-qawwa l-iffinanzjar tal-estensjoni tal-FEIS mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; |
10. |
kif diġà ddikjarat fil-punt 25 tal-Opinjoni tal-KtR dwar ir-reazzjoni tal-UE għall-isfida demografika (SEDEC-VI/008), fil-fehma tal-Kumitat, l-UE għandha tfittex li tintegra l-kunsiderazzjonijiet demografiċi fl-oqsma ta’ politika kollha waqt li fil-baġit tagħha tinkludi intestaturi li jkollhom l-għan li jippermettu l-iżvilupp ta’ dawn il-politiki u azzjonijiet. L-UE għandha wkoll tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ prijorità għal dawk ir-reġjuni li huma affettwati b’mod partikolari mill-konsegwenzi tat-tibdil demografiku; |
11. |
jitlob li jiġi żgurat livell adatt ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Orizzont 2020 fl-2018; iżda jinnota li bosta partijiet interessati, inklużi l-SMEs, qed jiġu skoraġġuti milli jressqu proposti għal proġetti taħt l-Orizzont 2020 minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi disponibbli; |
12. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għall-COSME sabiex jiġi żgurat li l-SMEs ikollhom aċċess adatt għall-finanzi u biex jiġi stimolat il-ħolqien tal-impjiegi fi ħdan l-Unjoni; |
13. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b’EUR 500 miljun; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp kontinwu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ peress li r-riżultati miksuba taħt il-programm għad ma jistax jitqies li huma għal kollox sodisfaċenti; |
14. |
ifakkar li fl-2018 ser isir rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u tal-Orizzont 2020, u ser isiru proposti għall-Programm Qafas li jmiss (FP9); dan il-proċess kollu huwa marbut man-negozjati dwar il-QFP li jmiss, jisħaq li ser ikollhom jiġu indirizzati bosta kwistjonijiet kritiċi matul id-diskussjonijiet dwar il-ħruġ tar-Renju Unit ’il barra mill-UE; |
15. |
jenfasizza s-suċċess kbir tal-programm ERASMUS biex jindirizza d-diffikultajiet taż-żgħażagħ biex jiksbu aċċess għal edukazzjoni u taħriġ adatti jew għal opportunitajiet ta’ impjieg; jitlob li jiġu allokati fondi adatti għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; L-għajnuna liż-żgħażagħ biex jiksbu ħiliet addizzjonali permezz tax-xogħol u l-volontarjat tkun ta’ benefiċċju għas-setturi pubbliċi u privati. Għalhekk, jenfasizza l-importanza ta’ ħidma mas-settur privat biex jitlaqqgħu fondi pubbliċi u privati għal inizjattivi bħall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (3); |
16. |
jenfasizza li l-UE għandha timpenja ruħha b’mod estensiv biex taqdi l-impenji ambjentali tagħha permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki klimatiċi konkreti u kredibbli, ibbażati fuq qafas regolatorju koerenti u b’riżorsi finanzjarji solidi; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi biżżejjed approprjazzjonijiet fl-abbozz tal-baġit tagħha għall-2018 u biex tressaq valutazzjoni interim tal-progress li sar biex tintlaħaq il-mira ta’ nfiq ta’ 20 % għall-klima bħala parti mill-QFP tal-2014-2020; |
17. |
jinnota bi tħassib li, mingħajr sforzi addizzjonali sostanzjali, mhux se jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità tal-UE għall-2020; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità fil-baġit kollu tal-UE, iż-żieda tal-finanzjament skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament LIFE fil-programm LIFE attwali għan-netwerk Natura 2000, u li jingħataw fondi addizzjonali għal miżuri ġodda taħt il-Pjan ta’ Azzjoni li huwa mistenni dalwaqt għal implimentazzjoni aħjar tad-Direttivi dwar in-Natura sal-2020; f’dan il-kuntest jenfasizza li t-tnedija tal-għodda tal-Kummissjoni Ewropea għal użu bejn il-pari fir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) ser tkun teħtieġ allokazzjoni baġitarja adatta fl-2018, minbarra r-riżorsi baġitarji eżistenti biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE, f’konformità mal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar; |
18. |
jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex ir-rata ta’ finanzjament għal appoġġ, fi ħdan il-qafas tal-prijoritajiet tal-investiment tal-FEŻR, tiżdied sa 90 % għal miżuri ta’ previżjoni, prevenzjoni u rkupru minn diżastri naturali maġġuri; |
19. |
jantiċipa t-tnedija tal-għodda tal-Kummissjoni Ewropea fl-2017 għal użu bejn il-pari fir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), u jistenna li jiġu allokati biżżejjed approprjazzjonijiet fl-2018 għal din l-għodda, mingħajr preġudizzju għal linji baġitarji oħrajn li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE; |
20. |
jitlob li r-riżorsi finanzjarji tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) dwar il-kooperazzjoni jiġu kkonċentrati bil-mod il-mod fuq l-iffinanzjar tal-proġetti fil-livell sottonazzjonali, sabiex ir-riżorsi finanzjarji tal-UE jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-partijiet interessati lokali u reġjonali; |
21. |
jenfasizza l-importanza ta’ sfruttar tas-sinerġiji bejn il-fondi eżistenti bħalma huma: il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (EUR 3 biljuni), il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUR 1,8 biljun), il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana (EUR 1 biljun) kif ukoll strumenti oħra finanzjarji li potenzjalment jistgħu jipprovdu sa EUR 8 biljuni għall-perjodu 2016-2020 għall-implimentazzjoni tal-patti; għandhom jiġu analizzati sinerġiji oħrajn mal-fondi FSIE. |
22. |
jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tintroduċi mill-ġdid il-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (LAF) li tintuża mill-pajjiżi ta’ adeżjoni u b’hekk jitwessa’ l-ambitu li fih tintuża għall-pajjiżi tal-PEV b’regoli aktar stretti tar-rimborż, li jitolbu proġetti iżjed konkreti u sostenibbli; |
23. |
jitlob li tiġi stabbilita faċilità ta’ stabbilizzazzjoni tal-Komunità sabiex – permezz ta’ programmi ta’ bini ta’ kapaċità – tippermetti lill-awtoritajiet lokali Libjani jtejbu l-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi liċ-ċittadini u joħolqu żvilupp territorjali u impjiegi. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi kkunsidrat Fond Fiduċjarju biex jiġi ġestit fi sħubija ma’ bliet u reġjuni Ewropej bħala strument siewi, b’mod partikolari bl-użu ta’ strumenti legali; |
24. |
jappella għal finanzjament għal “Programm tal-Erasmus għar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali” bl-għan li jżid il-kapaċità tagħhom li jiskambjaw ideat u prattiki tajbin mal-pari tagħhom sabiex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli lokali u reġjonali; |
25. |
ifakkar fir-rekwiżiti ta’ opportunitajiet indaqs fil-każ tal-ibbaġitjar, u jitlob li dan il-prinċipju jiġi integrat fil-baġit tal-2018; |
26. |
jenfasizza l-bżonn li l-approċċ ibbażat fuq il-ġeneru jkun realtà ċara fil-baġit tal-UE għall-2018, skont il-prinċipji ta’ bażi għall-mudell soċjali Ewropew fil-kuntest tal-ugwaljanza bejn is-sessi; |
27. |
jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni quddiem il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-President tal-Kunsill Ewropew. |
Brussell, it-12 ta' Mejju 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) L-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-partita 06 02 01 01 “It-tneħħija tar-restrinġiment, it-tisħiħ tal-interoperabbiltà ferrovjarja, l-għaqda fejn hemm il-lakuni u t-titjib tat-taqsimiet transkonfinali” ġew miżjuda b’EUR 82,28 miljun addizzjonali meta mqabbel mal-2016.
(2) Riżoluzzjoni tal-KtR dwar l-Abbozz ta’ Baġit Annwali tal-UE għall-2017.
(3) L-Opinjoni tal-KtR COR-2017-00851