7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/272


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-programm Ewropa Diġitali (2021-2027)

(2019/C 86/14)

Relatur:

Is-Sur MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027

COM(2018) 434 final

Dokument ta’ Ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni – Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali

SWD(2018) 306 final

Commission Staff Working Document Impact Assessment Accompanying the document Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council establishing the Digital Europe programme for the period 2021-2027 (Mhux disponibbli bil-Malti)

SWD(2018) 305 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Artikolu 2 – punt (e)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(e)

“Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali” tfisser entità ġuridika maħtura jew magħżula fi proċedura miftuħa u kompetittiva sabiex twettaq il-kompiti taħt il-Programm, b’mod partikolari billi tipprovdi aċċess għall-għarfien espert teknoloġiku u għall-faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni, bħal tagħmir u għodod ta’ softwer li jippermettu t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija.

(e)

“Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali” tfisser entità ġuridika jew konsorzju ta’ entitajiet ġuridiċi maħtura jew magħżula fi proċedura miftuħa u kompetittiva sabiex twettaq il-kompiti taħt il-Programm, b’mod partikolari billi tipprovdi aċċess għall-għarfien espert teknoloġiku u għall-faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni, bħal tagħmir u għodod ta’ softwer li jippermettu t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija.

Raġuni

Meta jkun qiegħed jiġi stabbilit in-netwerk tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali, huwa importanti li jkun hemm kopertura suffiċjenti għar-reġjuni kollha; il-mira hija li jkun hemm DIH f’kull reġjun. L-għoti tal-possibbiltà li konsorzju jmexxi d-DIH isaħħaħ il-bażi tan-netwerk billi jiġu involuti diversi partijiet interessati, bħal universitajiet, ċentri tar-riċerka, ċentri ta’ innovazzjoni, eċċ.

Il-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha tassigura li n-netwerk jibqa’ bbilanċjat tajjeb kemm reġjonalment kif ukoll fuq livell tematiku, waqt li jkun kapaċi jipprovdi servizzi ta’ kwalità għolja. Il-proċedura tal-għażla għall-entitajiet kandidati għandha titwettaq mill-perspettiva tan-netwerk sħiħ sabiex ikunu jistgħu jinħolqu sinerġiji effettivi bejn id-DIHs. Din hija raġuni tajba oħra sabiex tingħata l-opportunità lil konsorzju ta’ entitajiet ġuridiċi sabiex imexxi DIH.

Ir-rekwiżit ta’ entità ġuridika jimponi restrizzjonijiet bla bżonn, li hija r-raġuni għaliex jeħtieġ li tingħata aktar flessibbiltà għall-arranġamenti prattiċi. Sabiex jiġu enfasizzati l-istrutturi sempliċi, il-koordinazzjoni tista’ tiġi assenjata wkoll lil entità ġuridika f’konsorzju jew netwerk ta’ entitajiet ġuridiċi.

Emenda 2

Artikolu 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Programm għandu l-objettiv ġenerali li ġej: li jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropea u li jġib l-benefiċċji tagħha liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej. Il-Programm se:

Il-Programm għandu l-objettiv ġenerali li ġej: li jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropea fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew u li jġib l-benefiċċji tagħha liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej. Il-Programm se:

(a)

isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Ewropa f’oqsma ta’ teknoloġija diġitali prinċipali permezz ta’ iskjerament fuq skala kbira,

(a)

isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Ewropa f’oqsma ta’ teknoloġija diġitali prinċipali permezz ta’ iskjerament fuq skala kbira,

(b)

iwessa’ t-tixrid u l-adozzjoni tagħhom f’oqsma ta’ interess pubbliku u fis-settur privat.

(b)

iwessa’ t-tixrid u l-adozzjoni tagħhom f’oqsma ta’ interess pubbliku u fis-settur privat,

 

(c)

iħaffef it-trasformazzjoni diġitali billi jżid il-kollaborazzjoni lokali u s-sħubiji Ewropej.

Raġuni

Fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, id-DEP jeħtieġ li jkopri l-governanza f’diversi livelli. L-eżiti tad-DEP jistgħu jintlaħqu b’implimentazzjoni effettiva fil-livell tal-ibliet u r-reġjuni, b’kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-universitajiet, stabbilimenti edukattivi u istituzzjonijiet tar-riċerka oħra kif ukoll mal-industriji lokali. Il-governanza f’diversi livelli hija importanti sabiex tingħalaq il-qasma fl-innovazzjoni Ewropea. Pereżempju, l-ekosistemi ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja madwar l-UE kollha jistgħu jiżdiedu bil-għajnuna tad-DEP sabiex ikopru s-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiku u industrijali.

Emenda 3

Artikolu 5 – punt (d) ġdid u (e) ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Intelliġenza Artifiċjali

L-Intelliġenza Artifiċjali

L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 2. L-intelliġenza artifiċjali għandha ssegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 2. L-intelliġenza artifiċjali għandha ssegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(d)

ittejjeb il-kwalità u l-ammont tad-data sabiex tappoġġja u tħaffef it-trasformazzjoni diġitali sabiex tinħoloq l-ekonomija tal-pjattaformi diġitali;

(e)

jiżdied l-użu tat-teknoloġiji, jiġu żviluppati mudelli kummerċjali innovattivi, jiżdied l-għarfien tal-utenti u jitqassar iż-żmien mill-innovazzjoni għas-suq;

Raġuni

It-trasformazzjoni għall-ekonomija ċirkolari hija riżultat tad-diġitalizzazzjoni. Jeħtieġ li noħolqu kundizzjonijiet favorevoli sabiex tiġi indirizzata din l-isfida u sfidi ewlenin oħra tas-soċjetà. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ir-rwol li qiegħed jinbidel tal-bliet, taċ-ċittadini u tad-dinja tan-negozju.

F’dan l-iżvilupp, il-kwalità u l-ammont tad-data neċessarji huma essenzjali. L-ewwel nett, jeħtieġ li nipprovdu l-metrika korretta sabiex titkejjel il-kwalità tad-data. It-tieni, jistgħu jiġu żviluppati algoritmi sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tad-data, jiġu identifikati l-outliers tad-data li ma għandhomx jintużaw fl-analiżi u tiġi kkoreġuta l-informazzjoni bil-għan li jinkisbu risposti aktar robusti mill-algoritmi. It-tielet, il-kwalità tad-data tista’ tittejjeb permezz ta’ miżuri sabiex jittejbu l-kompletezza, il-komparabbiltà u l-iskedi taż-żmien tal-flussi tad-data li għandhom jintużaw fis-servizzi diġitali bbażati fuq l-IA fil-livell ta’ gvern nazzjonali u subnazzjonali.

Dawn il-miżuri mhumiex imsemmija espliċitament fid-DEP, għalkemm fit-test hemm referenza għall-integrità tad-data u għall-kunfidenzjalità tad-data u hemm referenzi għar-rwol ġenerali tal-libreriji tas-softwer u tal-algoritmi.

Jeħtieġ li l-kwalità u l-integrità tad-data jkunu kkomplementati wkoll minn miżuri sabiex tinżamm l-integrità tad-drittijiet tal-individwi għall-informazzjoni tagħhom u sabiex tiġi żgurata l-kwalità f’dak li jirrigwarda l-abbiltà li jżommu livell adegwat ta’ sigurtà għall-informazzjoni u d-data personali.

Emenda 4

Artikolu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 4. Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali avvanzati f’oqsma appoġġati minn dan il-programm biex b’hekk jikkontribwixxu biex tikber il-ġabra ta’ talenti fl-Ewropa, irawmu aktar professjonaliżmu, b’mod speċjali fir-rigward tal-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-analitika tal-big data, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji ta’ reġistru distribwit, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali. L-intervent finanzjarju għandu jsegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 4. Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali avvanzati f’oqsma appoġġati minn dan il-programm u b’mod li huwa sensittiv għall-ġeneru, biex b’hekk jikkontribwixxu biex tikber il-ġabra ta’ talenti fl-Ewropa, irawmu aktar professjonaliżmu, b’mod speċjali fir-rigward tal-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-analitika tal-big data, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji ta’ reġistru distribwit, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali. L-intervent finanzjarju għandu jsegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

jappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ fit-tul u korsijiet għal-istudenti, il-professjonisti tal-IT u l-forza tax-xogħol;

(a)

jappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ fit-tul u korsijiet għal-istudenti, il-professjonisti tal-IT u l-forza tax-xogħol;

(b)

jappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ u korsijiet ta’ terminu qasir għall-imprendituri, il-mexxejja tan-negozji ż-żgħar u l-forza tax-xogħol;

(b)

jappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ u korsijiet ta’ terminu qasir għall-imprendituri, il-mexxejja tan-negozji ż-żgħar u l-forza tax-xogħol;

(c)

jappoġġa t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u apprendistati għall-istudenti, l-intraprendituri żgħażagħ u l-gradwati.

(c)

jappoġġa t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u apprendistati għall-istudenti, l-intraprendituri żgħażagħ u l-gradwati.

Raġuni

Huwa importanti li jiġi żgurat li s-sistema tal-formazzjoni tal-ħiliet diġitali ta’ għada tqis ukoll il-perspettiva tal-ġeneru, biex tiġi żgurata soċjetà diġitali inklużiva ta’ għada.

Emenda 5

Artikolu 8 – paragrafu 1 – punti (a), (g) u (j) ġodda

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-Interoperabbiltà

L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-Interoperabbiltà

L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 5. L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-Interoperabbiltà għandhom jiksbu l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 5. L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-Interoperabbiltà għandhom jiksbu l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

jiżguraw li s-settur pubbliku u oqsma ta’ interessi pubbliċi, bħalma huma s-saħħa u l-kura, l-edukazzjoni, il-ġudikatura, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, is-setturi kulturali u kreattivi, jistgħu jiskjeraw u jaċċessaw teknoloġiji diġitali avvanzati, b’mod partikolari l-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà;

(a)

jiżguraw li s-settur pubbliku u oqsma ta’ interessi pubbliċi, bħalma huma s-saħħa u l-kura, l-edukazzjoni, il-ġudikatura, l-ippjanar urban , it-trasport, l-enerġija, ir-riżorsi naturali, il-forestrija, l-ikel, l-ambjent, is-setturi kulturali u kreattivi, jistgħu jiskjeraw u jaċċessaw teknoloġiji diġitali avvanzati, b’mod partikolari l-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali , is-sigurtà tal-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà;

(g)

jiżguraw il-kapaċità kontinwa fil-livell tal-Unjoni li josservaw, janalizzaw u jadattaw ix-xejriet diġitali li qed jevolvu malajr, kif ukoll il-kondiviżjoni u l-integrazzjoni tal-aħjar prattiki ;

(g)

jiżguraw il-kapaċità kontinwa fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew li josservaw, janalizzaw u jadattaw ix-xejriet diġitali li qed jevolvu malajr, kif ukoll il-ko-ħolqien ta’ soluzzjonijiet diġitalizzati ġodda, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-integrazzjoni tal-kultura ta’ tagħlim komparattiv ;

 

(j)

jintegraw l-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni tal-programm Ewropa Diġitali fl-istrateġiji reġjonali tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, Ewropa Orizzont u inizjattivi u sħubijiet Ewropej ewlenin oħra.

Raġuni

L-ippjanar urban, il-forestrija u l-ikel jeħtieġ li jiġu inklużi fil-lista taħt il-punt (a), billi huma importanti għall-iżvilupp kollu tas-soċjetà. Is-soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u sostenibbli fl-oqsma tal-immaniġġjar sostenibbli tal-iżvilupp urban, ir-riżorsi naturali, il-produzzjoni alimentari u l-forestrija għandhom rwol strateġiku sabiex jiġu indirizzati diversi sfidi ambjentali relatati mat-tibdil fil-klima.

Kif sostna l-KtR fil-prijoritajiet tiegħu għat-terminu attwali 2015-2020, fl-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona b’mod sħiħ huma meħtieġa approċċ minn isfel għal fuq, mentalità imprenditorjali u investimenti mmirati.

Emenda 6

Artikolu 13 – paragrafu 3 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni

Sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni

 

3.     Il-Programm se jappoġġja l-kollaborazzjoni u s-sħubijiet reġjonali u Ewropej sabiex jespandi s-soluzzjonijiet diġitali innovattivi u jassigura s-sinerġiji mal-istrateġiji reġjonali.

Raġuni

Il-KtR jirrimarka li l-valutazzjoni tal-impatt tagħmel diversi referenzi għal politiki u programmi tal-UE bħall-FEŻR, il-FSE+, il-FNE, eċċ. li huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi tad-DEP. L-użu sinerġiku tal-istrumenti tal-UE u mekkaniżmi u finanzjament lokali/reġjonali huwa enfasizzat b’mod qawwi fil-politika tal-UE. Madankollu, ma hemmx proċeduri u mekkaniżmi ċari f’dan id-DEP sabiex jindirizzaw il-mod kif għandha tiġi rranġata l-interazzjoni bejn dawn l-istrumenti fil-livelli kollha tal-gvern. Ma hemm l-ebda referenza għad-dispożizzjonijiet dwar sħubija jew MLG. Għalhekk, f’dan l-artikolu jeħtieġ li jiġi inkluż ir-rwol importanti tar-reġjuni. Fil-politika tagħha, il-Kummissjoni tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-istrateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala strument naturali sabiex jiżdiedu l-kollaborazzjoni u s-sħubiji Ewropej fil-livell reġjonali. Dan jeħtieġ li jiġi appoġġat mid-DEP.

Emenda 7

Artikolu 16 – paragrafi 1, 2, 3 u 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali

Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej

1.   Matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Programm, għandu jiġi stabbilit netwerk inizjali tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali.

1.   Matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Programm, għandu jiġi stabbilit netwerk inizjali ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej . Il-Hubs f’dan in-netwerk għandhom rwol reġjonali b’saħħtu sabiex iżidu l-kollaborazzjoni Ewropea.

2.    Għall-fini tal-istabbiliment tan-netwerk imsemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jinnomina entitajiet kandidati permezz ta’ proċess miftuħ u kompetittiv, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

2.   Għall-fini tal-istabbiliment tan-netwerk imsemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jinnomina entitajiet kandidati permezz ta’ proċess miftuħ u kompetittiv, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

kompetenzi xierqa relatati mal-funzjonijiet tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali;

(a)

kompetenzi xierqa relatati mal-funzjonijiet tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali , inklużi l-kapaċità u l-kompetenzi fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp, l-infrastruttura, il-protezzjoni tad-data, is-sigurtàu l-innovazzjoni ;

(b)

il-kapaċità ta’ ġestjoni xierqa, il-persunal u l-infrastruttura;

(b)

il-kapaċità ta’ ġestjoni xierqa, il-persunal u l-infrastruttura;

(c)

il-mezzi operattivi u legali biex jiġu applikati r-regoli ta’ ġestjoni amministrattiva, kuntrattwali u finanzjarji stabbiliti fuq livell ta’ Unjoni;

(c)

il-mezzi operattivi u legali biex jiġu applikati r-regoli ta’ ġestjoni amministrattiva, kuntrattwali u finanzjarji stabbiliti fuq livell ta’ Unjoni;

(d)

garanziji finanzjarji xierqa, preferibbilment maħruġa minn awtorità pubblika, korrispondenti għal-livell ta’ fondi tal-Unjoni li hija se tkun imsejħa li tamministra.

(d)

garanziji finanzjarji xierqa, preferibbilment maħruġa minn awtorità pubblika, korrispondenti għal-livell ta’ fondi tal-Unjoni li hija se tkun imsejħa li tamministra;

 

(e)

l-allinjament mal-istrateġiji reġjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar l-għażla tal-entitajiet li jiffurmaw in-netwerk inizjali. Dawn l-entitajiet għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni minn fost l-entitajiet kandidati innominati mill-Istati Membri abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 u l-kriterji addizzjonali li ġejjin:

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar l-għażla tal-entitajiet li jiffurmaw in-netwerk inizjali. Dawn l-entitajiet għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni minn fost l-entitajiet kandidati innominati mill-Istati Membri abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 u l-kriterji addizzjonali li ġejjin:

(a)

il-baġit disponibbli għall-finanzjament tan-netwerk inizjali;

(a)

il-baġit disponibbli għall-finanzjament tan-netwerk inizjali;

(b)

il-ħtieġa li n-netwerk inizjali jiżgura kopertura tal-ħtiġijiet tal-industrija u l-oqsma ta’ interess pubbliku u kopertura ġeografika bbilanċjata u komprensiva.

(b)

il-ħtieġa li n-netwerk inizjali jiżgura kopertura tal-ħtiġijiet tal-industrija u l-oqsma ta’ interess pubbliku u kopertura ġeografika bbilanċjata u komprensiva fl-UE u l-Istati Membri kollha.

4.   Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali addizzjonali għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ proċess miftuħ u kompetittiv, b’mod li jiżgura l-aktar kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa . L-għadd ta’ entitajiet tan-netwerk għandu jkun proporzjonat għall-popolazzjoni ta’ Stat Membri partikolari u għandu jkun hemm mill-inqas Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali waħda għal kull Stat Membru. Biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet speċifiċi affaċċjati mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, jistgħu jiġu nominati entitajiet speċifiċi biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom.

4.   Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali addizzjonali għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ proċess miftuħ u kompetittiv, b’mod li jiżgura l-aktar kopertura ġeografika wiesgħa madwar ir-reġjuni fl - Ewropa . L-għadd ta’ entitajiet tan-netwerk għandu jkun proporzjonat għall-popolazzjoni ta’ Stat Membri partikolari u għandu jkun hemm mill-inqas Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali waħda għal kull Stat Membru. Biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet speċifiċi affaċċjati mir-reġjuni b’popolazzjoni baxxa u ultraperiferiċi tal-UE, jistgħu jiġu nominati entitajiet speċifiċi biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom.

Raġuni

F’termini ta’ tħaffif tat-trasformazzjoni diġitali, id-DIHs mhux biss jiżviluppaw iżda wkoll iwasslu u jgħinu sabiex jiġu skjerati teknoloġiji innovattivi fl-amministrazzjoni pubblika u l-industriji privati, kif ukoll jappoġġaw ir-rwol li qiegħed jinbidel tal-ibliet u r-reġjuni. Minbarra li jipprovdu aċċess għal dawn is-soluzzjonijiet, id-DIHs jistgħu jgħinu sabiex tinbena kapaċità adegwata għall-gruppi differenti ta’ atturi sabiex jimplimentaw soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi fil-pjattaformi diġitali tagħhom u jappoġġaw it-tfassil ta’ infrastruttura speċifika tas-servizzi diġitali billi jużaw is-servizzi ta’ analiżi tad-data. Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ li tiġi enfasizzata n-natura Ewropea b’saħħitha tad-DIHs u dawn il-Hubs għandhom jissejħu Hubs Diġitali Ewropej.

Il-kapaċità u l-kompetenzi fil-validazzjoni tat-teknoloġiji u l-użu tal-aħħar għarfien tar-R&Ż huma kriterji essenzjali sabiex jintgħażlu l-aħjar entitajiet kandidati.

Il-valutazzjoni tal-impatt tiddikjara b’mod ċar li d-DIHs għandu jkollhom dimensjoni reġjonali b’saħħitha (b’mod partikolari għall-SMEs). Madankollu, dan mhuwiex rifless fil-proposta leġislattiva. Is-suċċess tad-DIHs għandu jkun mibni fuq kollaborazzjoni reġjonali effettiva, ibbażata fuq strateġiji reġjonali bħall-RIS3.

Meta jkun qiegħed jiġi stabbilit in-netwerk tad-DIHs, huwa importanti li jkun hemm kopertura suffiċjenti għar-reġjuni kollha; il-mira hija li jkun hemm DIH f’kull reġjun.

Il-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha tassigura li n-netwerk jibqa’ bbilanċjat tajjeb kemm reġjonalment kif ukoll fuq livell tematiku, waqt li jkun kapaċi jipprovdi servizzi ta’ kwalità għolja. Il-proċedura tal-għażla għall-entitajiet kandidati għandha titwettaq mill-perspettiva tan-netwerk sħiħ sabiex ikunu jistgħu jinħolqu sinerġiji effettivi bejn id-DIHs.

Emenda 8

Artikolu 20 – paragrafu 1 – punti (d) u (e) ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-kriterji tal-għoti

Il-kriterji tal-għoti

Il-kriterji tal-għoti għandhom ikunu ddefiniti fil-programmi ta’ ħidma u fis-sejħiet għall-proposti, filwaqt li jitqiesu bħala minimu l-elementi li ġejjin:

Il-kriterji tal-għoti għandhom ikunu ddefiniti fil-programmi ta’ ħidma u fis-sejħiet għall-proposti, filwaqt li jitqiesu bħala minimu l-elementi li ġejjin:

(a)

il-maturità tal-azzjoni fl-iżvilupp tal-proġett;

(a)

il-maturità tal-azzjoni fl-iżvilupp tal-proġett;

(b)

kemm hu tajjeb il-pjan ta’ implimentazzjoni propost;

(b)

kemm hu tajjeb il-pjan ta’ implimentazzjoni propost;

(c)

l-effett stimolanti tal-appoġġ tal-Unjoni fuq l-investiment pubbliku u privat, meta applikabbli;

(c)

l-effett stimolanti tal-appoġġ tal-Unjoni fuq l-investiment pubbliku u privat, meta applikabbli;

(d)

il- ħtieġa li jingħeleb xkiel finanzjarju bħan-nuqqas ta’ finanzi fis-suq;

(d)

l-użu sinerġiku ta’ strumenti differenti ta’ finanzjament u l-ħtieġa li jingħeleb xkiel finanzjarju bħan-nuqqas ta’ finanzi fis-suq;

(e)

fejn applikabbli, l-impatt ekonomiku, soċjali, fuq il-klima u dak ambjentali, u l-aċċessibbiltà;

(e)

fejn applikabbli, l-integrazzjoni tal-proġett mal-istrateġiji reġjonali;

(f)

fejn applikabbli, dimensjoni trans-Ewropea;

(f)

fejn applikabbli, l-impatt ekonomiku, soċjali, fuq il-klima u dak ambjentali, u l-aċċessibbiltà;

(g)

fejn applikabbli, distribuzzjoni ġeografika bilanċjata fl-Unjoni kollha, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi.

(g)

fejn applikabbli, dimensjoni trans-Ewropea;

(h)

meta jkun applikabbli, il-preżenza ta’ pjan ta’ sostenibbiltà fit-tul.

(h)

fejn applikabbli, distribuzzjoni ġeografika bilanċjata fl-Unjoni kollha, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi.

 

(i)

meta jkun applikabbli, il-preżenza ta’ pjan ta’ sostenibbiltà fit-tul.

Raġuni

Il-KtR jissottolinja li 70 % tal-leġislazzjoni tal-UE tiġi implimentata fil-livell lokali u reġjonali u jenfasizza s-sinerġiji bejn programmi, strumenti finanzjarji u strateġiji reġjonali differenti tal-UE. L-Istrateġiji Reġjonali ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti kienu strumenti utli u importanti għat-trasformazzjoni ekonomika u għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki permezz ta’ sħubiji Ewropej.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni Ewropea għall-programm Ewropa Diġitali (DEP) ġdid. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni pproponiet pakkett li jintegra d-diġitalizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-programmi ewlenin kollha tal-UE u fl-iżvilupp soċjali wiesa’ Ewropew. Ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tad-DEP għandu jiġi kkunsidrat fil-miżuri kollha sabiex jitħaffef l-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali (DSM);

2.

jindika r-rwol kruċjali tan-nies, in-negozji u l-ħiliet sabiex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji li għandhom jinkisbu mid-DSM. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-DEP, il-KtR jenfasizza li t-tlestija tad-DSM tal-UE teħtieġ ukoll ambjent legali ċar u stabbli u kundizzjonijiet favorevoli sabiex jistimulaw l-innovazzjoni, jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-suq u jippermettu lill-atturi kollha li jisfruttaw id-dinamika ġdida tas-suq;

3.

jenfasizza r-rwol kruċjali tad-DEP, billi jsir programm solidu ta’ investiment u żvilupp sabiex jikkapitalizza l-opportunitajiet meħtieġa u maħluqa sabiex jinkiseb DSM li jiffunzjona b’mod sħiħ. Il-mistoqsija ewlenija hija kif jista’ d-DEP isir tant attraenti li l-bliet u r-reġjuni – flimkien mal-industriji, l-universitajiet u ċ-ċittadini tagħhom – iħaffu t-trasformazzjoni diġitali u ekonomika madwar l-Ewropa kollha billi jżidu b’mod konsiderevoli l-investiment pubbliku u privat fil-kapital uman u fiżiku;

4.

jissottolinja l-importanza li jitneħħew l-ostakoli regolatorji, titnaqqas il-burokrazija u tiġi modernizzata r-regolamentazzjoni tal-UE, li huma fatturi ewlenin sabiex tiġi assigurata industrija Ewropea kompetittiva ħafna, flimkien mal-ħtieġa li tittejjeb id-disponibbiltà tas-setturi pubbliċi u privati li jwettqu l-innovazzjonijiet diġitali;

5.

jilqa’ l-investimenti tad-DEP f’infrastruttura diġitali avvanzata ta’ kapaċità għolja bħan-netwerks 5G, li huma neċessarji sabiex is-servizzi u t-teknoloġiji diġitali jkunu jistgħu jiġu skjerati kullimkien fl-Ewropa. Il-broadband għandu rwol strumentali fl-iżvilupp ta’ servizzi diġitali innovattivi u kompetittivi, u għal din ir-raġuni l-KtR jitlob standardizzazzjoni malajr tal-5G sabiex tiġi assigurata l-interoperabbiltà tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni;

6.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-ibliet u r-reġjuni fil-provvista ta’ servizzi diġitali għaċ-ċittadini, kif ukoll fil-ħolqien u l-immaniġġjar tal-infrastruttura diġitali bħall-ġenerazzjoni tad-data. Is-servizzi diġitali joffru opportunitajiet għall-innovazzjoni soċjali, l-imprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi u tan-negozju;

7.

jitlob li d-DEP jirrifletti u jassigura d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi sabiex l-ibliet ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà. Dan jirrikjedi interoperabbiltà u aċċess għal data, teknoloġija u għarfien espert madwar l-UE kollha;

8.

jenfasizza l-importanza tal-kwalità u tal-ammont tad-data, li hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tad-DEP. Opinjonijiet preċedenti tal-KtR enfasizzaw ir-rwol tal-ibliet u r-reġjuni fl-armonizzazzjoni, il-ġbir, il-kwalità, l-aċċess u l-użu tad-data, kif ukoll sabiex jassiguraw infrastruttura diġitali sigura u interoperabbli għall-flussi transfruntiera tad-data fl-ekonomija diġitali;

9.

jenfasizza l-importanza tal-intelliġenza artifiċjali (IA) bħala teknoloġija promettenti li għandha tiġi applikata għat-tkabbir sostenibbli u għall-isfidi tas-soċjetà. L-IA għalhekk trid tissaħħaħ, billi tiġi ggarantita l-kwalità tad-data u tiġi assigurata l-privatezza personali, waqt li xorta jkunu permessi l-estrazzjoni ta’ data anonima, it-tagħlim ibbażat fuq il-magni u l-bażi għar-rikonoxximent tal-mudelli;

10.

jirrikonoxxi li l-libreriji tal-IA bid-data jipprovdu input ewlieni għat-tfassil ta’ servizzi pubbliċi intelliġenti. Madankollu, id-data ta’ kwalità fqira tista’ taffettwa l-impatt u l-effettività mistennija tas-servizzi, u b’hekk tnaqqas il-benefiċċju potenzjali tal-IA. Id-data ta’ kwalità għolja hija essenzjali sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu jistgħu jfasslu, jimplimentaw u jimmonitorjaw l-impatt tal-politiki li jadottaw, fuq il-bażi ta’ evidenza empirika u billi jużaw il-kapaċitajiet ta’ analiżi tad-data. Dan isaħħaħ it-trasparenza u l-akkontabilità tal-azzjoni pubblika u jgħin sabiex tiżdied l-effettività tal-politika. Id-data se jkollha influwenza enormi fil-ħolqien ta’ kultura tal-għarfien, fejn l-evidenza ssir il-bażi ta’ amministrazzjoni u ta’ proċess ta’ tfassil tal-politika aktar intelliġenti u ċċentrat fuq iċ-ċittadin;

11.

jitlob integrazzjoni xierqa fid-DEP ta’ diversi miżuri li għaddejjin bħalissa ta’ ekonomija xprunata mid-data u ta’ soċjetà xprunata mid-data. Dawn ġew ittrattati taħt is-Suq Uniku Diġitali fid-diversi pakketti dwar id-data: dwar Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data (COM(2017/9), il-Qafas għall-fluss liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropea (2017/0228) u din is-sena, bit-tielet Pakkett dwar id-Data. Dan tal-aħħar jinkludi Komunikazzjoni “Għal spazju tad-dejta komuni Ewropew” li tindirizza l-kwistjoni tal-aċċess għad-data tas-settur privat għal finijiet ta’ interess pubbliku (b’lista ta’ prinċipji ewlenin dwar il-qsim tad-data bejn in-negozji u l-gvern jew “B2G”) u tinkludi dokument ta’ gwida dwar il-kondiviżjoni tad-data tas-settur privat. B’mod parallel, il-Kummissjoni adottat proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva dwar il-PSI);

12.

jissottolinja r-riżultati tad-djalogu mal-partijiet ikkonċernati tal-Kummissjoni dwar il-Komunikazzjoni dwar il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data, li sab appoġġ qawwi b’mod partikolari għal miżuri mhux regolatorji sabiex jiġi massimizzat u organizzat l-aċċess għal u l-użu mill-ġdid tad-data f’kuntesti B2B. Pereżempju dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa, konsultazzjoni pubblika investigat il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ politika li jippromovu l-innovazzjoni diġitali sabiex tittejjeb il-kwalità tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa (jenħtieġ l-attenzjoni partikolari ta’ dan il-Kumitat);

13.

jitlob l-użu ta’ Impriżi Konġunti, KKI tal-EIT u inizjattivi oħra tal-UE, kif ukoll Sħubiji Ewropej bejn ir-reġjuni, bħala mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tad-DEP. Is-soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u sostenibbli għandhom rwol ewlieni sabiex jintlaħqu l-miri fil-livell lokali u reġjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli u sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà bħalma huwa t-tibdil fil-klima. Is-soluzzjonijiet jirrikjedu computing HPC, soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA u ċibersigurtà ta’ kwalità għolja. L-ibliet u r-reġjuni għandhom jiġu inkoraġġiti jsiru pijunieri fil-parteċipazzjoni fid-DEP, speċjalment bħala post ta’ ttestjar spazjali għall-applikazzjonijiet ġodda. Pereżempju, id-diġitalizzazzjoni għandha importanza dejjem akbar fl-ippjanar urban, speċjalment permezz tal-immudellar tal-informazzjoni reġjonali;

14.

jinnota li l-benefiċċji sħaħ mill-investiment fit-teknoloġiji u l-pjattaformi diġitali jeħtieġ li jiżdiedu għal-livell Ewropew. L-investiment fi professjonisti ta’ talent huwa prerekwiżit neċessarju, anki jekk mhuwiex suffiċjenti waħdu. Iċ-ċittadini jeħtieġ li jiġu mħarrġa u mgħammra bil-ħiliet diġitali xierqa. Huma meħtieġa miżuri speċjali għat-taħriġ mill-ġdid tal-professjonisti sabiex japplikaw il-kompetenzi speċifiċi tagħhom għal kompiti ġodda diġitalizzati. Fis-sistemi edukattivi Ewropej, l-għoti ta’ ħiliet diġitali avvanzati lill-istudenti żgħażagħ huwa investiment obbligatorju sabiex tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-forza tax-xogħol futura għall-Ewropa. Hija evidenti l-importanza dejjem tikber tal-edukazzjoni relatata max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM). L-implimentazzjoni tad-DEP jeħtieġ li titħaddem f’sinerġija mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

15.

jenfasizza l-importanza tat-trasformazzjoni f’ekonomija tal-pjattaformi diġitali billi jkun assigurat li l-provvista tas-servizzi pubbliċi u privati jkun iffukat fuq l-utent, diġitali u interoperabbli mid-disinn, u konformi mal-prinċipju ta’ darba biss fir-rigward tal-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

16.

jirrikonoxxi li l-pjattaformi diġitali tal-gvern mhumiex imsemmija b’mod espliċitu fit-test legali tad-DEP. Madankollu, il-kunċett ta’ dawn il-pjattaformi huwa marbut mal-Objettiv 5 tal-programm relatat mal-interoperabbiltà u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji diġitali mill-gvern u s-settur privat. Dan huwa spjegat ukoll aktar fl-Anness 2 fir-rigward tal-attivitajiet marbuta mal-interoperabbiltà tas-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss u l-infrastruttura tas-servizzi diġitali;

17.

jitlob il-bini ta’ pjattaformi diġitali billi jinħolqu soluzzjonijiet ġeneriċi li jistgħu jerġgħu jintużaw fl-awtentikazzjoni diġitali, il-fiduċja u s-servizzi siguri. Dawn huma kkombinati ma’ soluzzjonijiet avvanzati li jistgħu jerġgħu jintużaw, ibbażati fuq metodi xprunati mid-data u mħaddma mill-intelliġenza artifiċjali. Dan jgħin sabiex jassigura li s-servizzi pubbliċi jkunu interkonnessi bejn l-oqsma ta’ politika u l-livelli tal-gvern. Dan jgħin ukoll lis-servizzi tal-gvern ikunu aktar intelliġenti, adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti u disponibbli fuq pjattaformi tal-web u mobbli;

18.

jirrakkomanda li l-użu transfruntier tat-teknoloġiji diġitali jkun ikkombinat mat-tneħħija tal-ostakoli legali u ostakoli oħra għal din il-kooperazzjoni, hawnhekk il-KtR jirreferi għall-Artikolu 8 dwar “L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-Interoperabbiltà”;

19.

jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit in-netwerk tad-DIHs b’kopertura suffiċjenti għar-reġjuni kollha. Filwaqt li l-valutazzjoni tal-impatt tiddikjara b’mod ċar li d-DIHs għandu jkollhom dimensjoni reġjonali b’saħħitha (b’mod partikolari għall-SMEs), dan mhuwiex rifless fil-proposta leġislattiva. L-għażla tad-DIHs għandha tkun proċess miftuħ u affidabbli, li jinkludi mhux biss DIH wieħed, iżda netwerk ta’ DIHs f’kull Stat Membru, jekk ikun rilevanti. Id-DIHs għandhom jintgħażlu fuq livell nazzjonali u b’mod ibbilanċjat fuq livell reġjonali u tematiku. In-netwerk tad-DIHs għandu jkollu rabtiet mill-qrib ma’ netwerks oħra bħall-EIT Digital u n-Netwerk Enterprise Europe;

20.

jissottolinja l-importanza tal-intelliġenza artifiċjali, u r-rabtiet mar-Realtà estiża (XR), VR, AR, it-teknoloġiji 3D u r-robotika, li se jiffurmaw bażi ġdida għan-negozju globali, l-ekonomija tal-pjattaformi u l-pjattaformi tat-tagħlim. Dan jgħin sabiex jingħata aċċess ugwali għal kontenut edukattiv u kulturali differenti u sabiex jinħolqu pjattaformi innovattivi għat-trasferiment tal-għarfien għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Barra minn hekk, huwa jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli, billi jnaqqas b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta’ oġġetti fiżiċi, l-ivvjaġġar u l-emissjonijiet tal-karbonju;

21.

jenfasizza l-importanza u r-rwol tas-sigurtà fil-qasam diġitali u jissottolinja r-rwol tal-ibliet u r-reġjuni sabiex tiġi indirizzata ċ-ċiberkriminalità u tiġi protetta s-sigurtà tad-data.

22.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet dwar il-pajjiżi terzi marbuta mal-programm, l-iżjed fir-rigward tal-inklużjoni tad-diġitalizzazzjoni fl-attivitajiet biex jintlaħqu l-miri tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs). Dan ifisser li jiġi enfasizzat il-valur miżjud permezz ta’ mentalità ta’ kooperazzjoni u ftuħ fl-innovazzjoni u l-implimentazzjoni. Ir-rivoluzzjoni tal-ICT tagħmel possibbli li l-UE taqdi rwol dinji b’saħħtu biex tkun fuq quddiem nett f’dak li jirrigwarda t-tkabbir sostenibbli u l-użu tal-għarfien tat-teknoloġija għall-ġid komuni;

23.

jirrikonoxxi li l-proposta tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

Brussell, 5 ta’ Diċembru 2018

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


  翻译: