Brussell, 14.2.2018

COM(2018) 98 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI


Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020



Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa informali tal-Mexxejja fit-
23 ta' Frar 2018


BAĠIT GĦALL-EWROPEA TAGĦNA TA’ 27

Il-baġits mhumiex eżerċizzju ta’ kontabbiltà, iżda huma dwar il-prijoritajiet u l-ambizzjoni. Ejjew l-ewwel nett niddiskutu dwar l-Ewropa li rridu.

Jean-Claude Juncker

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

It-8 ta' Jannar 2018

1 Baġit għal Ewropa aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika

Kull seba’ snin, l-Unjoni tiddeċiedi dwar il-finanzi futuri tagħha. Dan huwa żmien għall-Mexxejja biex jimpenjaw ruħhom finanzjarjament għat-tip ta’ Unjoni li jixtiequ. Dan huwa dejjem mument importanti. Iżda huwa kruċjali doppjament fi żmien meta l-Ewropa tinsab għaddejja minn dibattitu fundamentali dwar kif l-Unjoni jenħtieġ li tevolvi fis-snin li ġejjin. Issa għandna l-opportunità li nagħżlu l-Ewropa li nixtiequ u niddeċiedu dwar baġit li jgħinna biex nibnuha.

Il-laqgħa Informali tal-Mexxejja fit-23 ta’ Frar hija għalhekk kemm f’waqtha kif ukoll essenzjali. L-ewwel pass huwa li jiġi definit dak li l-Ewropa trid tagħmel flimkien, u jsir qbil dwar il-prijoritajiet. It-tieni huwa li l-Unjoni tingħata l-mezzi biex taġixxi. Dawn it-tnejn huma inseparabbli. L-għażliet li nagħmlu rigward il-prijoritajiet u fejn irridu li l-Unjoni tkun attiva se jsawru t-tip ta’ baġit li neħtieġu. Il-baġit tal-UE huwa mezz biex jintlaħqu l-miri politiċi tagħna.

Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ewropa tal-1 ta’ Marzu 2017 stabbiliet għadd ta’ xenarji possibbli għall-futur tal-Ewropa. Id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE tat-28 ta’ Ġunju 2017 ta ħarsa lejn dak li kull wieħed minn dawn ix-xenarji jista’ jfisser għall-baġit tal-Unjoni. Ewropa limitata għas-Suq Uniku ma teħtieġx programmi kbar ta’ finanzjament. Ewropa li tagħżel li taħdem aktar flimkien teħtieġ ir-riżorsi li jikkorrispondu ma’ din l-ambizzjoni akbar. Irrispettivament minn liema triq nagħżlu, ħaġa waħda tibqa’ kostanti: l-Unjoni futura ta’ 27 trid tkun mgħammra b’baġit affidabbli u li jibqa’ validu fil-futur li jippermettilha li twettaq b’mod effiċjenti l-prijoritajiet tagħha.

Rigward il-Qafas Finanzjarju attwali ntlaħaq qbil fil-kuntest tal-agħar kriżi ekonomika u finanzjarja għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-finanzi pubbliċi f’ħafna Stati Membri kienu taħt pressjoni. Bis-saħħa tal-isforzi konġunti tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-kuntest tal-lum huwa differenti. Hekk kif l-irkupru ekonomiku qabad ir-ritmu, l-attenzjoni daret lejn l-isfidi attwali u futuri tagħna.

Fis-16 ta’ Settembru 2016 fi Bratislava u fil-25 ta’ Marzu 2017 fid-dikjarazzjoni ta' Ruma, il-mexxejja qablu dwar aġenda pożittiva għall-Ewropa ta’ 27. Issa ċ-ċittadini jistennew li l-Unjoni tagħhom tagħti riżultati skont din l-aġenda. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss huwa mument deċiżiv biex l-aspirazzjonijiet jiġu mqabbla mal-mezzi ta’ azzjoni.

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jkun ifisser it-telf ta’ kontributur sinifikanti għall-finanzjament tal-politiki u tal-programmi tal-Unjoni. Dan se jirrikjedi li tingħata ħarsa kritika lejn fejn jista’ jiġi ffrankat u kif jitwettqu l-prijoritajiet b’mod aktar effiċjenti. Din hija parti essenzjali mit-tħejjija ta’ kwalunkwe proposta tal-baġit u l-Kummissjoni hija impenjata b’mod sħiħ biex timmodernizza u tissimplifika kemm jista’ jkun. Madankollu, se tenħtieġ ukoll rieda li neżaminaw b’moħħ miftuħ ir-riżorsi meħtieġa biex il-prijoritajiet ġodda jissarrfu f’riżultati tanġibbli.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippreżenta l-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss sa mhux aktar tard mill-bidu ta’ Mejju 2018, abbażi ta’ konsultazzjonijiet intensivi mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-pubbliku ġenerali. Dawn il-proposti se jkunu ġusti, ibbilanċjati, u jiffokaw direttament fuq riżultati effiċjenti. Imbagħad ikun f’idejn l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew biex jiddeċiedu kemm dwar il-baġit futur kif ukoll, b’mod iktar fundamentali, dwar it-tip ta’ Ewropa li rridu.

Il-Ftehim dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid għall-perjodu mill-2021 sal-2027 se jkun mument ewlieni għall-mexxejja tal-UE biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur l-aġenda pożittiva u għall-Ewropa nnifisha. Se jkun test importanti għall-għaqda tal-Unjoni tagħna u għall-kapaċità tagħna li naġixxu f’dinja li qed tinbidel. Il-mexxejja issa għandhom l-opportunità li jagħżlu soċjetà aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika u baġit tal-Unjoni li jwettaq dan.

2 Il-baġit tal-UE: motivatur għall-valur miżjud Ewropew

Il-baġit tal-UE huwa uniku. Kuntrarju għall-baġits nazzjonali li jintużaw fil-biċċa l-kbira biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi u jiġu ffinanzjati sistemi ta’ sigurtà soċjali, il-baġit tal-UE huwa primarjament baġit ta’ investiment. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ seba’ snin jipprovdi orizzont ta’ ppjanar fit-tul u l-istabbiltà meħtieġa għall-ippjanar tal-investiment. Il-baġit tal-UE għandu jkun dejjem f’bilanċ.

Il-baġit tal-UE jgħin lill-Unjoni biex timplimenta l-politiki komuni u tindirizza firxa wiesgħa ta’ sfidi kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’dak dinji. Dan jirrappreżenta parti żgħira min-nefqa pubblika totali fl-Unjoni, li jammonta għal madwar 1 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) konġunt tat-28 Stat Membru attwali u madwar 2 % biss tal-infiq pubbliku fl-UE. Dan ifisser li kull ċittadin igawdi l-benefiċċji enormi li l-Unjoni ġġib għall-prezz ta’ anqas minn kikkra kafè kuljum. 

Id-daqs tal-baġit tal-UE bħala perċentwal tal-Introjtu Nazzjonali Gross

Medja ta’ bejn l-2014 u l-2020

Medja ta’ bejn l-2007 u l-2013

Medja ta’ bejn l-2000 u l-2006

Medja ta’ bejn l-1993 u l-1999

Limitu massimu ta’ impenji f’% tal-ING tal-EU-28
*Impenji stmati ta’ bejn l-2014 u l-2020, in-nefqa tar-Renju Unit eskluża, f’% tal-ING tal-EU-27

(1,13 %) *

Maż-żmien, it-tfassil tal-baġit tal-UE evolviet. Is-sehem tal-agrikoltura u l-infiq ta’ koeżjoni naqas, għalkemm għadu jirrappreżenta madwar 70 % mit-total. L-investiment huwa dejjem aktar iffokat fuq programmi ġestiti direttament fil-livell Ewropew u f’oqsma bħar-riċerka u l-innovazzjoni, in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija, il-programmi ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ u l-azzjoni esterna tal-Ewropa.

Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-baġit nazzjonali ta’ bosta Stati Membri kien taħt pressjoni sinifikanti. F’dan iż-żmien, il-baġit tal-UE u partikolarment il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej saru sors ewlieni ta’ investiment stabbli li jappoġġja t-tkabbir. Minn dan iż-żmien, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi kellu rwol ewlieni fil-mobilizzazzjoni tal-investiment privat madwar l-Ewropa. L-aktar riċenti, il-baġit tal-UE rifed ir-reazzjoni Ewropea għall-kriżi tar-rifuġjati u għat-theddida tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Dan ittestja l-flessibbiltà tal-baġit sal-limitu.

F’dawn l-oqsma kollha, il-qsim tar-riżorsi fil-livell Ewropew jista’ jwassal għal riżultati li l-infiq fil-livell nazzjonali ma jistax. Dan huwa l-valur miżjud tal-baġit tal-UE. Kull euro li jintefaq permezz tal-baġit Ewropew għandu jkun jiswa aktar liċ-ċittadini tagħna minn euro li jintefaq fil-livell nazzjonali. F’ħafna oqsma, il-finanzjament fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali huwa l-approċċ it-tajjeb. F’oħrajn, in-natura transfruntiera tal-isfidi tfisser li l-programmi pan-Ewropej huma kemm aktar effettivi kif ukoll aktar effiċjenti. Billi jiffoka fl-oqsma t-tajba, anki baġit tal-UE relattivament modest jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-post. Barra minn hekk, jista’ jagħmel dan, filwaqt li jippermetti li jsir iffrankar fil-baġit nazzjonali.

Il-benefiċċji ta’ programmi ta’ baġit tal-UE mfassla tajjeb jinħassu mill-Ewropej kollha. It-trawwim ta’ konverġenza ekonomika għar-reġjuni l-anqas żviluppati permezz tal-politika ta’ koeżjoni, isaħħaħ is-Suq Uniku u joħloq opportunitajiet għall-kumpaniji, il-ħaddiema u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Skoperti xjentifiċi minn programmi ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE jtejbu l-kwalità tal-ħajja għal kulħadd. Programmi ta’ mobbiltà bħall-Erasmus+ jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet għas-suq tax-xogħol, itejbu l-fehim kulturali u jsaħħu n-nisġa soċjali tal-Unjoni tagħna.

Din l-enfasi komuni fuq il-“bilanċi netti” fid-dibattitu rigward il-baġit tal-UE hija għalhekk qarrieqa. Il-kalkoli tal-bilanċ nett wasslu għall-perċezzjoni li n-negozjati tal-baġit tal-UE huma logħba b’somma żero bejn il-pagaturi netti u l-kontributuri netti. Dan jitlef l-essenza tal-baġit tal-UE. Nefqa allokata lil Stat Membru wieħed fir-realtà toffri benefiċċji lil ħafna oħrajn billi jinħolqu opportunitajiet tas-suq jew titjieb l-infrastruttura. Pereżempju, huwa stmat li kwart mit-tkabbir addizzjonali f’pajjiżi mhux ta’ koeżjoni huwa dovut għal benefiċċji indiretti minn aktar bejgħ lill-pajjiżi ta’ koeżjoni u aktar kummerċ magħhom. Dan sar bis-saħħa tal-programmi ta’ koeżjoni ta’ bejn l-2007 u l-2013. Dawn l-effetti jikbru bl-effett ta’ ingranaġġ ta’ self jew strumenti finanzjarji oħra garantiti mill-baġit tal-UE.

L-Ewropa f’termini ta’ kontabbiltà

Il-baġit tal-UE: il-bilanċ annwali medju ta’ bejn l-2014 u l-2016 * (EUR biljun)

* Medja ta’ bilanċi baġitarji operattivi ta’ bejn l-2014 u l-2016 f’EUR biljun. Iċ-ċifri jistgħu jvarjaw kull sena.

L-infiq tal-UE joħloq ukoll beni pubbliċi Ewropej li jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-benefiċċji mill-istabbiltà, il-paċi, il-valuri komuni, il-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku Ewropew, jew il-kapaċità ta’ negozjar li jħabbtuha mal-akbar setgħat dinjija, ma jidhrux fil-kalkoli tal-bilanċ nett. Pereżempju, is-Suq Uniku għandu impatt pożittiv u dirett fuq l-impjiegi u t-tkabbir. Dan jippermetti lill-kumpaniji biex joperaw b’mod aktar effiċjenti, joħloq l-impjiegi u joffri prezzijiet orħos għall-konsumaturi. Huwa jagħti lin-nies il-libertà li jgħixu, jistudjaw u jaħdmu kull fejn jixtiequ.

Il-benefiċċji tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku

Żidiet fl-introjtu (EUR biljun, sena bażi 2014) 1

Il-Ġermanja

Franza

Ir-Renju Unit

In-Netherlands

L-Italja

Il-Belġju

Spanja

Il-Polonja

L-Awstrija

L-Iżvezja

L-Irlanda

Ir-Repubblika Ċeka

Id-Danimarka

L-Ungerija

Il-Lussemburgu

Il-Finlandja

Ir-Rumanija

Is-Slovakkja

Il-Portugall

Il-Greċja

Is-Slovenja

Il-Bulgarija

Il-Kroazja

Il-Litwanja

L-Estonja

Il-Latvja

Malta

Ċipru

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju futur se jitfasslu skont il-prinċipju tal-valur miżjud Ewropew. Billi niffokaw fuq politiki komuni u l-prijoritajiet u l-oqsma fejn il-baġit tal-UE jista’ jipprovdi beni pubbliċi li l-infiq nazzjonali ma jistax, nistgħu nimxu lil hinn mid-dibattitu tal-“bilanċ nett”. B’baġit tal-UE mfassal tajjeb, u modern, l-Istati Membri kollha huma benefiċjarji netti.

3 Lejn il-prijoritajiet tagħna għall-futur 

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għandu jallinja aħjar il-finanzjament disponibbli mal-prijoritajiet politiċi tagħna. Dan għandu jibni fuq dak li jaħdem tajjeb illum filwaqt li jiġu antiċipati l-isfidi ta’ għada. F’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, il-baġit għandu jippermetti Ewropa li hija bla periklu u sikura. Ewropa prospera u sostenibbli. Ewropa soċjali. U Ewropa aktar b’saħħitha fix-xena globali.



L-Ewropej jikkunsidraw b’mod konsistenti is-sigurtà u s-sikurezza bħala prijorità ewlenija tal-Unjoni tagħhom 2 . Dan qed iseħħ fi żmien meta l-instabbiltà fil-viċinat tal-Ewropa tippreżenta sfidi serji kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tagħna. Il-baġit tal-UE huwa strumentali fl-iżgurar ta’ ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-indirizzar ta’ theddid ċibernetiku. Huwa għandu rwol kruċjali biex jissaħħaħ il-kontroll fuq il-fruntieri esterni. Il-baġit tagħna ta’ wara l-2020, pereżempju, se jiddetermina jekk il-viżjoni ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta msaħħa u totalment operazzjonali tistax titwettaq fil-prattika.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR 3

Kif jista’ l-baġit tal-UE jappoġġja l-ġestjoni aħjar
tal-fruntieri esterni tal-UE?

Il-mexxejja appellaw għal fruntieri esterni aktar b’saħħithom bħala prekundizzjoni għat-tneħħija tal-fruntieri interni. Fl-2016, ġiet stabbilita l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Sal-2020, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se jkollha 1,015-il membru tal-persunal, inklużi operaturi, kif ukoll mill-anqas 1,500 membru tal-persunal nazzjonali fuq standby fir-riżerva ta’ reazzjoni rapida. Sa dak iż-żmien, il-baġit annwali tagħha ta’ EUR 292 miljun għandu jiżdied għal EUR 335 miljun. L-UE tipprovdi wkoll fondi għall-kofinanzjament tal-ġestjoni nazzjonali tal-fruntieri esterni tal-Ewropa minn 96,000 gwardjan tal-fruntieri nazzjonali u appoġġ ta’ emerġenza permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna (Fruntieri). Flimkien, dawn l-attivitajiet jammontaw għal madwar EUR 4 biljun matul perjodu ta’ seba’ snin, jew 0,4 % tal-baġit totali tal-UE.

L-iżvilupp futur tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se jiddependi fuq deċiżjonijiet meħuda dwar il-Qafas Finanzjarju futur. Skont il-livell ta’ ambizzjoni, jistgħu jiġu previsti diversi xenarji:

L-isfruttar tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta eżistenti sal-massimu jkun jappoġġja l-iżvilupp kontinwu tal-qafas ta’ skambju ta’ informazzjoni (Eurosur), kif ukoll l-investimenti tal-kapaċità tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-fruntieri. Dan għandu jiżgura wkoll li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha aċċess għat-tagħmir li teħtieġ. Din teħtieġ baġit ta’ madwar EUR 8 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin, li jikkorrispondi għal madwar 0,8 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali.

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun tippermetti l-appoġġ għas-sistema ta’ ġestjoni tal-fruntieri tal-UE integrata b’mod sħiħ. Din se tkun ibbażata fuq qafas legali rivedut b’mandat estiż, li jiġbor flimkien u jsaħħaħ l-għodod eżistenti relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u l-istampi tas-sitwazzjoni; tisħiħ tal-kapaċità operazzjopnali tal-aġenzija b’korp permanenti ta’ gwardja tal-fruntieri Ewropej ta’ mill-anqas 3,000 membru tal-persunal tal-UE; provvediment ta’ appoġġ finanzjarju u taħriġ għaż-żieda tat-taqsima tal-gwardja nazzjonali tal-fruntiera fi Stati Membri vulnerabbli; aktar riżervi ta’ esperti operattivi u akbar; tagħmir proprju msaħħaħ. Dan ikun jinvolvi rwol ta’ ritorn aktar b’saħħtu fil-livell tal-UE; u anqas livelli limiti tal-interventi għall-Aġenzija biex jgħin biex jiġu evitati nuqqasijiet serji fil-kontrolli fil-fruntieri esterni li jistgħu jwasslu għal kriżi. Dan ix-xenarju jenħtieġ baġit ta’ madwar EUR 20 sa 25 biljun matul perjodu ta’ seba’ snin, li jikkorrispondu għal madwar bejn 1,8 u 2,3 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali.

Sistema sħiħa ta’ ġestjoni tal-fruntieri tal-UE timplika 100,000 membru tal-persunal tal-UE u riżerva sostanzjali ta’ tagħmir, komparabbli mas-sistema tal-Istati Uniti jew dik Kanadiża. Dan ikun jirrikjedi madwar EUR 150 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin, filwaqt li titqies in-nefqa nazzjonali kollha fuq il-protezzjoni tal-fruntieri. Dan ikun jikkorrispondi għal madwar 14 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, l-ekwivalenti ta’ baġit annwali tal-UE. Bħala eżempju, l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti waħedha għandha baġit annwali ta’ USD 13,56 biljun u aktar minn 62,000 impjegat. L-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada għandha baġit annwali ta’ madwar Can$ 2 biljun u aktar minn 14,000 impjegat.

L-Unjoni tagħna tenħtieġ ukoll strumenti mfassla tajjeb, flessibbli u ssimplifikati fir-rigward tad-difiża. Qed naffaċċjaw sfidi kumplessi tas-sigurtà li l-ebda Stat Membru ma jista’ jaffronta waħdu. Jeħtieġ li l-Ewropa terfa’ aktar responsabbiltà biex tipproteġi l-interessi, il-valuri kif ukoll l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħha, flimkien mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana. Filwaqt li l-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża, hija tista’ tikkumplimenta u tingrana l-kollaborazzjoni tagħhom fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ sigurtà komuni tagħna. Dan jevita d-duplikazzjoni u jippermetti aktar użu effiċjenti tal-flus tal-kontribwenti.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

X’inhu l-aħjar mod biex tiġi appoġġjata Unjoni Ewropea tad-Difiża vera?

Il-Fond Ewropew għad-Difiża, ġie introdott f’Ġunju 2017 u qed jinbena bil-mod il-mod. B’baġit inizjali limitat ta’ EUR 90 miljun għar-riċerka fil-qasam tad-difiża, kif ukoll EUR 500 miljun għall-iżvilupp industrijali għall-perjodu ta’ bejn l-2017 u l-2020 (meqjusa flimkien, jirrappreżenta madwar 0,05 % tal-Qafas Finanzjarju attwali), fl-ewwel fażi tiegħu jkun kapaċi jappoġġja biss għadd limitat ta’ riċerka kollaborattiva u proġetti ta’ żvilupp.

X’tip ta’ fond għad-difiża rridu għall-futur? Unjoni Ewropea tad-Difiża vera tkun tenħtieġ investiment sinifikanti mill-baġit.

Minħabba l-iskala tal-baġits nazzjonali eżistenti għar-riċerka dwar id-difiża, Franza u l-Ġermanja kull wieħed individwalment qed jinvestu aktar minn EUR 1 biljun fis-sena għar-riċerka dwar id-difiża u minħabba l-ispejjeż għolja ta’ teknoloġiji avvanzati li qed jiżviluppaw fil-qasam tad-difiża, inkluż għal difiża ċibernetika, it-tieqa għar-riċerka tal-Fond jkunu jenħtieġu stima ta’ baġit ta’ mill-inqas EUR 3,5 biljun matul il-perjodu ta' żmien biex jagħmlu differenza sostanzjali.

Bl-istess mod, se jkunu meħtieġa mill-inqas madwar EUR 7 biljun bejn l-2021 u l-2027 biex tiġi kkofinanzjata parti mill-ispiża tal-iżvilupp fl-industrija tad-difiża. Dan jippermetti l-ingranaġġ ta’ investiment totali sinifikanti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża ta’ mill-anqas EUR 35 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin. Dan ikun jikkorrispondi għal 14 % tal-infiq nazzjonali fuq il-kapaċitajiet tad-difiża. Ikun pass kbir lejn il-mira maqbula mill-Istati Membri fl-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex jintużaw 35 % tal-infiq għat-tagħmir tagħhom għal proġetti kollaborattivi.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża għandu l-potenzjal li jagħti spinta importanti lill-awtonomija strateġika tal-UE u l-kompetittività tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa. Madankollu, minħabba l-limitazzjonijiet tat-Trattati, il-baġit tal-UE mhuwiex kapaċi jkopri l-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Mekkaniżmu ta’ finanzjament separat ta’ madwar EUR 10 biljun għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027 se jżid b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-UE biex tappoġġja finanzjarjament l-operazzjonijiet b’implikazzjonijiet ta’ difiża. Dan ikun jammonta għal EUR 3,5 biljun fil-perjodu attwali.

Sentejn wara l-Ftehim ta' Pariġi, l-UE jenħtieġ li tibqa’ wkoll soda fit-tmexxija tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tiżgura tranżizzjoni bla xkiel lejn ekonomija moderna, nadifa u ċirkolari. L-esperjenza tal-integrazzjoni tal-klima għandha tiġi kkunsidrata. L-UE trid tagħmel tajjeb ukoll rigward l-impenn tagħha tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-baġit tal-UE jappoġġja wkoll l-ekonomija tas-suq soċjali unika tal-Ewropa. Ir-realtajiet ekonomiċi u soċjali huma differenti madwar l-Ewropa, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impjiegi, rati ta’ faqar u sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li l-baġit tal-UE iwettaq il-wegħdiet li saru mill-Mexxejja fis-Summit Soċjali f’Gothenburg. Dan ifisser aktar żvilupp tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-appoġġ għaż-żgħażagħ u għall-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej. Se jkunu meħtieġa riżorsi adegwati biex jitjiebu l-opportunitajiet ta' xogħol u jiġu indirizzati l-isfidi tal-ħiliet, inkluż dawk marbuta mad-diġitalizzazzjoni.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

X’inhu l-aħjar mod biex tiġi appoġġjata l-mobbiltà taż-żgħażagħ?

Wara 30 sena, l-Erasmus+ għen lil disa’ miljun żagħżugħ u żagħżugħa biex jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu jew jagħmlu volontarjat f’pajjiż ieħor, biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol. Il-programm Erasmus+ attwali ta’ bejn l-2014 u l-2020 għandu baġit ta’ EUR 14,7 biljun (madwar 1,3 % tal-ammont totali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali), li jistgħu joffru opportunitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim għal anqas minn 4 % taż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa. 

Hemm kunsens qawwi dwar il-ħtieġa li jiżdiedu kemm il-mobbiltà kif ukoll l-iskambji, inkluż permezz ta’ programm Erasmus + sostanzjalment imsaħħaħ, inklużiv u estiż. Skont il-livell ta’ ambizzjoni, jistgħu jiġu previsti diversi xenarji:

L-irduppjar tal-għadd ta’ żgħażagħ fl-UE li jipparteċipaw f’Erasmus + li jilħaq 7,5 % taż-żgħażagħ, madwar l-Ewropa kollha jkun jirrikjedi investiment ta’ EUR 30 biljun fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (matul perjodu ta’ seba’ snin).

L-għoti ta’ opportunità għal wieħed minn kull tliet żgħażagħ biex jipparteċipaw f’esperjenza ta' tagħlim ta' Erasmus+ barra mill-pajjiż ikun jeħtieġ baġit ta’ madwar EUR 90 biljungħall-perjodu bejn l-2021 u l-2027.

Il-konnettività tal-ogħla livell tal-infrastruttura diġitali, tal-enerġija u tat-trasport hija l-bażi għall-koeżjoni territorjali, soċjali, u ekonomika tal-Ewropa. L-Ewropa trid tħaddan il-potenzjal tal-innovazzjoni u taħtaf l-opportunitajiet li din iġġib magħha. B’mod partikolari, il-bidla teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni qed ibiddlu l-industriji tagħna u l-mod kif naħdmu, kif ukoll l-edukazzjoni u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. L-Ewropa għadha lura f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ekonomija u soċjetà diġitali. Dan id-distakk fl-investimenti diġitali mhux biss idgħajjef il-kapaċità tal-Ewropa fl-innovazzjoni u t-tkabbir, iżda wkoll il-potenzjal tagħha li tindirizza l-ħtiġijiet tas-soċjetà emerġenti. L-isfruttar tal-opportunitajiet online u t-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali huma għalhekk prijorità ewlenija tal-Unjoni.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Kif l-aħjar li tiġi xprunata t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa?

Appoġġ tal-UE għal infrastruttura tad-data, il-konnettività u l-ħiliet diġitali tal-Ewropa, li jammonta għal madwar EUR 35 biljun matul il-perjodu ta’ seba’ snin. Dan huwa pprovdut permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (EUR 17-il biljun), il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (EUR 13-il biljun), il-Fond Soċjali Ewropew (EUR 2,3 biljun), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR 1 biljun) u l-Programm Ewropa Kreattiva (EUR 1 biljun).

Iż-żamma jew anke t-tnaqqis tal-livelli attwali ta’ investiment jistgħu jikkompromettu l-kapaċità tal-UE biex tibqa’ kompetittiva f’setturi industrijali u tas-servizzi ewlenin bħall-produzzjoni industrijali u makkinarju, is-servizzi finanzjarji, il-kura tas-saħħa, it-trasport, l-enerġija jew l-industrija tal-karozzi. In-nuqqas ta’ investiment f’ħiliet diġitali se jkompli jwessa’ d-distakk bejn id-domanda u l-għarfien espert disponibbli, filwaqt li l-awtomatizzazzjoni se tieħu post il-kompiti tradizzjonali. Dan jissarraf f’inqas prospetti ta’ tkabbir, impjiegi u servizzi pubbliċi ta’ standard inferjuri u vulnerabbiltà ogħla għat-theddid taċ-ċibersigurtà.

L-irduppjar tal-ammonti attwalment investiti fl-ekonomija diġitali għal madwar EUR 70 biljun matul il-perjodu 2021-2027 se jwassal għal progress qawwi lejn it-tkabbir intelliġenti f’oqsma bħalma huma data ta’ kwalità għolja tal-infrastruttura, il-konnettività u ċ-ċibersigurtà. Dan jippermetti l-introduzzjoni ta’ servizzi siguri u affidabbli ġodda fis-saħħa elettronika, fil-gvern elettroniku jew fil-mobbiltà. Dan ser jgħin biex jiżgura tmexxija Ewropea fis-supercomputing, l-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u l-big data. Dan isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija u n-negozji fl-ekonomija diġitali fl-Ewropa kollha. Dan ikollu wkoll impatt sinifikanti fuq l-indirizzar tad-diskrepanza fil-ħiliet madwar l-Unjoni.

Il-baġit tal-UE jipprovdi pjattaforma għal riċerkaturi u t-timijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jsegwu r-riċerka u tiġi stimolata l-innovazzjoni. L-Ewropa jeħtiġilha wkoll tgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex il-kumpaniji javvanzaw. L-iżvilupp ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u ta' intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju lil hinn mill-fażi tal-bidu tibqa’ sfida. Ħafna intraprendituri jitilqu mill-Ewropa biex ifittxu kundizzjonijiet aħjar biex jikbru. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-futur tagħna. Dawn huma l-uniku mod biex jiġi indirizzat simultanjament u b’mod sostenibbli t-tkabbir ekonomiku baxx, il-ħolqien limitat ta’ impjiegi u l-isfidi globali bħalma huma s-saħħa u s-sigurtà tal-ikel, u l-oċeani, il-klima u l-enerġija.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Kif l-aħjar li tingħata spinta lill-kompetittività
permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni?

Għal ekonomiji avvanzati bħal fl-Ewropa, ir-riċerka u l-innovazzjoni jagħmlu differenza fit-titjib tal-produttività u l-kompetittività tingħata spinta ’l quddiem. Il-baġit futur tal-UE għandu għalhekk jippermetti lill-UE biex tinvesti f’muturi tal-innovazzjoni li jippermettu lill-industrija Ewropea tikber u tirnexxi. L-Unjoni bħalissa qed tonfoq kważi EUR 80 biljun għall-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 għall-perjodu 2014-2020. Liema baġit tar-riċerka għandu jkollha fil-ġejjieni?

Iż-żamma jew anke it-tnaqqis tal-livelli attwali ta’ investiment ma jindirizzawx il-problema ta’ nuqqas ta’ finanzjament. Dan jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-investimenti nazzjonali u privati, u jdgħajjef l-isforzi biex tintlaħaq il-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta’ investiment ta’ 3 % tal-Prodott Domestiku Gross għar-riċerka u l-iżvilupp. L-Unjoni se taqa’ aktar lura meta mqabbla ma’ mexxejja dinjija. Se titnaqqas ir-riċerka ta’ appoġġ għal politiki oħra tal-UE.

Żieda fil-Programm Qafas b’50 % għal EUR 120 biljun toħloq madwar 420,000 impjieg addizzjonali sal-2040 u żżid il-Prodott Gross Domestiku b’madwar 0,33 % matul l-istess perjodu. Din tkompli x-xejra li qed tikber tal-aħħar baġits riċenti tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u tiżgura sehem aċċettabbli ta’ proposti ta’ kwalità għolja ffinanzjati. Din iżżid l-attrattività dinjija tal-Unjoni għal riċerkaturi ewlenin u tindirizza n-nuqqasijiet fl-innovazzjoni u tkabbar l-opportunitajiet. Din tkun qed tappoġġa l-progress fuq prijoritajiet bħalma huma dawk diġitali, l-enerġija, il-klima u s-saħħa.

Żieda doppja fil-Programm Qafas għal EUR 160 biljun toħloq madwar 650,000 impjieg addizzjonali sal-2040 u żżid madwar 0,46% fil-Prodott Gross Domestiku matul l-istess perjodu. Din tippermetti lill-UE biex tkun tista’ toħroġ bħala mexxej globali f’inizjattivi fuq skala kbira, tħejji soluzzjonijiet biex jiġu adottati b'mod sħiħ fis-suq f'oqsma bħal batteriji, mard infettiv, vetturi u bini intelliġenti u nodfa, teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni, ekonomija ċirkolari, soluzzjonijiet għall-iskart tal-plastik u karozzi konnessi/awtomatizzati.

Bl-ekonomija tespandi b’iżjed minn 2 % kull sena, aħna issa qed naqilbu l-paġna minn fuq l-agħar kriżi ekonomika u finanzjarja tal-UE. Iż-żona tal-euro kibret għal 19-il Stat Membru u l-euro hu t-tieni munita l-aktar użata fid-dinja. L-Istati Membri kollha ħlief wieħed tal-EU-27 huma impenjati legalment biex jissieħbu fiż-żona tal-euro f’xi stadju. Is-swieq finanzjarji reġgħu kisbu saħħa ta’ qabel il-kriżi u t-titjib reċenti, inkluż it-twaqqif tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, tagħtina l-opportunità li nirranġaw is-saqaf waqt li tfeġġ ix-xemx.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Kif jista’ l-baġit tal-UE jirfed
Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina?

F’Diċembru tal-2017, il-Kummissjoni stabbiliet viżjoni ta’ kif iż-żona tal-euro u l-Unjoni bħala ħaġa waħda tista’ tissaħħaħ bl-użu tal-baġit tal-UE - kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni. Ġew ippreżentati erba’ funzjonijiet speċifiċi: biex jiġu appoġġati riformi strutturali f’livell nazzjonali; biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza għall-Istati Membri fi triqithom biex jissieħbu maż-żona tal-euro; biex tiġi provduta garanzija ta’ kontinġenza għall-Unjoni Bankarja; u biex tiġi żviluppata funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni, li tlaqqa’ flimkien fondi u strumenti differenti tal-UE u taż-żona tal-euro biex jgħinu jżommu l-livelli ta’ investiment f’każ ta’ xokkijiet asimmetriċi kbar. Dawn il-funzjonijiet jirrikjedu eżami mill-ġdid li jmur lil hinn mir-restrizzjonijiet tal-baġit attwali tal-UE. Pereżempju, dan jista’ jsir permezz ta’ sinerġiji mal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Fond Monetarju Ewropew futur. Madankollu, il-baġit tagħna ta’ wara l-2020 se jeħtieġ ukoll li jagħti is-sehem tiegħu:

L-għodda ta’ implimentazzjoni tar-riforma u l-faċilità tal-konverġenza se jeħtieġu li jkunu kapaċi jipprovdu appoġġ b’saħħtu u inċentivi għal firxa wiesa’ ta’ riformi f l-Istati Membri. Linja baġitarja ta’ madwar mill-inqas EUR 25 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin se tipprovdi massa kritika u tgħin sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni ta’ finanzjament fuq ftit Stati Membri biss.

Il-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni għandha tinbena progressivament maż-żmien, billi tibbaża ruħha fuq self spalla ma’ spalla garantit mill-baġit tal-UE, self mill-Fond Monetarju Ewropew, mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni volontarja bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali kif ukoll komponent ta’ għotjiet mill-baġit Ewropew. L-ammonti meħtieġa mill-baġit tal-UE mhux neċessarjament hemm bżonn li jkunu għoljin ħafna iżda jeħtieġ li ikunu sinifikanti biżżejjed biex, pereżempju, jitnaqqas il-piż tal-imgħax ta’ self u jipprovdu inċentivi biex jimplimentaw kif xieraq l-iskema ta’ appoġġ.

Il-politika ta’ koeżjoni hija l-politika ewlenija ta’ investiment tal-Unjoni biex tnaqqas id-disparitajiet fost ir-reġjuni u l-Istati Membri billi toffri opportunitajiet indaqs lin-nies madwar l-Ewropa. Hija mutur importanti għall-ħolqien ta’ impjiegi, tkabbir u innovazzjoni sostenibbli f’reġjuni differenti tal-Ewropa. Billi jiġu pprovduti inċentivi għal riforma permezz ta’ rabta aktar b’saħħitha mas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, il-politika ta’ koeżjoni futura tista’ ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala xprun għall-immodernizzar tal-ekonomiji tagħna.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

X’livell ta’ ambizzjoni għal politika ta’ koeżjoni effiċjenti?

Il-politika ta’ koeżjoni hija espressjoni konkreta ta’ solidarjetà ma’ dawk il-partijiet anqas żviluppati ekonomikament tal-Unjoni tagħna. L-għan tagħha hi li trawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huwa attwalment disponibbli għall-Istati Membri kollha tal-UE. Dan għandu jitkompla jew il-politika għandha tiġi limitata għal reġjuni u/jew l-Istati Membri anqas żviluppati? Jekk l-eliġibbiltà tinżamm għal kulħadd, x’għandu jkun il-livell ta’ ambizzjoni?

Jekk l-eliġibbiltà għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni kellha tinżamm fis-seħħ għall-Istati Membri kollha u r-reġjuni kollha, jista’ jinkiseb titjib fl-effiċjenza bil-modulazzjoni ta’ intensitajiet ta’ għajnuna u b'appoġġ immirat aħjar. Jekk il-livelli ta’ nefqa attwali ta’ madwar EUR 370 biljun 4 , jiġifieri madwar 35 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, jinżamm, dan jippermetti li tinżamm enfasi qawwija fuq l-investiment fir-reġjuni kollha f’oqsma bħall-innovazzjoni, it-trasformazzjoni industrijali, it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, l-azzjoni klimatika, u opportunitajiet aħjar ta’ impjieg.

Jekk il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew ittemmu l-appoġġ għal reġjuni aktar żviluppati u ta’ tranżizzjoni, dan ikun jammonta għal tnaqqis ta’ madwar EUR 95 biljun matul il-perjodu, li jirrappreżenta aktar minn kwart tal-allokazzjonijiet attwali minn dawk il-fondi. Dan jikkorrispondi għal madwar 8,7 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. F’dan ix-xenarju, se jitwaqqaf l-appoġġ għar-reġjuni fl-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands, l-Iżvezja u ħafna reġjuni fl-Italja u Spanja.

F’każ li l-appoġġ ikun limitat saħansitra iktar għal pajjiżi tal-koeżjoni, l-investiment għal reġjuni inqas żviluppati fi Franza, l-Italja u Spanja wkoll jeħtieġ li jitwaqqaf. Dan ikun jammonta għal tnaqqis ta’ madwar EUR 124 biljun matul il-perjodu ta' żmien, li jirrappreżenta madwar 33 % tal-allokazzjonijiet attwali. Dan jikkorrispondi għal madwar 11 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali.

Fix-xenarji 2 u 3, l-appoġġ għall-isfidi ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali jkollu jiġi ttrasferit fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Xenarju 1: Appoġġ għar-reġjuni Ewropej kollha

Kategoriji ta’ reġjuni

Anqas żviluppati: PDG/capita < 75 % tal-medja tal-EU-27

Tranżizzjoni: PDG/capita >= 75 % u < 100% tal-medja tal-EU-27

Aktar żviluppati: PDG/capita >= 100 % tal-medja tal-EU-27

Xenarju 2: Appoġġ għal reġjuni anqas żviluppati u pajjiżi ta’ koeżjoni

Reġjuni potenzjalment eliġibbli

Appoġġ reġjonali

Appoġġ tal-Fond ta’ Koeżjoni

Reġjuni oħrajn

Xenarju 3: Appoġġ għal pajjiżi ta’ koeżjoni biss

Reġjuni potenzjalment eliġibbli

Appoġġ reġjonali

Appoġġ tal-Fond ta’ Koeżjoni

Reġjuni oħrajn

Politika Agrikola Komuni modernizzata ikollha tappoġġa t-tranżizzjoni lejn settur agrikolu sostenibbli b’mod sħiħ u l-iżvilupp ta’ żoni rurali vibranti. Trid tiżgura aċċess għal ikel sikur, ta’ kwalità għolja, affordabbli, nutrittiv u varjat. Politika Agrikola Komuni modernizzata trid ssaħħaħ il-valur miżjud Ewropew billi tirrifletti livell ogħla ta’ ambizzjoni ambjentali u klimatika u billi tindirizza l-aspettattivi taċ-ċittadini għas-saħħa, l-ambjent u l-klima. L-Ewropa teħtieġ settur agrikolu b’saħħtu u reżiljenti bbażat fuq fibra soċjoekonomika b’saħħitha f’żoni rurali.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

X’livell ta’ ambizzjoni għal Politika Agrikola Komuni effiċjenti?

Fil-qafas 2014-2020, il-Politika Agrikola Komuni timmobilizza madwar EUR 400 biljun biex tiffinanzja miżuri tas-suq, pagamenti diretti lill-bdiewa u programmi ta’ żvilupp rurali sabiex tippromwovi l-agrikoltura sostenibbli u ekonomiji rurali vijabbli. Il-pagamenti diretti jirrappreżentaw madwar 70 % ta’ dan l-ammont. Il-programmi ta’ żvilupp rurali jappoġġaw l-investimenti, it-taħriġ u produzzjoni agrikola aktar effiċjenti tar-riżorsi u li bħalissa għandhom valur ta’ madwar EUR 100 biljun għall-perjodu kollu. Dawn il-programmi huma kofinanzjati mill-Istati Membri. Permezz tal-Politika Agrikola Komuni, l-Unjoni qed tgħin biex jiġu indirizzati l-problemi strutturali f’żoni rurali, bħalma huma n-nuqqas ta’ opportunitajiet attraenti ta’ impjieg jew in-nuqqasijiet ta’ ħiliet. Il-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur ġodda bħall-enerġija nadifa u l-bijoenerġija, u l-għajnuna liż-żoni rurali biex japprofittaw mill-valur tax-xenarji tagħhom huma fost l-objettivi ewlenin ta’ dawn l-isforzi.

Għaddejjin diskussjonijiet dwar kif isir l-aħjar użu ta’ pagamenti diretti. Suġġeriment ewlieni huwa li jitnaqqsu u jkunu mmirati aħjar il-pagamenti diretti, f’konformità mal-objettivi tal-politika. Illum, 80 % tal-pagamenti diretti jmorru għal 20 % tal-bdiewa. Qed jiġu diskussi modi biex jitnaqqsu d-differenzi ta’ appoġġ agrikolu bejn l-Istati Membri. Bidliet fis-sistema ta’ pagamenti diretti għandhom jipprovdu opportunità biex il-pagamenti ikunu ffukati fuq ir-riżultati mistennija, bħal produzzjoni agrikola sostenibbli f’reġjuni inqas profittabbli jew reġjuni muntanjużi, enfasi fuq l-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju, investimenti f’sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u koordinazzjoni aħjar ma’ miżuri ta’ żvilupp rurali.

Iż-żamma ta’ livelli ta’ nefqa ta’ madwar EUR 400 biljun 5 matul il-perjodu għall-Politika Agrikola Komuni, li jikkorrispondu għal madwar 37 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, ser jippermettu permezz ta’ immirar aħjar, appoġġ b’mod partikolari għal azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju li jżidu l-effetti pożittivi indiretti għal żoni rurali. 

Tnaqqis ta’ appoġġ għall-Politika Agrikola Komuni minn 30 % għandu jirrappreżenta madwar EUR 120 biljun matul il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, jew madwar 11 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. Dan ix-xenarju jista’ jara tnaqqis fil-medja tal-introjtu mill-biedja ta’ aktar minn 10 % f’għadd ta’ Stati Membri u potenzjalment tnaqqis aktar qawwi fid-dħul f’setturi speċifiċi.

Tnaqqis ta’ appoġġ għall-Politika Agrikola Komuni minn 15 % għandu jirrappreżenta madwar EUR 60 biljun matul il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, jew madwar 5,5 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. F’dan ix-xenarju, it-tnaqqis mill-introjtu agrikolu medju jkun aktar limitat, iżda xorta jista’ jkollu impatt viżibbli f’ċerti setturi skont l-għażliet li jsiru.

Dawn ix-xenarji ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat. Kwalunkwe tnaqqis fil-pagamenti diretti għandu jkun akkumpanjat minn immirar aħjar fil-baġit li jifdal, pereżempju permezz ta’ enfasi akbar fuq l-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju u koordinazzjoni aħjar ma’ miżuri ta’ żvilupp rurali.

Barra minn hekk, l-Unjoni trid tkun tista’ tissodisfa l-għanijiet internazzjonali tagħha. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar fornituri fid-dinja ta’ għajnuna għall-iżvilupp. Iċ-ċittadini tal-UE jistennew li l-Ewropa jkollha rwol ewlieni fid-dinja, biex tippromwovi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. Huma jridu li l-Ewropa tipprojetta stabbiltà u sigurtà, b’mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-Ewropa. Huma jridu li l-Ewropa tipprovdi massa kritika biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-isfidi globali bħalma huma l-migrazzjoni irregolari u l-estremiżmu vjolenti. Huma jridu li l-Ewropa tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli, teqred il-faqar, u tippromwovi l-governanza aħjar u l-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Huma jridu li l-Ewropa tirreaġixxi għall-kriżijiet, kemm jekk huma kkawżati mill-bniedem jew naturali. Huma jridu li l-Ewropa tmexxi diskussjonijiet multilaterali fuq kwistjonijiet ta’ tħassib globali, tkompli tippromwovi ordni globali bbażat fuq ir-regoli, u trawwem il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni, mill-ekonomija, sal-enerġija, il-paċi u s-sigurtà, id-difiża u l-azzjoni klimatika.

Fl-istess ħin, l-instabbiltà u l-kunflitti fil-viċinat tan-nofsinhar tagħna u lil hinn ġew aggravati mill-kriżi ekonomika globali. Dan kompla ħarrax il-pressjonijiet migratorji b'nies fir-reġjun li jiċċaqilqu aktar minn qatt qabel. Dan se jibqa’ r-realtà ta’ kuljum u sfida. Irridu nikkonsolidaw u nerġgħu insaħħu d-dimensjoni esterna tal-isforzi tagħna biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni u jiġi pprovdut appoġġ għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

F’dan il-kuntest, għandna nsibu sinerġiji intelliġenti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u banek promozzjonali nazzjonali u ta’ żvilupp, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi skarsi jintefqu b’mod effettiv u l-investimenti pubbliċi u privati jiġu mobilizzati fejn possibbli. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-qalba tal-Pjan ta’ Investiment Estern tal-UE, huwa mudell li jista’ jiġi estiż fil-futur.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Kif l-aħjar li nipprojettaw l-interessi tagħna f'pajjiżi oħra?

Fil-ġejjieni, l-Unjoni se jkollha bżonn tkun attrezzata bi strumenti li jippermettulha li twettaq l-ambizzjonijiet u l-isfidi eżistenti u ġodda. Fil-qafas 2014–2020, il-baġit dedikat għal azzjoni esterna jammonta għal madwar EUR 66 biljun. Dan jirrappreżenta madwar 6 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li bħalissa huwa barra mill-baġit tal-Unjoni, huwa l-istrument prinċipali għall-għoti ta’ għajnuna għall-iżvilupp lil pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej. Ir-riżorsi finanzjarji totali tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp jammontaw għal madwar EUR 31 biljun għall-perjodu 2014-2020.

Fil-futur:

Żieda tal-volum attwali ta’ finanzjament għall-istrumenti esterni, aktar minn EUR 100 biljun matul il-perjodu jippermetti li l-UE tilħaq l-ambizzjonijiet eżistenti u ġodda, li jvarjaw mill-kooperazzjoni internazzjonali, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-investiment, il-governanza, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, sal-promozzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-assistenza umanitarja, ir-rispons għall-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-konflitti. Trid tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ għall-istrateġija tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent kif ukoll għall-isforzi ta’ stabbilizzazzjoni tal-UE fil-viċinat tagħha stess u fl-Afrika.

Simplifikazzjoni sinifikanti u razzjonalizzazzjoni ta’ strumenti esterni jistgħu jsaħħu aktar l-effettività u l-effiċjenza tal-baġit iddedikat għar-relazzjonijiet esterni. Dan jista’ jinkludi l-integrazzjoni tal-Fond għall-Iżvilupp Ewropew fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali, dment li dan huwa rifless fil-limitu massimu tan-nefqa ġenerali u li l-flessibilitajiet eżistenti jinżammu.

Il-baġit għar-relazzjonijiet esterni għandu jitqies ukoll fl-isfond tal-impenn kollettiv tal-UE u tal-Istati Membri, li jiddedikaw 0,7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp sal-2030. Dan ikun jinvolvi sforz addizzjonali fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss ta’ madwar EUR 40 biljun fuq seba’ snin, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit. Dan jippresupponi li l-UE se żżomm is-sehem attwali tagħha ta’ 20 % tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp. 



4. L-immodernizzar tal-Baġit tal-UE 

Il-prijoritajiet u l-għażliet ta’ politika stipulati hawn fuq juru l-għażliet li jridu jsiru dwar il-baġit futur tal-UE. Dawn l-għażliet se jiddeterminaw id-daqs u l-ambizzjoni tal-ewwel Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni b’27. Dawn se jiddefinixxu l-livell ta’ ambizzjoni għall-Ewropa, u sa fejn l-Unjoni tkun tista’ tilħaq il-wegħda tal-Aġenda ta’ Bratislava.

Il-qafas Finanzjarju li jmiss jeħtieġ li jkun kbir biżżejjed fid-daqs u flessibbli biżżejjed fin-natura tiegħu. Jeħtieġ li jkun kbir biżżejjed biex imexxi prijoritajiet ġodda u jittratta l-irtirar tar-Renju Unit. In-nuqqas li jirriżulta mill-irtirar tar-Renju Unit għandu jkun kopert b’mod ugwali bi flus ġodda u b’iffrankar fi programmi eżistenti. Jeħtieġ li jikkombinaw iffrankar proporzjonat u riallokazzjonijiet fi ħdan il-baġit tal-UE b’rieda li jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali biex jintlaħqu prijoritajiet ġodda.

Huwa ċar ukoll li l-impatt tal-baġit Ewropew jiddependi mhux biss fuq id-daqs tiegħu, iżda wkoll fuq it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ politika. Il-valur miżjud Ewropew, prestazzjoni aħjar u simplifikazzjoni huma l-elementi essenzjali għal baġit tal-UE modern u effettiv. Aktar simplifikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri tgħin biex jintlaħaq dan l-għan. Il-programmi Ewropej ta’ nefqa jridu jirriflettu d-determinazzjoni tagħna li niżguraw li kull euro jintefaq bl-aktar mod effiċjenti possibbli u li r-riżultati jinħassu malajr fuq il-post.

Dan jirrikjedi li jsir l-aħjar użu ta’ strumenti bħal garanziji, self jew strumenti finanzjarji. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi msaħħaħ għandu pereżempju rwol importanti biex jikkatalizza l-investimenti privati fl-Ewropa kollha. Billi jsir investiment konġunt fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-infrastruttura, konna kapaċi noħolqu impjiegi u tkabbir filwaqt li nindirizzaw l-isfidi globali, bħat-tibdil fil-klima, ix-xjenza, it-trasport, l-enerġija u l-politika tal-ispazju.

L-użu b’suċċess ta’ dawn l-istrumenti jirrikjedi strateġija ċara u approċċ aktar issimplifikat. Għotjiet u sussidji se jkomplu jkunu meħtieġa għall-proġetti li ma jiġġenerawx dħul, bħall-iskambji ta’ Erasmus+ jew l-assistenza umanitarja. Madankollu, garanziji u strumenti finanzjarji jistgħu jingranaw il-baġit kull fejn ikun hemm interess tas-suq.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Kif jista’ jsir aktar b’anqas permezz ta’ strumenti finanzjarji?

Id-dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE enfasizza l-importanza ta’ garanziji u strumenti finanzjarji biex jgħinu biex isir “aktar b’inqas”. Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi pereżempju huwa mistenni li jimmobilizza aktar minn EUR 500 biljun, li tkun spinta kbira għall-ekonomija Ewropea. Madankollu, ix-xenarju ta’ strumenti bbażati fuq is-suq tal-UE huwa frammentat, bi kważi 40 strument finanzjarju u tliet garanziji baġitarji u fondi ta’ garanzija ġestiti ċentralment, li jammontaw għal sehem ta’ madwar 4 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. Fil-qasam tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biss, hemm seba’ strumenti finanzjarji ġestiti ċentralment u bosta mijiet f’ġestjoni kondiviża. Jidher ċar li hemm lok għal razzjonalizzazzjoni u effiċjenza akbar.

Opzjoni waħda biex itejjeb l-effiċjenza u l-impatt ta’ strumenti li għandhom l-għan li jappoġġaw l-investiment fl-UE tista’ tkun l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan strument ta’ appoġġ ta’ investiment wieħed. Din se tkompli ssaħħaħ il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u jkollha impatt pożittiv fuq il-livelli ta' investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE.

Użu usa’ ta’ strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji jista’ jżid b’aktar mid-doppju l-investimenti mobilizzati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, sa EUR 2 triljuni.

Il-flessibbiltà baġitarja hija prinċipju ieħor li għandu jirfed il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Dan se jkun essenzjali għall-adattament għal ħtiġijiet ġodda u kundizzjonijiet ġeopolitiċi u domestiċi instabbli. Strumenti speċjali, li jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti, se jibqgħu kruċjali għall-indirizzar ta’ sfidi emerġenti bħall-migrazzjoni jew l-assistenza umanitarja. Barra minn hekk, hemm argument b’saħħtu biex jerġa’ jsir studju fuq mekkaniżmi eżistenti biex jiġi żgurat li l-baġits allokati jappoġġaw il-prijoritajiet Ewropej b’mod effettiv. Attwalment dan mhuwiex dejjem il-każ, billi parti mill-impenji baġitarji previsti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali tiġi kanċellata aktar tard. Dan jista’ jiġri minħabba għadd ta’ raġunijiet, bħal dewmien fit-tnedija ta’ proġetti, żbalji formali fl-implimentazzjoni tal-proġetti jew żbalji fid-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż. B’riżultat ta’ dan, il-baġit tal-UE mhuwiex qiegħed jintuża bil-potenzjal sħiħ tiegħu biex jappoġġa l-objettivi tal-UE u jipprovdi valur miżjud Ewropew. Din hija opportunità mitlufa biex jiġu appoġġati l-prijoritajiet komuni tagħna.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Kif nistgħu nagħmlu l-aħjar użu mill-fondi diżimpenjati?

Attwalment, fondi li kienu impenjati għall-baġit tal-UE iżda li fl-aħħar mill-aħħar ma jintefqux fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE jiġu kkanċellati. Dawn ir-riżorsi jnaqqsu l-kalkoli annwali tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali grossi tal-Istati Membri meta mqabbel mal-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji baġitarji.

Minflok ma jiġu kkanċellati dawn l-ammonti, jistgħu jintużaw għal riżerva tal-Unjoni. Din ir-riżerva tista’ tintuża biex jintlaħqu prijoritajiet komuni u bħala reazzjoni għal sfidi komuni. Stimi attwali juru li madwar EUR 21 sa 28 biljun jistgħu jsiru disponibbli permezz ta’ dan il-mekkaniżmu fuq perjodu ta’ seba’ snin. Dawn l-ammonti setgħu ntużaw, pereżempju, fl-2015 biex jiġi ffinanzjat il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fl-investiment li ħarġu b’riżultat tal-kriżi finanzjarja. Dan kien isir minflok ma jitneħħew programmi ta’ valur bħall-Orizzont 2020 jew il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Bl-istess mod, ir-riżerva setgħet intużat fl-2016 biex tappoġġa t-twaqqif tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, li kienet teħtieġ l-użu tal-flessibbiltà kollha fil-baġit tal-UE kif ukoll kontribuzzjonijiet separati mill-Istati Membri. Kien ikun hemm ukoll finanzjament addizzjonali li jista’ jiġi mobilizzat malajr biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni.

Fid-dinja tal-lum li qed tinbidel b’mod rapidu, se jseħħu avvenimenti imprevedibbli b’aktar frekwenza. Ir-Riżerva tal-Unjoni tippermetti reazzjoni aktar rapida u deċiżiva għal dawn l-iżviluppi. Xorta se nkunu qed nimplimentaw il-Qafas Finanzjarju li jmiss kważi għaxar snin mil-lum. Din l-istabbiltà fit-tul hija element essenzjali iżda limitu fl-istess ħin. Riżerva tal-Unjoni tipprovdi għodda b’saħħitha u flessibbli li tindirizza avvenimenti imprevisti u tirreaġixxi għal emerġenzi f’oqsma bħalma huma s-sigurtà u l-migrazzjoni.

Fl-aħħar nett, bħala parti mid-dibattitu pubbliku, ġie suġġerit li l-iżborż tal-fondi tal-baġit tal-UE jista’ jintrabat mar-rispett għall-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE u b’mod partikolari għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Kien hemm min mar lil hinn u saħaq li ksur serju tad-dritt tal-UE għandu jkollu konsegwenzi u għandu jwassal għas-sospenzjoni ta’ żborżi mill-baġit tal-UE.

L-Unjoni hija komunità tad-dritt u l-valuri tagħha huma l-bażi ewlenija tal-eżistenza tagħha. Dawn jinfiltraw fl-istruttura ġuridika u istituzzjonali kollha tagħha u l-politiki u l-programmi kollha tagħha. Għaldaqstant, ir-rispett għal dawn il-valuri jrid jiġi żgurat fil-politiki kollha tal-Unjoni. Dan jinkludi l-baġit tal-UE, fejn ir-rispett għall-valuri fundamentali huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u finanzjament effettiv tal-UE. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll għall-inizjattivi tan-negozju, għall-innovazzjoni u għall-investiment. L-ekonomija Ewropea tiffjorixxi l-aktar meta l-qafas ġuridiku u istituzzjonali jaderixxi bis-sħiħ mal-valuri komuni tal-Unjoni.

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Għandna nagħmlu aktar kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-UE?

Il-potenzjal tal-baġit tal-UE jista’ jintlaħaq biss jekk l-ambjent ekonomiku, regolatorju u amministrattiv fl-Istati Membri jkun wieħed ta’ appoġġ.

Din hija r-raġuni għaliex, taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, l-Istati Membri u l-benefiċjarji kollha huma meħtieġa juru li l-qafas regolatorju għall-ġestjoni finanzjarja huwa sod, li r-regolamentazzjoni rilevanti tal-UE qed tiġi implimentata b’mod korrett, u li l-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali meħtieġa teżisti biex tagħmel il-finanzjament mill-UE jkun suċċess. Barra minn hekk, il-kundizzjonalità tal-politika tista’ trawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’oqsma fejn l-ekonomiji ta’ skala jew l-esternalitajiet ikunu sinifikanti. Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali ġew introdotti wkoll dispożizzjonijiet ġodda biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-effettività tal-finanzjament mill-UE tiġi mminata minn politiki ekonomiċi u fiskali li ma jkunux sodi.

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid huwa opportunità biex wieħed jara jekk dawn il-prinċipji ħolqux pjattaforma soda għar-riżultati. Huwa wkoll il-mument biex wieħed iqis kif tista’ tissaħħaħ ir-rabta bejn il-finanzjament mill-UE u r-rispett għall-valuri fundamentali tal-UE.

Madankollu, jeħtieġ li kull mekkanżimu bħal dan ikun trasparenti, proporzjonali u legalment ċar. Filwaqt li fil-prinċipju tista’ tapplika għall-politiki rilevanti kollha li jinvolvu nfiq mill-baġit tal-UE, jenħtieġ li kull kundizzjonalità finanzjarja tkun preċiża, proporzjonali u tkun tesiġi konnessjoni suffiċjenti bejn il-kundizzjonijiet imposti u l-għan tal-finanzjament. Jenħtieġ ukoll li dan id-dibattitu jqis l-impatt ta’ ksur possibbli ta’ valuri fundamentali jew l-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali fuq il-benefiċjarji individwali tal-finanzjament mill-UE, bħall-istudenti tal-Erasmus, ir-riċerkaturi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li mhumiex responsabbli minn dan il-ksur 6 . 



5. Finanzjament tal-Baġit tal-UE

Id-dibattitu dwar il-Qafas Finanzjarju ta’ wara l-2020 se jkopri mhux biss għal xiex għandu jintuża l-baġit tal-UE, iżda anke kif se jiġi ffinanzjat fil-futur. In-naħa tad-dħul tal-baġit saret ikkumplikata u r-rabta bejn l-għanijiet tal-baġit tal-UE u l-mod kif inhu ffinanzjat iddgħajfet b’mod progressiv.

Sorsi ta’ finanzjament tal-baġit tal-UE

Riforma tan-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE tgħin biex id-dibattitu jiffoka fuq objettivi u fuq dawk l-oqsma fejn l-UE tista’ twassal valur miżjud reali 7 .

OPZJONIJIET GĦALL-QAFAS FINANZJARJU FUTUR

Riżorsi Proprji ġodda x’jistgħu jikkontribwixxu għall-baġit tal-UE?

Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet: L-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet hija l-pedament tal-politika tal-UE dwar il-klima. L-Istati Membri rkantaw għadd ta’ kwoti li nxtraw minn kumpaniji biex ikopru l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Sehem mir-rikavati mill-irkant ta’ kwoti jista’ jsir disponibbli għall-baġit tal-UE. Skont il-prezzijiet fis-suq għall-kwoti, sehem mid-dħul iġġenerat mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet jista’ jiġġenera dħul stmat ta’ bejn EUR 7 biljun u EUR 105 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin.

Riżorsa Proprja bbażata fuq il-VAT: Taxxa fuq il-Valur Miżjud hija taxxa fuq il-konsum ivvalutata fuq il-valur miżjud għall-oġġetti u s-servizzi kollha mibjugħa fl-UE. Illum, ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq dik it-taxxa tiddependi fuq kalkoli statistiċi kumplessi ħafna. Riżorsa Proprja riformata tista’ tiġi imposta minn bażi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud simplifikata. Id-dħul mir-Riżorsa Proprja bbażata fuq il-VAT attwali huwa ta’ madwar EUR 105-140 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin u jista’ jiġi aġġustat billi tiġi kkalibrata r-rata tal-ġbir skont il-livelli meħtieġa.

Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva: Kumpaniji kbar jibbenefikaw bil-kbir mis-Suq Uniku. Il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva hija sett uniku ta’ regoli komuni biex jiġu kkalkulati l-profitti taxxabbli tal-kumpaniji fl-Unjoni. Kontribuzzjoni bbażata fuq bażi tat-taxxa korporattiva armonizzata, possibbilment inkluż komponent diġitali, issaħħaħ ir-rabta bejn il-benefiċċji tas-Suq Uniku u l-finanzjament tal-Unjoni. Kull Stat Membru jżomm il-possibbiltà li jintaxxa s-sehem tiegħu mill-profitti bir-rata taxxa nazzjonali proprja tiegħu. Skont il-mudell magħżul u r-rata tal-ġbir applikata, taxxa marbuta mal-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva tista’ ġġib bejn EUR 21 u EUR 140 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin, mhux inkluż dħul mistenni mit-tnaqqis fl-evażjoni tat-taxxa.

Sinjoraġġ huwa t-terminu użat biex jiġi deskritt id-dħul li l-banek ċentrali u l-gvernijiet jagħmlu mill-ħruġ tal-flus. Billi l-introjtu monetarju tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħruġ tal-euro huwa marbut direttament mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jista’ jitqies bħala Riżorsa Proprja ġdida possibbli. Ammont li jikkorrispondi għal sehem mill-profitti netti li jirriżultaw mill-ishma f’introjtu monetarju fiż-żona tal-euro tal-banek ċentrali nazzjonali mħallsa lit-teżori nazzjonali jista’ jsir disponibbli għall-baġit tal-UE bħala forma ta’ kontribuzzjoni nazzjonali. Loġika simili ġiet applikata fir-rigward tal-introjtu ġġenerat mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali minn bonds akkumulati tal-Gvern Grieg meta fl-2012 il-Ministri tal-Grupp tal-Euro qablu fuq trasferiment tal-ekwivalenti tal-introjtu ġġenerat miż-żamma tal-bonds tal-Gvern Grieg għall-Greċja mill-Eurosistema (il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali). Skont il-persentaġġ applikat, dħul stmat mis-sinjoraġġ jista’ jvarja minn EUR 10,5 biljun (10 %) sa EUR 56 biljun (50 %) fuq perjodu ta’ seba’ snin.

Riżorsi Proprji ġodda jistgħu jintużaw biex issir rabta aktar diretta mal-politiki tal-Unjoni 8 . Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari biex jiġu appoġġati l-objettivi ta’ sostenibbiltà, is-Suq Uniku u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Pereżempju, sehem mid-dħul mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet jista’ jgħin biex jappoġġa l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE. Ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għandha tiġi ssimplifikata u għandha tqis ir-riforma li għaddejja għal żona unika ta’ Taxxa Ewropea fuq il-Valur Miżjud. Riżorsa Proprja bbażata fuq sehem mid-dħul mill-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva mnedija mill-ġdid issaħħaħ ir-rabta bejn il-benefiċċji tas-Suq Uniku u l-iffinanzjar tal-baġit tal-UE. Sehem mid-dħul miksub mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħruġ ta’ karti ta’ flus huwa eżempju ieħor ta’ sors ġdid ta’ dħul possibbli għall-baġit tal-UE. Riżorsi Proprji ulterjuri, inklużi dawk imsemmija fir-rapport ta’ Monti, qed jiġu analizzati f’aktar dettall.

L-irtirar tar-Renju Unit se jkun opportunità biex tiġi ratifikata b’mod radikali n-naħa tad-dħul tal-baġit. Ir-ribass li preċedentement kien mogħti lir-Renju Unit, u r-ribassi riċevuti minn Stati Membri oħra li jikkontribwixxu għall-iffinanzjar tar-ribass tar-Renju Unit, għamlu n-naħa tad-dħul tal-baġit aktar kumplessa u anqas trasparenti. Issa hemm argument b’saħħtu biex jiġu eliminati dawn il-korrezzjonijiet kollha bħala parti minn pakkett tal-baġit ġust u bbilanċjat.

6. L-importanza tal-waqt opportun

Ftehim politiku rapidu dwar baġit tal-UE ġdid u modern se jkun essenzjali biex juri li l-Unjoni hija lesta tagħti riżultati dwar l-aġenda politika pożittiva deskritta fi Bratislava u f’Ruma.

Dan juri li, wara l-irtirar tar-Renju Unit fl-2019, l-Ewropa b’27 Stat Membru hija unifikata, għandha sens ċar ta’ skop u direzzjoni, u hija lesta li tikseb riżultati. U tkun l-aħjar opportunità possibbli biex programmi ġodda jkunu lesti biex jibdew jaħdmu kif skedat fl-1 ta’ Jannar 2021, u l-objettivi politiċi jinbidlu malajr f’riżultati fuq il-post.

Ftehim bikri mhuwiex biss politikament mixtieq. Huwa wkoll obbligu prattiku. Is-sħab u l-benefiċjarji kollha tagħna għall-finanzjament mill-UE kif ukoll awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jeħtieġu ċertezza legali u finanzjarja. Jeħtieġu żmien biex iħejju l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda. L-adozzjoni tardiva tal-Qafas Finanzjarju attwali wasslet għal dewmien sinifikanti fit-tnedija tal-programmi l-ġodda u konsegwentement għall-kisba tal-prijoritajiet ta’ finanzjament tagħna.

Il-kost tal-opportunità ta’ dan id-dewmien huwa tassew kbir. Tranżizzjoni bla xkiel għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid se jkun vitali biex jinżamm il-momentum tal-irkupru ekonomiku, u biex l-Unjoni tkun tista’ tkompli taġixxi b’mod rapidu u deċiżiv fil-ħafna oqsma fejn il-ħeffa fir-reazzjoni hija kruċjali għas-suċċess.

Għaldaqstant, irridu nkunu żguri li l-esperjenza tal-qafas attwali ma tirrepetix ruħha.

Ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali fl-2019 mhux biss jibgħat sinjal ta’ Ewropa b’saħħitha u unita ta’ 27 Stat Membru li hija kapaċi tikseb riżultati b’mod konvinċenti, iżda tiżgura wkoll il-prevedibbiltà u l-kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

GĦALFEJN ID-DEWMIEN JGĦODD?

It-tnedija tal-programmi ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020 ittardjat b’mod sinifikanti. Il-leġiżlazzjoni għall-programmi settorjali ġiet finalizzata biss f’Diċembru 2013 wara ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali fl-ewwel nofs ta’ dik is-sena. Dan ittardja l-adozzjoni tar-regoli dettaljati meħtieġa biex il-programmi jaħdmu fuq il-post, kif ukoll in-negozjati sussegwenti tal-Ftehimiet ta’ Sħubija mal-Istati Membri.

B’konsegwenza ta’ dan, l-investimenti ttardjaw, kif ukoll l-appoġġ għal proġetti u riformi meħtieġa ħafna. Barra minn hekk, kien hemm tnaqqis kbir fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn fil-bidu tal-perjodu attwali.

Evoluzzjoni tal-limiti massimi ta’ impenn bejn is-snin 2000 u 2020 (prezzijiet attwali)

Limiti massimi ta’ impenn

1,30 %

1,25 %

1,20 %

1,15 %

1,10 %

1,05 %

1,00 %

0,95 %

0,90 %

0,85 %

Id-dewmien għandu konsegwenzi reali għan-nies.

L-atti legali għall-Fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni u s-Sigurtà ġew adottati biss fl-2014. Dan kien ifisser li l-ħatra tal-awtoritajiet u l-adozzjoni tal-programmi waslu biss fl-2015. B’riżultat tad-dewmien, l-istati Membri ma setgħux iniedu l-proġetti fil-ħin. Dan kellu effett fuq il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u ta’ akkomodazzjoni fl-Istati Membri u l-ġestjoni tal-fruntieri. Id-dewmien għamilha diffiċli ħafna għall-amministrazzjoni Griega li tuża l-finanzjament mill-UE biex tħejji għall-kriżi tal-2015. Il-postijiet tal-kenn ma kinux lesti. Il-kundizzjonijiet biex jintlaqgħu r-rifuġjati kienu fqar meta n-nies li kienu jeħtieġu l-protezzjoni bdew deħlin fil-gżejjer bejn Ġunju u Settembru 2015. Fl-istess ħin, Stati Membri oħra, inkluż l-Iżvezja u l-Awstrija, ma kellhomx finanzjament mill-UE għad-dispożizzjoni tagħhom biex jgħinhom jakkomodaw lin-nies li kienu ġejjin mir-rotta tal-Balkani. L-UE kellha tuża assistenza ta’ emerġenza biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Fl-2014 kien hemm għadd ta’ azzjonijiet internazzjonali permezz tal-programm Erasmus+ li ma setgħux jitwettqu minħabba l-adozzjoni tardiva tal-aħħar Qafas Finanzjarju. Dan kien ifisser li dik is-sena kien hemm madwar 25-30 000 skambju bejn studenti u għalliema mill-Istati Membri tagħna u mill-pajjiżi sħab tagħna ppjanati għall-2014 li ma setgħux iseħħu. Jekk jerġa’ jkun hemm dan id-dewmien għall-programm kollu, 1 000 000 żgħażugħ u żgħażugħa ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn skambju tal-Erasmus+ fl-2021.

Dewmien fl-implimentazzjoni tal-Programm Qafas ta’ Riċerka li jmiss jimplika nuqqas ta’ madwar 5 000 impjieg ta’ riċerka kull xahar (madwar 3-4 % tal-impjiegi ta’ riċerka totali tal-UE) u 7 000 impjieg addizzjonali fl-ekonomija usa’. Għall-istess perjodu jintilfu aktar minn 200 pubblikazzjoni ta’ riċerka, inkluż madwar 100 oġġett ta’ impatt qawwi.

Dewmien fl-għażla tal-proġetti fl-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ koeżjoni jfisser li aktar minn 100 000 proġett ma jkunux jistgħu jibdew fil-ħin. L-oqsma affettwati jinkludu l-appoġġ għan-negozji, l-effiċjenza enerġetika, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Għadd ta’ proġetti infrastrutturali fuq skala kbira wkoll jiġu affettwati bil-kbir b’dewmien. Programmi spazjali bħal Galileo jew Copernicus għandhom ċikli ta’ investiment twal. Għaldaqstant jeħtieġu prevedibbiltà fir-rigward tal-akkwisti. Proċess tal-akkwist li għaddej għal għadd ta’ satelliti ta’ Galileo se jiġi konkluż fl-2019 u jista’ jiġi implimentat bis-sħiħ biss ladarba r-rekwiżiti legali u baġitarji jkunu fis-seħħ bis-sħiħ.

Eżempji oħra tal-effetti negattivi ta’ dewmien fil-qbil dwar qafas finanzjarju ġdid jinkludu Rail Baltica. Il-proġett jibni link ferrovjarju kruċjali għall-Istati Baltiċi u għandu jitlesta sal-2025/2027. Il-proġett irid ikun kapaċi jniedi l-akkwisti ewlenin għall-kostruzzjoni fl-2021. Dan huwa kruċjali għat-tlestija ta’ proġett li se jgħin jgħaqqad ħames miljun persuna fl-Istati Baltiċi mal-bqija tal-Ewropa. Fl-istess ħin, il-link ferrovjarju b’veloċità għolja se jintuża għal flussi ta’ merkanzija mill-Finlandja sal-Ġermanja, sal-Benelux u sal-Adrijatiku.

Il-mina ta’ Brennero hija ppjanata li titlesta sal-2027, u l-inġinerija ferrovjarja mistennija li tibda taħt il-QFP li jmiss. Huwa proġett kruċjali li jaqleb nofs iż-2,2 miljun trakk tal-awtostrada ta’ Brennero f’ferroviji. Dan se jnaqqas it-tniġġis fil-widien prezzjużi ta’ bejn Munich-Innsbruck u Verona.

Il-Fehmarn Belt bejn id-Danimarka u l-Ġermanja, il-link ferrovjarju bejn Evora u Merida li fl-aħħar se jgħaqqad lil Lisbona ma’ Madrid, il-mina ta’ bejn Lyon u Turin li se tgħaqqad in-netwerks ferrovjarji b’veloċita għolja ta’ Franza u l-Italja kollha huma mistennija li jitlestew ukoll sa tmiem il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Dawn il-proġetti ma jaffordjawx li jittardjaw l-ippjanar jew l-akkwisti tagħhom sempliċiment minħabba l-adozzjoni tardiva tal-Qafas Finanzjarju Pluiennali li jmiss.

KONKLUŻJONI

Il-Qafas Finanzjarju Pluiennali ta’ wara l-2020 se jkun test deċiżiv għall-Unjoni Ewropea b’27 Stat Membru. Meta l-Mexxejja jiltaqgħu biex jieħdu deċiżjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa f’Sibiu, fir-Rumanija, fid-9 ta’ Mejju 2019, l-Unjoni b’27 Stat Membru trid tkun Unjoni ta’ azzjoni. Progress deċiżiv fuq il-Qafas Finanzjarju sa dak iż-żmien juri li l-Unjoni tista’ tnaqqas id-distakk bejn il-prijoritajiet politiċi u t-twassil ta’ riżultati tanġibbli għall-Ewropej kollha.

Ftehim f’waqtu dwar Qafas Finanzjarju ġdid u modern se jkun possibbli biss bil-gwida b’saħħitha tal-Mexxejja tal-UE u b’involviment mill-qrib mill-bidu mal-Parlament Ewropew. Il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2018 u f’Diċembru 2018 se jkunu stadji importanti u kruċjali f’dan il-proċess.

Il-Kummissjoni hija lesta li twettaq ir-rwol tagħha bis-sħiħ. Smajna lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lill-Parlamenti nazzjonali u lir-rappreżentanti kollha tal-ħafna partijiet ikkonċernati li għandhom interess fil-baġit futur. Se nkomplu nisimgħu fix-xhur li ġejjin. L-opzjonijiet u ċ-ċifri kollha msemmija f’din il-Komunikazzjoni huma illustrattivi u maħsuba biex jistimulaw dibattitu miftuħ. Ma jirrappreżentawx il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni. Id-deċiżjonijiet finali dwar il-Qafas Finazjarju Pluriennali jittieħdu mill-Mexxejja Ewropej, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Il-proposti tagħna se jespandu fuq l-ideat ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni u se jipprovdu bażi soda għal ftehim f’waqtu mill-Istati Membri kollha bil-kunsens tal-Parlament Ewropew. Se jieħdu bħala punt tat-tluq tagħhom il-prijoritajiet li l-Mexxejja qablu fuqhom flimkien.

Il-proposti se juru b’mod ċar x’ifissru dawn il-prijoritajiet f’termini finanzjarji. Huwa essenzjali li tinżamm din ir-rabta għall-kredibbiltà tal-baġit futur tal-UE. Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tagħmel inqas, baġit iżgħar ikun biżżejjed.

Iżda kull fejn l-Unjoni tiddeċiedi li tagħmel aktar, se jkun hemm konsegwenzi finanzjarji.

L-Ewropej jistennew Unjoni li tista’ tiffaċċja l-isfidi tal-futur u baġit li jista’ jwassal għalihom. Il-Mexxejja jridu jagħmlu l-parti tagħhom biex dawn l-aspettattivi jintlaħqu.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Mexxejja biex:

-jappoġġaw Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern, li jservi Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi;

-jappoġġaw bis-sħiħ u bil-qawwa l-prijoritajiet maqbula fis-16 ta’ Settembru 2016 fi Bratislava u fil-25 ta’ Marzu 2017 fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma,

-jirrikonoxxu li sabiex dawn il-prijoritajiet jinbidlu f’termini finanzjarji, jenħtieġ baġit ta’ daqs suffiċjenti li huwa appoġġat b’taħlita intelliġenti ta’ tfaddil proporzjonali, riallokazzjonijiet u riżorsi ġodda;

-jappoġġaw riforma fin-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE bħala parti mill-pakkett totali għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, li telimina l-korrezzjonijiet u tistabbilixxi rabta mill-qrib ma’ objettivi ta’ politika konkreti tal-Unjoni;

-jesprimu l-impenn tagħhom li jaħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni Ewropea fuq il-proposta konkreta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali bi qbil li l-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha sa mhux aktar tard mill-bidu ta’ Mejju 2018.

-jimpenjaw ruħhom li jagħmlu progress deċiżiv fuq il-Qafas Finanzjaju Pluriennali sal-laqgħa tagħhom f’Sibiu fid-9 ta’ Mejju 2019 sabiex l-Ewropa b’27 Stat Membru tibda bl-aħjar mod possibbli.

(1)

     Sors: Gabriel Felbermayr, Jasmin Gröschl, Inga Heiland (2018), Undoing Europe in a New Quantitative Trade Model, ifo Dokument ta' Ħidma Nru 250. Il-grafika turi l-qligħ fl-introjtu attribwit, skont il-mudell applikat, għal fatt li huwa parti mis-Suq Uniku. 

(2)

     Ħarġa Speċjali tal-Ewrobarometru 464b: European's attitudes towards security, Diċembru 2017.

(3)

     L-opzjonijiet ta’ politika f’dan id-dokument huma maħsuba biex juru l-opzjonijiet possibbli, ibbażati fuq l-ideat imressqa fid-dibattitu pubbliku. Dawn mhumiex eżawrjenti u mhux neċessarjament jirriflettu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

(4)

     Madwar EUR 12-il biljun minn dak l-ammont huwa allokat minn qabel lir-Renju Unit, li jikkorrispondi għal madwar 3 % tal-pakkett ta’ koeżjoni tul il-perjodu.

(5)

     Madwar EUR 27 biljun minn dak l-ammont huma allokati minn qabel lir-Renju Unit, li jikkorrispondu għal madwar 7 % tat-total tal-Politika Agrikola Komuni.

(6)

     Dan isegwi l-loġika tal-Artikolu 7(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li kull sospensjoni ta’ drittijiet tal-Istati Membri għandha tqis "il-konsegwenzi li jista’ jkollha […] fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi."

(7)

     Ara r-rapport dwar “Finanzjament futur tal-UE” ippreżentat f’Jannar 2017 minn grupp ta’ livell għoli mwaqqaf b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea u ppresedut minn Mario Monti.

(8)

     Bidliet għad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji meħtieġa biex jirriformaw is-sistema jeħtieġu unanimità fil-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, u ratifika mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti Kostituzzjonali tagħhom. Dawn il-bidliet saru qabel bħala parti mill-pakkett li jakkumpanja kull Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid. F’kull każ, bidliet fil-limiti massimi tar-Riżorsi Proprji aktarx ikunu meħtieġa biex ikopru obbligazzjonijiet finanzjarji marbuta ma’ self jew faċilitajiet finanzjarji garantiti mill-baġit tal-UE, il-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni ġdida u l-integrazzjoni possibbli tal-Fond Ewropew għall-iżvilupp fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

  翻译: