21.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 461/52 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali
(2018/C 461/08)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Messaġġi ewlenin
1. |
jenfasizza li l-edukazzjoni, mill-Proċess ta’ Bolonja ’l hawn, bdiet taqdi rwol kruċjali fil-ħolqien ta’ spazju Ewropew għad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar il-prinċipji fundamentali — il-libertà tal-espressjoni, it-tolleranza, il-libertà tar-riċerka, il-moviment liberu tal-istudenti u l-persunal, l-involviment tal-istudenti u l-kokreazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja — li jirriflettu l-valuri bażiċi tas-soċjetà Ewropea attwali; |
2. |
jindika li l-impenn tal-Istati Membri tal-UE li jipprovdu liż-żgħażagħ “bl-aħjar edukazzjoni u t-taħriġ” ġie kkonfermat f’dikjarazzjonijiet reċenti (Bratislava, Settembru 2016; Ruma, Marzu 2017) u fis-summits (Tallinn, Mejju 2017; Gothenburg, Novembru 2017; Brussell, Jannar 2018); |
3. |
jenfasizza kif ir-rivoluzzjoni diġitali ser tkompli tibdel b’mod sinifikanti l-mod kif l-Ewropej jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jibnu relazzjonijiet u li l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali huma fundamentali apparti l-litteriżmu u n-numeriżmu, sabiex iċ-ċittadini jiġu megħjuna jilqgħu l-isfidi ta’ dinja globalizzata u interkonnessa li tinbidel b’mod konstanti; |
4. |
jaqbel li l-kisba tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali jeħtieġ li tibda minn età bikrija u tkompli tul il-ħajja, bħala parti mill-kurrikuli edukattivi fil-fażi tat-tfulija bikrija u fl-edukazzjoni tal-adulti; |
5. |
jirrikonoxxi li l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol tal-UE huwa essenzjali sabiex jiġu indirizzati t-trasformazzjoni tas-suq tax-xogħol u biex jiġu evitati diskrepanzi jew spariġġi fil-ħiliet; |
6. |
huwa tal-fehma li l-edukazzjoni diġitali hija neċessità u opportunità biex jiġu indirizzati l-isfidi edukattivi, eż. il-possibbiltà ta’ tagħlim aktar personalizzat u inklużiv għal persuni bi bżonnijiet edukattivi speċjali u b’diżabilitajiet, migranti u persuni f’sistemi tal-kura tal-Istati Membri; |
7. |
jinnota li l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali huwa għodda mill-aqwa għall-iżvilupp ta’ talent intraprenditorjali ġdid, għall-awtonomija ta’ kompiti individwali u komplementari, kif ukoll għax-xogħol f’timijiet multidixxiplinari jew ġeografikament differenti; |
8. |
jenfasizza l-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali għall-mobilità ’l fuq, għat-tiswir ta’ ċittadini mħarrġa u infurmati aħjar, għat-tħeġġiġ tal-involviment ċiviku, għad-demokratizzazzjoni tal-għarfien, u għat-tisħiħ tal-aċċess għall-informazzjoni, biex tiġi żgurata identità diġitali b’saħħitha u ċittadinanza diġitali attiva u responsabbli; |
9. |
jenfasizza li l-utenti li mhumiex preparati kif imiss huma partikolarment suxxettibbli li jbatu minħabba l-bosta riskji moħbija fl-użu inkonxju tar-riżorsi diġitali, inklużi l-bullying ċibernetiku, il-“phishing”, is-“sexting”, is-“sextortion”, l-IGD (Internet Gaming Disorder), sintomi tal-istress relatat max-xogħol diġitali, u l-FOMO (“Fear of Missing Out”); |
10. |
jeħtieġ li tingħata attenzjoni akbar lit-tisħiħ tal-ħsieb b’mod kritiku u l-litteriżmu medjatiku tal-adulti, tat-tfal u taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jiġġudikaw u jegħlbu t-tixrid fuq skala wiesgħa tal-aħbarijiet foloz u r-riskji tal-użu mhux kritiku tal-informazzjoni disponibbli fuq l-Internet jew tal-informazzjoni diġitalment aċċessibbli; |
11. |
jindika r-riskju li l-introduzzjoni massiva ta’ algoritmi u sistemi ta’ tagħlim awtomatiku (machine learning) abbażi tal-intelliġenza artifiċjali u l-analitika tad-data toħloq lil-libertà pedagoġika kif ukoll lin-newtralità, lis-sigurtà tad-data u kwistjonijiet ta’ privatezza; |
12. |
isemmi xi wħud mir-riżultati pprovduti fil-pubblikazzjoni “Survey of Schools: ICT in Education” (1) (2013), li jgħidu li:
|
13. |
għaldaqstant, jirrimarka li r-rwol kruċjali tal-għalliema u l-edukaturi f’li jiggwidaw l-istudenti lejn prattiki innovattivi għall-ħolqien tal-għarfien permezz ta’ rabtiet adatti bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali, jekk wieħed jassumi li ma hemm l-ebda approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” biex jiżdiedu l-innovazzjonijiet diġitali fl-edukazzjoni; |
14. |
jenfasizza li l-korp tal-għalliema, il-bordijiet ta’ tmexxija tal-iskejjel u operaturi oħra tal-edukazzjoni jeħtieġu appoġġ u taħriġ rilevanti biex isibu triqthom b’mod effiċjenti biex ifasslu metodoloġiji ta’ tagħlim tradizzjonali bl-opportunitajiet ippreżentati mit-teknoloġiji diġitali; |
15. |
għal dan l-għan, jissuġġerixxi kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati privati u pubbliċi li tinvolvi fornituri tat-teknoloġija edukattiva, permezz tal-organizzazzjonijiet settorjali fejn jeżistu, sabiex jipprovdu taħriġ għall-għalliema flimkien ma’ materjal edukattiv diġitali mingħajr ħlas, u jsolvu wkoll kwistjonijiet transkonfinali relatati mad-drittijiet tal-awtur; |
16. |
jindika r-riskji meta kumpaniji diġitali kbar, u b’mod partikolari GAFAM (Google, Amazon, Facebook, Apple u Microsoft) jimponu l-istandards tagħhom fl-edukazzjoni, billi jipprovdu l-ħardwer u/jew is-softwer u r-riżorsi edukattivi tagħhom, u għal dan il-għan għandhom jiġu stabbiliti kontrolli stretti fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-awtur; |
17. |
jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk diġitali eżistenti meta wieħed iqis il-fatturi determinanti differenti tal-fenomenu, eż. residenza f’kuntesti ġeografiċi u demografiċi differenti, il-lingwi vernakulari, livelli ta’ edukazzjoni differenti, differenzi speċifiċi skont is-sess u l-età, il-possibbiltà ta’ diżabbiltà jew is-sħubija fi gruppi soċjoekonomiċi żvantaġġati; |
18. |
jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi sfruttat aħjar l-appoġġ finanzjarju tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-iskejjel u l-istabbilimenti edukattivi, inklużi mhux biss iċ-ċentri li joffru tagħlim obbligatorju, iżda wkoll stadji edukattivi oħrajn, bħaċ-ċentri għalll-eduazzjoni bikrija tat-tfal u għall-adulti, konservatorji tal-mużika, eċċ., li jiggarantixxu l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, ikunu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa tal-broadband ta’ veloċità u kwalita għolja, b’mod partikolari dawk li jinsabu f’żoni bi sfidi ġeografiċi, demografikaċi jew soċjali; |
19. |
jissuġġerixxi li, b’mod koerenti mal-implimentazzjoni ta’ riżorsi u prattiki innovattivi diġitali, ir-riżorsi u t-tekniki ta’ valutazzjoni ġodda għandhom jiġu ttestjati bħar-rubriki u mbagħad introdotti flimkien ma’ dawk aktar tradizzjonali, biex jiġi sfruttat il-potenzjal li ċ-ċirkwiti rapidi ta’ feedback joffru għal proċess ta’ tagħlim aktar personalizzat u effiċjenti; |
20. |
josserva li, f’konformità mal-prinċipji li jispiraw il-Pjattaforma għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, sabiex jinkisbu esperjenzi tat-tagħlim u eżiti mtejba, il-post ta’ dawk li qegħdin jitgħallmu għandu jkun fiċ-ċentru, fejn l-għanijiet jiġu kondiviżi abbażi tal-fehmiet u l-valuri tagħhom, sabiex b’hekk jiġi evitat ir-riskju ta’ rwol ta’ konsumaturi passivi tat-teknoloġija; |
21. |
jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (DEAP) bħala għodda fuq perjodu medju ta’ żmien għall-istimulazzjoni, l-implimentazzjoni u ż-żieda tal-l-użu bi skop ta’ prattiki edukattivi innovattivi u diġitali fl-iskejjel, l-ETV u l-edukazzjoni għolja bħala parti miż-“Żona Ewropea tal-Edukazzjoni” u l-“Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (2)”, li tikkumplementa r-“Rakkomandazzjonijiet dwar il-Valuri u l-Kompetenzi Ewlenin”; |
22. |
jirrikonoxxi li l-prijoritajiet stabbiliti f’DEAP jikkonformaw mal-bosta sfidi kumplessi kkawżati mir-rivoluzzjoni diġitali; |
23. |
jemmen li l-Pjan DEAP għandu jiġi appoġġjat b’mod adegwat mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid kif ukoll mir-riżorsi mill-baġits nazzjonali li għandhom jiġu allokati mhux biss għall-konnettività u l-infrastrutturi iżda wkoll għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; |
24. |
jenfasizza li, bil-għan li t-teknoloġija diġitali tiġi integrata fis-sistemi edukattivi tagħna u biex effettivament jintlaħqu l-għanijiet tad-DEAP, kooperazzjoni iżjed produttiva tal-partijiet interessati kollha involuti u dawk potenzjali hija prerekwiżit, u b’hekk jiġu żgurati konverġenza, sinerġiji u għarfien espert transdixxiplinari u l-interoperabbiltà tas-sistemi differenti; |
25. |
iqis li huwa vitali li jiġi żgurat sforz sinifikanti biex jiġu kkoordinati u integrati l-inizjattivi u l-azzjonijiet u li jittejbu wkoll il-politiki tat-tixrid, sabiex jiġi evitat li l-opportunitajiet disponibbli jiġu primarjament sfruttati minn istituzzjonijiet edukattivi u politiċi li huma aktar kapaċi jindirizzaw il-“ġungla” tas-sejħiet għall-appoġġ għall-finanzjament; |
26. |
ifakkar fir-rwol fundamentali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u li, għalhekk, il-proċess tal-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni għall-istandards tal-era diġitali għandu jinvolvi l-livelli kollha tal-governanza (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali); |
L-użu aħjar tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment: kompetenzi u ħiliet diġitali għat-tranżizzjoni diġitali
27. |
josserva li, anke jekk l-aċċess għall-infrastruttura diġitali huwa biss aspett wieħed tad-distakk diġitali, in-nuqqas ta’ finanzjament u t-tagħmir u l-wisa’ tal-banda insuffiċjenti u inoperattiv għadhom jirrappreżentaw ostaklu għall-użu tal-ICT għat-tagħlim u t-taħriġ; |
28. |
jitlob appoġġ għall-ħolqien ta’ strateġiji u oqfsa nazzjonali, għal aktar djalogu bejn il-partijiet interessati, u aktar appoġġ għall-għalliema biex jiksbu kompetenzi metodoloġiċi ġodda; |
29. |
jittama li titnieda kampanja vasta ta’ inizjattivi ta’ taħriġ għall-għalliema u l-operaturi edukattivi biex jissaħħu l-ħiliet diġitali attwali tagħhom, b’referenza partikolari għal dawk b’livell baxx ta’ kapaċità u esperjenza fit-teknoloġiji diġitali; |
30. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ tal-UE għall-prontezza diġitali kemm tal-iskejjel ġenerali kif ukoll tal-iskejjel vokazzjonali billi tissaħħaħ il-kompetenza diġitali tagħhom u billi l-għodda ta’ awtovalutazzjoni SELFIE tilħaq miljun persuna — bejn għalliema, ħarrieġa u studenti — sa tmiem l-2019, f’sinerġija ma’ strumenti ta’ valutazzjoni eventwali adottati fil-livell tal-Istati Membri individwali; |
31. |
josserva li l-ICT jikkontribwixxu għall-innovazzjoni fil-proċessi u l-arranġamenti organizzattivi, u huwa tal-fehma li għodod bħal għall-Qafas Ewropew għall-Kompetenza fl-Elettronika huma utli għar-referenzjar tal-kompetenzi u l-ħiliet fl-ICT madwar l-Ewropa; |
32. |
jirrikonoxxi l-valur miżjud ta’ skema ta’ vawċers, li tiffoka fuq iż-żoni żvantaġġati, u tal-implimentazzjoni ta’ sett ta’ għodod adatti għaż-żoni rurali; |
33. |
huwa favur qafas għall-ħruġ ta’ kwalifiki ċċertifikati b’mod diġitali u għall-validazzjoni tal-ħiliet akkwistati b’mod diġitali i huma fdati u multilingwi, u jemmen li huwa kruċjali li l-qafas ikun allinjat għalkollox mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja (QEK) u l-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO); |
34. |
iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-edukazzjoni u forom oħra ta’ sħubijiet pubbliċi-privati sabiex jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ fil-kompetenzi diġitali u biex jiġi żgurat li l-karrieri diġitali jkunu aċċessibbli b’mod ugwali, irrispettivament mill-isfond soċjoekonomiku jew diżabbiltà fiżika; |
L-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali rilevanti għat-tranżizzjoni diġitali
35. |
josserva li jeħtieġ li l-komunitajiet edukattivi jappoġġjaw lill-istudenti kollha u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom biex jiggarantixxu inkluzjoni sħiħa; |
36. |
jemmen li huwa kruċjali li jitnaqqas id-distakk fit-tagħlim bejn l-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi differenti u li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ tagħlim personalizzati u għodod ġodda ta’ tagħlim, u li l-utenti jibbenefikaw bis-sħiħ minn riżorsi edukattivi miftuħa u xjenza miftuħa; |
37. |
jittama li tiġi żviluppata pjattaforma fil-livell Ewropew għall-edukazzjoni għolja diġitali li joffri t-tagħlim, mobbiltà mħallta, campuses virtwali u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; |
38. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-Qafas Ewropew ġdid ta’ Kompetenza Diġitali għall-Edukaturi li joffri gwida fl-iżvilupp tal-mudelli ta’ kompetenza diġitali; |
39. |
jenfasizza l-importanza li jiġi promoss u ffaċilitat l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-għalliema minn perspettiva integrata u fi ħdan Qafas ta’ Kompetenzi Professjonali għall-Għalliema li jiġbor fih it-taħriġ inizjali, ta’ aċċess u permanenti tal-għalliema; |
40. |
jirrikonoxxi l-importanza tal-mobbiltà u għalhekk jappella biex tissaħħaħ l-enfasi tal-programm Erasmus + li jmiss u programmi ta’ finanzjament rilevanti oħra tal-UE biex jappoġġjaw l-adattament tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali; |
41. |
jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u l-isforzi konġunti. Jitlob pjattaforma komuni Ewropea li tkun miftuħa għal partijiet interessati differenti, biex jiġu żviluppati punti ta’ riferiment u indikaturi biex jiġi issorveljat aktar mill-qrib il-progress fl-ICTs mill-provvedituri edukattivi differenti u ambjenti oħra ta’ tagħlim. Jeħtieġ li din il-ħidma ssir permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu sfruttati l-esperjenzi imgħoddija, jiġu identifikati l-metodi diġà eżistenti ta’ monitoraġġ, eċċ.; |
42. |
jenfasizza l-importanza tal-kompetenzi diġitali għaċ-ċittadini kollha kif jidher fil-Qafas Ewropew rivedut dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, inkluż il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini f’ħames oqsma (il-litteriżmu fl-informazzjoni u d-data; il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni; il-kontenut u l-ħolqien diġitali; is-sikurezza u l-benessri; u s-soluzzjoni tal-problemi); u jinkoraġġixxi tagħlim u studju li fihom il-kompetenzi diġitali jkunu integrati mal-bqija tal-ħiliet l-oħra li jridu jiġu żviluppati; |
43. |
jappoġġja l-inizjattivi proposti li ġejjin: (1) il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell tal-UE li hija mmirata għall-edukaturi, il-familji u l-istudenti biex titrawwem is-sikurezza onlajn, l-iġjene ċibernetika u l-litteriżmu medjatiku; (ii) l-inizjattiva tat-tagħlim taċ-ċibersigurtà li tibni fuq il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini; u iii) it-tħeġġiġ u t-tixrid ta’ prattiki tajbin bil-għan li n-nies jiġu emenċipati biex jużaw it-teknoloġija b’mod kunfidenti u responsabbli; |
44. |
iħeġġeġ l-spirtu intraprenditorjali tar-reġjuni u l-bliet u d-drezzjoni lejn l-innovazzjoni miftuħa, b’viżjoni ċċentrata fuq il-bniedem abbażi ta’ sħubijiet bejn l-atturi tas-settur pubbliku u privat, l-universitajiet u ċ-ċittadini; |
45. |
jistenna li jinżamm aġġornat dwar it-tagħlimiet ta’ politika li jinsiltu minn kif jiġu implimentati l-azzjonijiet u li jiġi mistieden jikkontribwixxu għad-diskussjoni emerġenti dwar il-kooperazzjoni Ewropea futura fl-edukazzjoni u t-taħriġ; |
It-titjib tal-edukazzjoni b’analiżi u tbassir aħjar tad-data
46. |
jittama li jiġi adottat qafas metodoloġiku kondiviż u komuni għad-definizzjoni ta’ indikaturi li jkun jista’ tkopri d-distakk diġitali u jitlob għal sforz sinifikanti għall-ħolqien u l-ġbir ta’ data affidabbli u faċilment aċċessibbli għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu; |
47. |
jiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet li jqumu meta d-data personali u l-fajls tal-istudenti jinħażnu minn operaturi privati, spiss f’naħa oħra tad-dinja. B’mod partikolari, trid tingħata attenzjoni speċifika jekk dawn l-operaturi humiex lesti jiffirmaw ftehimiet dwar l-użu ma’ bosta awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali; |
48. |
jesprimi wkoll tħassib dwar l-hekk imsejħa “estrazzjoni tad-data”, jiġifieri kif nittrattaw każijiet ta’ intrapriżi li jużaw id-data dwar l-istudenti jew il-persunal tal-iskola biex imbagħad ibigħuha, u josserva li huwa importanti wkoll, anke għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jiġi ċċarat għal kemm żmien id-data amministrattiva rilevanti u d-dokumenti simili tista’ tiġi aċċessata mill-pubbliku; |
49. |
jistenna b’interess it-tnedija tal-proġetti pilota ppjanati sabiex jingranaw data disponibbli u jgħinu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika tal-edukazzjoni u jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll is-sett ippjanat ta’ għodod u gwida għall-Istati Membri; |
50. |
iqis li huwa importanti li jingħata bidu għall-previżjoni strateġika dwar tendenzi ewlenin li jirriżultaw mit-trasformazzjoni diġitali għall-futur tas-sistemi edukattivi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti fl-Istati Membri — u inklużi r-rappreżentanti fil-livell lokali u reġjonali — u li jsir użu mill-mezzi eżistenti u futuri tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ; |
51. |
jinkoraġġixxi l-innovazzjoni xprunata mill-utenti peress li hija fundamentali għall-adozzjoni bikrija ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw l-isfidi edukattivi. Ta’ spiss, ma tiġix ikkunsidrata l-perspettiva tal-utent, u dan jista’ jillimita s-soluzzjonijiet potenzjali għal sfida speċifika; u, f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li jiġu eżaminati modi għall-promozzjoni tal-kontribut, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-innovazzjoni xprunata mill-utenti; |
52. |
jenfasizza li dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jappoġġja wkoll is-Semestru Ewropew, xprun ewlieni għar-riformi permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż marbuta mal-edukazzjoni u t-taħriġ; |
53. |
jappoġġja l-isforzi biex isir progress fil-governanza tas-sistemi tal-edukazzjoni skolastika u jfakkar li l-governanza kif imiss f’diversi livelli tista’ ttejjeb il-prestazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, isaħħaħ il-parteċipazzjoni, trawwem l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi innovattivi, tippromovi sistema edukattiva inklużiva li jkollha l-għan li tqis l-individwu kollu kemm hu u tiżviluppa sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja; |
54. |
jilqa’ b’sodisfazzjon id-djalogu mħabbar mill-Kummissjoni tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-miżuri proposti u jesprimi d-disponibbiltà tiegħu biex jinvolvi ruħu u jkompli jikkoopera mal-Kummissjoni tal-UE, flimkien mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, biex titmexxa ’l quddiem l-aġenda proposta u jiġi żgurat li tkun allinjata mal-prijoritajiet tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE attwali u futuri. |
Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) Survey of Schools: ICT in Education. Benchmarking access, use and attitudes to technology in Europe’s schools. Rapport finali tal-istudju, Kummissjoni Ewropea, 2013.
(2) COM(2016) 381.