22.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 218/24 |
Komunikazzjoni mill-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi
(2018/C 218/10)
STEDINA PUBBLIKA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-OFFERTI GĦAL KONĊESSJONI GĦALL-PROSPETTAR, L-ESPLORAZZJONI U L-PRODUZZJONI TA’ IDROKARBURI TAĦT KONĊESSJONI FIŻ-ŻONA TA’ ÚJSZILVÁS
F’isem l-Istat Ungeriż, il-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali (“l-Awtorità Kontraenti” jew “il-Ministru”), bħala l-Ministru responsabbli għall-estrazzjoni u għas-sorveljanza tal-assi tal-Istat, b’dan joħroġ stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi taħt kuntratt ta’ konċessjoni, abbażi tal-Att CXCVI tal-2011 dwar l-assi nazzjonali (“l-Att dwar l-Assi Nazzjonali”), tal-Att XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet (“l-Att dwar il-Konċessjonijiet”) u tal-Att XLVIII tal-1993 dwar l-estrazzjoni (“l-Att dwar l-Estrazzjoni”), soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin.
1. |
Il-Ministru se jippubblika l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti, jaġġudika l-offerti u jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni f’kooperazzjoni mas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (“Magyar Bányászati és Földtani Hivatal” — MBFSZ), f’konformità mal-Att dwar il-Konċessjonijiet u l-Att dwar l-Estrazzjoni. L-offerti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta jiġu evalwati minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni stabbilit mill-Ministru.
Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, il-Ministru se joħroġ id-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni, li abbażi tagħha l-Ministru jista’ mbagħad jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni mal-offerent rebbieħ, f’konformità mat-Taqsima 5(1) tal-Att dwar il-Konċessjonijiet (1). Il-lingwa tal-proċedura tal-offerti hija l-Ungeriż. |
2. |
Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti hija miftuħa għal kull persuna fiżika Ungeriża jew barranija u għal kull organizzazzjoni trasparenti skont it-tifsira tal-Att dwar l-Assi Nazzjonali, dment li dawn ikunu jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta; jistgħu jiġu ppreżentati wkoll offerti konġunti. Fil-każ ta’ offerti konġunti għal din l-attività ta’ konċessjoni, l-offerenti jridu jinnominaw wieħed minn fosthom bħala rappreżentant, iżda jassumu obbligazzjoni in solidum għat-twettiq tal-kuntratt ta’ konċessjoni. L-offerenti domestiċi u barranin jitqiesu b’mod ugwali fil-proċedura tal-offerti.
Għall-iskop tat-twettiq tal-attività soġġetta għall-konċessjoni, l-offerent li jiffirma l-kuntratt ta’ konċessjoni (“id-Detentur tal-Konċessjoni”) irid iwaqqaf kumpanija bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Ungerija (“il-Kumpanija tal-Konċessjoni”) bl-użu tar-riżorsi tiegħu stess u fi żmien 90 jum minn meta jidħol fis-seħħ il-kuntratt ta’ konċessjoni; fiż-żmien meta titwaqqaf il-kumpanija u għad-durata tal-operat tagħha, id-Detentur tal-Konċessjoni jrid ikollu l-maġġoranza tal-ishma, tal-interessi tan-negozju u tad-drittijiet tal-vot tagħha u, bħala s-sid, irid jimpenja ruħu li jinforza r-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratt ta’ konċessjoni fi ħdanha. Bħala operatur tal-estrazzjoni, il-Kumpanija tal-Konċessjoni se jkollha d-drittijiet u tkun soġġetta għall-obbligi skont il-kuntratt ta’ konċessjoni. |
3. |
Durata tal-konċessjoni: 20 sena mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ konċessjoni; id-durata oriġinali tista’ tiġi estiża darba, sa massimu ta’ nofs id-durata oriġinali, mingħajr sejħa għall-offerti ulterjuri, jekk id-Detentur tal-Konċessjoni u l-Kumpanija tal-Konċessjoni jkunu kkonformaw mal-obbligi kollha tagħhom, f’konformità mal-kuntratt u fiż-żmien debitu. |
4. |
Dejta dwar iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni:
Żona ddeżinjata għall-konċessjoni: iż-żona tinsab fil-muniċipalitajiet elenkati fit-tabella hawn taħt fil-kontej ta’ Bács–Kiskun, Jász–Nagykun–Szolnok u Pest:
Saff ta’ materjal żejjed fuq iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni: is-superfiċe u s-sodda ta’ blat: 5 000 metru taħt il-livell tal-Baħar Baltiku Iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni ma tinkludix iż-żoni ddeżinjati għall-kostruzzjoni ta’ sit ta’ minjiera għall-estrazzjoni tar-riżorsi minerali tal-idrokarbur. Il-koordinati tal-irkejjen li jiddelimitaw iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni jinsabu fis-Sistema tal-Projezzjoni Uniformi Nazzjonali, filwaqt li d-dejta dwar iż-żoni mnaddfa għal siti ta’ minjieri stabbiliti għal riżorsi minerali tal-idrokarbur, li mhumiex inklużi fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni, jinsabu fis-sit web tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (www.mbfsz.gov.hu) billi tikklikkja fuq il-menu li jinżel “Koncesszió” [“Konċessjonijiet”], kif ukoll fis-sit web tal-Ministeru tal-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium). Daqs taż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni: 1 050 km2. Mhumiex inklużi fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni ż-żoni għal siti ta’ minjieri li s-saff ta’ materjal żejjed tagħhom ikun jinsab f’punt ogħla mis-saff ta’ materjal żejjed taż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni, u li s-sodda ta’ blat tagħhom tkun tikkorrispondi jew testendi aktar mis-sodda ta’ blat taż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni. |
5. |
Tariffa netta minima għall-konċessjoni: HUF 321 000 000 (tliet mija u wieħed u għoxrin miljun forint) minbarra l-VAT, iżda fil-proċedura tal-offerti tista’ tiġi ppreżentata offerta għal ammont fiss akbar. Ladarba jiġi ppubblikat ir-riżultat, l-offerent rebbieħ irid iħallas it-tariffa tal-konċessjoni fl-ammont, skont il-mod u sad-data speċifikata fil-kuntratt ta’ konċessjoni. |
6. |
Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni hija soġġetta għall-ħlas ta’ tariffa tal-parteċipazzjoni ta’ HUF 10 000 000 (għaxar miljun forint) minbarra l-VAT; dan l-ammont irid jitħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Offerta. |
7. |
Minbarra li jħallsu t-tariffa tal-parteċipazzjoni, biex l-offerta tagħhom tkun valida, l-offerenti jridu jippreżentaw garanzija tal-offerta ta’ HUF 50 000 000 (ħamsin miljun forint) sal-jum ta’ qabel l-iskadenza biex jitressqu l-offerti biex jiggarantixxu li l-offerta hija vinkolanti. Il-garanzija tal-offerta mħallsa tiġi ċeduta lill-Awtorità Kontraenti jekk l-offerent jirtira jew jekk l-offerent jirnexxielu jieħu l-kuntratt iżda mbagħad ma jirnexxilux jikkonkludih, jew inkella jekk ma jħallasx it-tariffa tal-konċessjoni offruta skont l-ammont, il-mod u sal-iskadenza stipulati fil-kuntratt. Il-garanzija tal-offerta għandha titħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Offerta. |
8. |
Ir-rata l-aktar baxxa tar-royalty għall-estrazzjoni għall-produzzjoni konvenzjonali tal-idrokarbur, pagabbli abbażi tal-kuntratt ta’ konċessjoni, se tkun ta’ 16 % f’konformità mad-deċiżjoni tal-Ministru; fil-proċedura tal-offerti tista’ tiġi ppreżentata offerta għal royalty ogħla għall-estrazzjoni, li jekk jintlaħaq qbil dwarha, tiġi rreġistrata fil-kuntratt ta’ konċessjoni u trid titħallas għad-durata tal-konċessjoni. Il-każijiet speċifikati fit-Taqsima 20(3)(e) u (i) kif ukoll fit-Taqsima 20(5) tal-Att dwar l-Estrazzjoni huma eċċezzjonijiet, fejn għandha tapplika r-rata prevalenti tar-royalty għall-estrazzjoni li hija speċifikata fl-Att dwar l-Estrazzjoni. |
9. |
Il-kundizzjonijiet u l-informazzjoni legali, finanzjarji, tekniċi u oħrajn relatati mal-proċedura tal-offerti, jinsabu fid-Dokument tal-Offerta. |
10. |
Id-Dokument tal-Offerta jista’ jinġabar mill-Uffiċċju ta’ Servizz għall-Klijenti tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (Columbus utca 17-23, 1145 Budapest, Hungary; tel +36 13012900) bejn it-8.00 u s-14.00 f’jiem tax-xogħol, sal-jum ta’ qabel l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, ladarba tiġi ppreżentata prova dokumentarja adegwata li jkun tħallas il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta. Is-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż se joħroġ ċertifikat f’isem l-akkwirent.
Meta jixtri d-Dokument tal-Offerta, għall-finijiet li jiġi kkuntattjat u li jirċievi l-komunikazzjonijiet, l-akkwirent irid iressaq ukoll Skeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent għall-Konċessjoni, li tista’ titniżżel mis-sit web tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (www.mbfsz.gov.hu) billi tikklikkja fuq il-menu li jinżel “Koncesszió”. |
11. |
Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta huwa HUF 100 000 (mitt elf forint) minbarra l-VAT, li jrid jitħallas permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont qafas Nru 10032000-01417179-00000000 tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż li jintuża għall-approprjazzjonijiet. Il-messaġġ li jakkumpanja t-trasferiment irid juri l-kodiċi UJCHDV u isem l-akkwirent tad-Dokument tal-Offerta. Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta ma jistax jitħallas bi flus kontanti u la huwa parzjalment u lanqas kompletament rimborsabbli. Jekk id-Dokument tal-Offerta ma jasalx għand l-akkwirent, dan jingħata rifużjoni tal-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti. |
12. |
Jistgħu jitressqu biss offerti mingħand persuni li jkunu xtraw id-Dokument tal-Offerta u li jkunu ħallsu kemm it-tariffa tal-parteċipazzjoni kif ukoll il-garanzija tal-offerta. Jekk titressaq offerta konġunta, ikun biżżejjed li wieħed mill-offerenti jixtri d-Dokument tal-Offerta. |
13. |
L-offerti jridu jitressqu fiżikament fis-27 ta’ Settembru 2018 bejn l-10:00 u 12:00 fl-Uffiċċju ta’ Servizz għall-Klijenti tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (indirizz: Columbus utca 17-23, 1145 Budapest, Hungary), bl-Ungeriż, kif speċifikat fid-Dokument tal-Offerta. |
14. |
L-offerta ssir vinkolanti fuq l-offerent minn meta titressaq u tibqa’ vinkolanti sakemm tintemm il-proċedura tal-offerti. L-offerenti ma jistgħux jeskludu l-obbligazzjoni tagħhom jekk ma jirnexxilhomx iżommu mal-offerta tagħhom. |
15. |
Il-Ministru jirriżerva d-dritt li jiddikjara li l-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni ma rnexxietx. Jekk il-proċedura tal-offerti tiġi ddikjarata li ma rnexxietx, ma tista’ tiġi ppreżentata l-ebda pretensjoni kontra l-Ministru, l-Istat Ungeriż irrappreżentat mill-Ministru, jew il-Ministeru tal-Iżvilupp Nazzjonali bħala l-post tax-xogħol tal-Ministru. |
16. |
L-offerent rebbieħ jakkwista d-dritt esklużiv għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni għad-durata ta’ din tal-aħħar permezz tal-Kumpanija tal-Konċessjoni li trid tiġi stabbilita bilfors għal dak l-iskop. Ladarba d-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit tal-minjiera ssir definittiva, id-dritt tal-konċessjoni għaż-żona ta’ prospettar ikun ristrett għaż-żona tas-sit tal-minjiera. |
17. |
Kull offerent jista’ jressaq offerta waħda biss. |
18. |
Limitu ta’ żmien għall-aġġudikazzjoni tal-offerti għall-konċessjoni: fi żmien 90 jum mill-iskadenza biex jitressqu l-offerti. |
19. |
L-Awtorità Kontraenti se tiżgura l-kundizzjonijiet ekwi u mhijiex se tapplika kriterji preferenzjali. |
20. |
Kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-offerta:
Il-kriterji ddettaljati għall-aġġudikazzjoni u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tax-xogħol tal-konċessjoni, kif ukoll kif dan tal-aħħar għandu jitwettaq u jitlesta, huma speċifikati fid-Dokument tal-Offerta. |
21. |
Il-kuntratt ta’ konċessjoni
Il-kuntratt ta’ konċessjoni jrid jiġi konkluż fi żmien 90 jum minn meta jitħabbar ir-riżultat. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Ministru darba biss sa massimu ta’ 60 jum. L-offerent rebbieħ huwa intitolat iwettaq l-attività ekonomika esklużiva kkontrollata mill-Istat (prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarbur f’żona delimitata) u permessa mill-konċessjoni għad-durata ta’ din tal-aħħar, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-kuntratt ta’ konċessjoni. Meta jressqu l-offerta, l-offerenti jridu jqisu t-Taqsima 22/A(13) tal-Att dwar l-Estrazzjoni, li tiddikjara li fil-każ tal-idrokarburi, id-dritt jew il-permess ta’ prospettar ta’ operatur tal-estrazzjoni ma jistgħux ikopru territorju ta’ prospettar totali ta’ aktar minn 15 000-il km2. Meta jkun qed jiġi stabbilit it-territorju tal-prospettar, irid jitqies ukoll tat-territorju tal-prospettar tal-operatur tal-estrazzjoni li jikkontrolla — skont it-tifsira tal-Kodiċi Ċivili — l-operatur tal-estrazzjoni li jkun jixtieq jikseb id-dritt jew il-permess ta’ prospettar. F’każ ta’ offerti konġunti, kull offerent irid jissodisfa dan il-kriterju b’mod individwali. L-abbozz tal-kuntratt ta’ konċessjoni huwa mehmuż mad-Dokument tal-Offerta. |
22. |
L-informazzjoni dwar il-proċedura tal-offerti tista’ tintalab esklużivament bl-Ungeriż u bil-miktub wara li jkun inxtara d-Dokument tal-Offerta, skont il-mod stipulat fid-Dokument stess; is-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż se jpoġġi t-tweġibiet għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha permezz tal-indirizz tal-posta elettronika indikat fuq l-Iskeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent, li tkun tressqet meta jkun inxtara d-Dokument tal-Offerta. |
Budapest, … … 2018.
Dr Miklós SESZTÁK
Ministru
(1) Fid-data li fiha qed tiġi ppubblikata din l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti, il-membru tal-Gvern responsabbli għas-sorveljanza tal-assi tal-Istat u għall-estrazzjoni huwa l-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali, f’konformità mat-Taqsima 109(3) u (5) tad-Digriet tal-Gvern Nru 152/2014 tas-6 ta’ Ġunju 2014 li jirregola d-dmirijiet u s-setgħat ta’ ċerti Ministri u membri tal-Gvern.