9.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 123/12 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro”
[COM(2020) 746 final]
(2021/C 123/03)
Relatur: |
Judith VORBACH |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 27.11.2020 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adottata fis-sezzjoni |
14.12.2020 |
Adottata fil-plenarja |
27.1.2021 |
Sessjoni plenarja Nru |
557 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
235/1/8 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-UE daħlet fl-agħar reċessjoni fl-istorja tagħha. L-inċertezza tipprevali, u huma mistennija riskji serji. Il-kriżi pandemika wkoll x’aktarx li taggrava l-iżbilanċi u l-inugwaljanzi. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda wkoll approċċ ta’ politika ekonomika li jappoġġja l-irkupru, iżid l-investiment, ikompli jintegra s-suq uniku, jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u japprofondixxi l-UEM. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pakkett ta’ Next Generation EU u jħeġġeġ li jintlaħqu l-ftehimiet meħtieġa mill-aktar fis possibbli. |
1.2 |
L-irkupru jkun ta’ suċċess biss jekk ikun akkumpanjat minn ristrutturar tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Il-bini mill-ġdid tal-fiduċja huwa kruċjali sabiex tiġi stabbilizzata d-domanda. Ir-regoli fiskali għandhom jiġu trasferiti lejn governanza ekonomika aktar orjentata lejn il-prosperità, inkluża regola tad-deheb, u ma għandhomx jerġgħu jiġu implimentati qabel ma l-qgħad jonqos b’mod sinifikanti. L-impatt tal-kriżi fuq l-inugwaljanza u fuq in-nuqqas ta’ sigurtà soċjoekonomika għandu jiġi kkunsidrat b’aktar attenzjoni. Kemm in-negozju kif ukoll l-ambjent soċjali għandhom jittejbu. Hemm bżonn ta’ involviment aħjar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-politika dwar it-tibdil fil-klima u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll riforma deċiżiva tal-politiki tat-tassazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. L-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jridu jitlestew, filwaqt li tingħata prijorità lill-istabbiltà tas-suq finanzjarju. |
2. Sfond
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni biex:
2.1 |
Tiġi żgurata pożizzjoni politika li tappoġġja l-irkupru: il-politiki fiskali għandhom jibqgħu ta’ appoġġ matul l-2021. Meta l-kundizzjonijiet jippermettu, jitneħħa gradwalment l-appoġġ b’mod li jtaffi l-impatt soċjali u fuq is-suq tax-xogħol tal-kriżi, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja pubblika u n-nefqa pubblika tiġi ffukata fuq il-ħtiġijiet ta’ rkupru u reżiljenza. |
2.2 |
Jiġu implimentati riformi li jsaħħu l-produttività u l-impjiegi, iżidu l-investiment biex jiġi appoġġjat irkupru konsistenti ma’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti. Ikomplu jintegraw is-suq uniku. Jiġu żgurati politiki attivi tas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika. Jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni, jiġi miġġieled l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jiġu appoġġjati l-ipprezzar tal-karbonju u t-tassazzjoni ambjentali. |
2.3 |
Jissaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali: l-antiċipazzjoni tar-riformi biex jiġi żgurat l-użu tal-fondi tal-UE, it-tisħiħ tal-effikaċja amministrattiva, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-kumpaniji, l-istabbiliment ta’ oqfsa effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Jittejbu l-oqfsa ta’ insolvenza, l-iskoperturi improduttivi u l-allokazzjoni tal-kapital. |
2.4 |
Tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja: jinżammu l-mezzi ta’ kreditu għall-ekonomija u l-miżuri li jappoġġjaw kumpaniji vijabbli. Jinżammu karti tal-bilanċ sodi tas-settur bankarju, inkluż billi jkompli jiġi indirizzat is-self improduttiv. |
2.5 |
Isir progress fl-approfondiment tal-UEM biex tiżdied ir-reżiljenza. Dan se jikkontribwixxi għar-rwol internazzjonali tal-euro u jippromovi l-interessi ekonomiċi tal-Ewropa fuq livell globali. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-prospetti diżastrużi tat-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020, skont liema fl-2020 “l-UE waqgħet fir-reċessjoni ekonomika l-aktar profonda fl-istorja tagħha” ġew ikkonfermati. Il-kriżi tal-COVID-19 ipproduċiet serje ta’ xokkijiet mil-lat tad-domanda u tal-provvista li jsarrfu fi tnaqqis mistenni fil-PDG ta’ 7,8 % fl-2020. Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ukoll marret għall-agħar, għalkemm minħabba miżuri politiċi ambizzjużi – bħal skemi ta’ xogħol għal żmien qasir – it-tnaqqis ekonomiku mhuwiex rifless b’mod sħiħ fir-rati tal-qgħad. Madankollu, qed niffaċċjaw tnaqqis fis-sigħat totali maħduma u tnaqqis fir-rati tal-attività hekk kif il-ħaddiema skoraġġuti ħarġu mis-suq tax-xogħol. |
3.2 |
L-irkupru fl-2021 huwa mistenni li jkun aktar bil-mod milli mistenni. L-inċertezza konsiderevoli tippredomina. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu antiċipati sensiela ta’ riskji gravi, inkluża reċessjoni doppja, qgħad tal-massa, fallimenti, instabbiltà tas-swieq finanzjarji, deflazzjoni, u l-effetti negattivi tal-inċertezza fuq il-konsum u l-investiment innifsu. Il-kriżi pandemika x’aktarx ukoll li taggrava l-problemi eżistenti, pereżempju l-livell baxx ta’ investiment, it-twessigħ tad-diverġenzi fost l-Istati Membri u r-reġjuni, l-inugwaljanzi fis-soċjetajiet, u t-tensjonijiet politiċi. Barra minn hekk, l-iżviluppi fl-2021 jistgħu jissarrfu f’effetti negattivi fit-tul, filwaqt li l-indirizzar tal-kriżi klimatika se jibqa’ kwistjoni urġenti. |
3.3 |
F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pakkett ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Ħafna mill-kunsiderazzjonijiet espressi fl-Opinjoni addizzjonali tal-KESE dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2020 (1) huma riflessi fihom. Barra minn hekk, l-irkupru jkun ta’ suċċess biss jekk ikun akkumpanjat minn ristrutturar tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna sabiex tinkiseb Unjoni aktar integrata, aktar demokratika u żviluppata aħjar soċjalment. Fl-2021, ir-responsabbiltajiet ewlenin ta’ dawk li jfasslu l-politika ekonomika se jkunu li joħolqu ambjent li jwassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Għalhekk huwa essenzjali li terġa’ tinbena l-fiduċja. |
3.4 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-rispons qawwi fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Hemm ħtieġa urġenti ta’ solidarjetà li tippermetti rkupru rapidu u effettiv. In-negozji, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili Ewropej jirrikjedu riżorsi biex jiffaċċjaw il-kriżi. Għalhekk, la għandhom jitqajmu dubji dwar il-pjan ta’ rkupru u lanqas ma għandha tiġi posposta l-implimentazzjoni tiegħu. Il-ftehimiet kollha meħtieġa għandhom jintlaħqu mill-aktar fis possibbli. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tiġi żgurata pożizzjoni politika li tappoġġja l-irkupru. It-tneħħija gradwali ta’ miżuri ta’ appoġġ kmieni wisq tnaqqas l-effetti tal-miżuri tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi. Il-gvernijiet għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri neċessarji, irrispettivament mil-livell ta’ dejn attwali tagħhom. L-aħjar mod biex jinkisbu finanzi pubbliċi sostenibbli huwa li jiġi ssalvagwardjat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv. L-appoġġ għall-produttività jista’ jaċċellera t-tnaqqis tad-defiċit fis-snin li ġejjin. (2) Sabiex jiġi evitat ir-ritorn għal regoli fiskali qodma u tiġi ġestita bidla lejn governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità (3), il-KESE jinkoraġġixxi li l-proċess ta’ rieżami jerġa’ jinbeda mill-aktar fis possibbli. Regoli fiskali modernizzati ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jerġgħu jiġu implimentati qabel ma l-qgħad jonqos b’mod sinifikanti. |
4.2 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jittejjeb il-livell tal-investiment privat u pubbliku. Sabiex jinkiseb irkupru fuq perjodu qasir ta’ żmien, tissaħħaħ il-kompetittività, tibqa’ qawwa ekonomika globali u tiġi salvagwardjata bażi soċjali u ambjentali għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri, hemm bżonn urġenti li jkun hemm tranżizzjoni lejn investiment sostenibbli u ekoloġiku, investiment fl-infrastruttura u l-kura tas-saħħa u/jew investiment li joħloq produttività ogħla. L-infiq fuq it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema għandu jitqies ukoll bħala investiment. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjoni tiegħu li tiġi adottata “regola tad-deheb”. |
4.3 |
Il-pandemija qed iżżid l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali. Ħafna nisa, migranti, persuni b’diżabilità jew żgħażagħ qed iġarrbu l-effetti tal-kriżi. Dawk li kienu diġà vulnerabbli qabel il-kriżi x’aktarx li jkunu l-aktar li jintlaqtu. Iżda ħafna impjegati b’impjiegi ta’ kwalità għolja jħossuhom ukoll fir-riskju li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jew l-introjtu jiddeterjoraw jew jirriskjaw li jitilfu xogħolhom. Il-KESE jitlob li l-ġlieda kontra l-inugwaljanza ssir prijorità fil-miżuri kollha ta’ rkupru previsti. L-impatt tal-kriżi fuq l-esklużjoni soċjali iżda wkoll fuq in-nuqqas ta’ sigurtà soċjoekonomika li qed jiżdied, li taffettwa parti sostanzjali tal-popolazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat b’aktar attenzjoni. Il-benefiċċji tal-irkupru għandhom jitqassmu b’mod ugwali. Dan huwa kruċjali wkoll biex tissaħħaħ il-fiduċja u tiġi stabbilizzata d-domanda. |
4.4 |
L-integrazzjoni ulterjuri tas-suq uniku għandha tibqa’ prijorità ewlenija. Dan jinkludi l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. It-titjib tan-negozju u tal-ambjent soċjali jrid jimxi id f’id. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar it-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (Delivering on the UN’s Sustainable Development Goals), li jinnota li l-SDGs ser iżommu lill-UE ffukata fuq triq ta’ tkabbir sostenibbli kompatibbli mal-limiti tal-pjaneta, dwar il-benesseri, l-inklużjoni u l-ekwità. Dan jirrikonoxxi li l-ekonomija trid taħdem għan-nies u l-pjaneta. Inizjattivi għal Ewropa aktar soċjali jinkludu – fost ħafna oħrajn – proposta għal Direttiva dwar pagi minimi adegwati u Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE adotta wkoll Opinjonijiet dwar Direttiva Qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu (4) u dwar standards minimi Ewropej fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-qgħad (5). |
4.5 |
Jintlaqgħu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suq tax-xogħol, inkluż it-trawwim ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, l-iżgurar tal-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Il-KESE jappella għal standards ogħla fir-rigward tal-involviment tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-politika dwar it-tibdil fil-klima. Il-bidla strutturali biex tinkiseb ekonomija ħielsa mill-karbonju tista’ tiġi appoġġjata minn djalogu soċjali bejn ir-reġjuni u l-imsieħba soċjali kkonċernati sabiex jiġu ssalvagwardjati l-aspetti soċjali. Ser ikun kruċjali wkoll li jiġi żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li hija mistennija tkun immonitorjat mill-proċess tas-Semestru. |
4.6 |
Huma meħtieġa oqfsa effettivi biex jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. Il-KESE jappella għal riforma deċiżiva tal-politiki tat-tassazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Dan jinkludi li l-piż tat-taxxa jiċċaqlaq minn fuq ix-xogħol għal fuq bażijiet tat-taxxa li huma inqas detrimentali għall-provvista tax-xogħol, waqt li jitqiesu l-impatt distribuzzjonali relatat u l-evitar ta’ effetti rigressivi. Il-KESE jitlob ukoll li tittieħed azzjoni urġenti dwar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont it-termini rakkomandati fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (6). Il-kunċett ta’ tassazzjoni minima effettiva tal-profitti korporattivi u l-applikazzjoni possibbli tiegħu għandhom jiġu esplorati. Fl-aħħar nett, il-KESE jappella għal progress sostanzjali fl-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda kif deskritt fil-pjan ta’ rkupru. |
4.7 |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandhom jitlestew, bl-istabbiltà tas-suq finanzjarju bħala prijorità. Fis-settur bankarju, il-ħlas tad-dividendi issa huwa limitat, prinċipalment b’mod volontarju. Il-possibbiltà li dawn il-limiti jitkomplew u tiġi introdotta mill-ġdid sospensjoni diretta tal-ħlasijiet matul il-perjodu ta’ rkupru għandha tiġi kkunsidrata għall-banek li qed jibbenefikaw minn diversi miżuri ta’ appoġġ pubbliku. Dan inaqqas ir-riskju ta’ instabbiltà fis-swieq finanzjarji u jista’ jtejjeb ukoll ir-redditi mistennija tal-banek. |
Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 10, 11.1.2021, p. 79,
(2) Il-Bank Nazzjonali tal-Belġju jistma li d-defiċit ta’ darba fl-2020 li huwa relatat mal-kriżi għandu effett ta’ darba potenzjali ta’ -4,6 % tal-PDG.
(3) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.
(5) ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32.
(6) ĠU C 353, 18.10.2019, p. 90, ĠU C 364, 28.10.2020, p. 29.