6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tat-taxxi korporattivi fil-governanza korporattiva”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 152/03)

Relatur:

Krister ANDERSSON

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25/03/2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

Riżoluzzjoni

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

23/11/2021

Adottata fil-plenarja

08/12/2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

223/4/11

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li r-rispons fis-settur privat għall-Pjan ta’ Rkupru u għal NextGenerationEU ser ikun kruċjali biex titwettaq u tinkiseb b’mod effettiv ekonomija aktar ekoloġika u diġitalizzata. Il-politiki pubbliċi jridu għalhekk jipprovdu l-inċentivi adegwati. Il-politiki ekonomiċi, b’mod partikolari l-politiki tat-taxxa u l-politiki li għandhom impatt fuq il-governanza korporattiva, iridu jipprovdu proċess effiċjenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet u allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, filwaqt li jippromovu l-kisba tal-objettivi soċjali.

1.2.

Il-KESE jivvaluta li, biex tinkiseb ekonomija ekoloġika u diġitalizzata sostenibbli, jeħtieġ li tiġi indirizzata d-distorsjoni tal-finanzjament b’dejn-bil-bejgħ ta’ ishma fit-tassazzjoni.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu s-sistemi tat-tassazzjoni tagħhom aktar newtrali fir-rigward tal-finanzjament b’dejn u bil-bejgħ ta’ ishma. Dan għandu jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament u jagħmel l-ekonomija Ewropea aktar reżiljenti.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni tal-UE biex tippreżenta miżuri li jindirizzaw il-preġudizzju favur il-predispożizzjoni favur il-finanzjament b’dejn fis-sistemi tat-taxxa korporattiva sal-ewwel kwart tal-2022.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li għal intrapriżi ġodda u għal investituri li jfittxu opportunitajiet ta’ investiment aktar ekoloġiċi u diġitalizzati, suq kapitali li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali. Għalhekk, il-KESE jappella sabiex jittieħdu aktar passi għall-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

1.6.

L-investiment f’teknoloġija ekoloġika ġdida huwa meqjus bħala riskjuż ħafna u għalhekk ta’ spiss jintuża l-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma. Id-dividendi jgħinu biex tiżdied il-likwidità fis-suq, anke meta jista’ jagħti l-każ li jitqiesu li huma wisq fuq terminu qasir, u huma sors importanti ta’ finanzjament.

1.7.

Il-KESE jemmen li s-swieq kapitali u l-fondi privati jista’ jkollhom rwol kruċjali biex jinkoraġġixxu l-perkors tal-kumpaniji lejn ekonomija sostenibbli aktar ekoloġika u diġitalizzata. Kwalunkwe azzjoni ta’ politika mil-leġiżlatur Ewropew dwar it-tassazzjoni, id-dritt tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva għandha ssaħħaħ dan ir-rwol.

1.8.

Il-KESE jinnota li, taħt l-influwenza tad-direttivi u r-regolamenti Ewropej, id-dritt nazzjonali tal-kumpaniji huwa parti integrali tas-sistema ġudizzjarja f’kull Stat Membru, fejn id-drittijiet u r-responsabbiltà huma attribwiti għal livelli adatti fi ħdan l-istruttura legali. Ir-regoli jeħtieġ li jkunu speċifiċi għall-pajjiż anke fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bordijiet tad-diretturi, sabiex is-sidien ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet.

1.9.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea twettaq inizjattivi konkreti biex jiġu stabbiliti taxxi fuq il-karbonju simili fl-Istati Membri sabiex jiġu armonizzati l-isforzi biex jinkiseb tnaqqis effettiv tal-livelli tas-CO2. Eżitu ideali għandu joħloq kundizzjonijiet uniformi fis-suq uniku tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet/it-tnaqqis li għandhom jiġu intaxxati, kif ukoll tal-metodi speċifiċi u r-rati ta’ tassazzjoni għal impatt ugwali fuq il-livell tas-CO2 fl-atmosfera.

1.10.

Il-KESE jtenni li l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jadottaw politika dwar it-taxxa ambjentali komprensiva u simmetrika dwar l-effett tas-CO2 fuq it-tisħin globali. Hemm bżonn li jiġu introdotti taxxi b’rati kemm pożittivi, kif ukoll negattivi. Id-dħul iġġenerat mit-taxxi fuq is-CO2 għandu jintuża biex jiġu ffinanzjati inċentivi għal tekniki ta’ tnaqqis tas-CO2 fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

1.11.

Il-KESE jinnota li, filwaqt li l-bejgħ ta’ prodotti tal-foresti huwa intaxxat bħala introjtu għas-sid, għandu jkun rikonoxxut li t-tħawwil ta’ siġar u t-tkabbir tal-foresti jnaqqsu s-CO2 fl-atmosfera, u għalhekk, f’approċċ simmetriku ta’ intaxxar fuq it-tisħin globali, għandhom jitħeġġu permezz ta’ taxxa negattiva fuq is-CO2. Din tkun miżura importanti biex jintlaħqu objettivi relatati mal-klima.

1.12.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal ftehim universali dwar il-pakkett tat-taxxa tal-OECD/G20, u l-implimentazzjoni kkoordinata tiegħu fil-livell globali. Sabiex tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, huwa importanti li r-regoli unilaterali fl-Ewropa ma jimpedixxux aktar adattament ta’ mudelli kummerċjali ġodda.

2.   Introduzzjoni

2.1.

It-tifqigħa tal-COVID-19 tat lill-ekonomija Ewropea kemm skoss fil-provvista, li jfixkel il-ktajjen tal-provvista, kif ukoll skoss fid-domanda, ikkawżat minn domanda aktar baxxa tal-konsumaturi. B’riżultat ta’ dan, l-investimenti mill-kumpaniji Ewropej naqsu b’mod sostanzjali matul il-pandemija, filwaqt li l-ammont kumplessiv tad-depożiti bankarji żdied.

2.2.

Madankollu, l-irkupru qed jaqbad ir-ritmu u miexi sew. Sabiex l-ekonomija Ewropea tingħata sura ġdida f’konformità mal-objettivi ddikjarati mill-Kummissjoni biex tinkiseb ekonomija aktar sostenibbli, aktar ekoloġika u diġitalizzata, l-investimenti jridu jappoġġjaw l-għanijiet ambjentali, filwaqt li d-diġitalizzazzjoni tikkontribwixxi għal żieda fil-produttività, billi titqies it-trasformazzjoni tas-suq tax-xogħol. Kemm l-inizjattivi privati kif ukoll dawk pubbliċi huma meħtieġa jekk irridu nilħqu l-objettivi ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

2.3.

Il-baġit fit-tul tal-UE, inkluż il-Pjan ta’ Rkupru u l-għodod ta’ Next Generation EU, se jimplimenta l-akbar pakkett ta’ stimolu pubbliku li qatt ġie ffinanzjat fl-Ewropa.

2.4.

Ir-rispons fis-settur privat ser ikun kruċjali biex titwettaq u tinkiseb b’mod effettiv ekonomija aktar ekoloġika u diġitalizzata. Il-politiki pubbliċi jridu għalhekk jipprovdu l-inċentivi adegwati. Il-politiki ekonomiċi, b’mod partikolari l-politiki tat-taxxa u l-politiki li għandhom impatt fuq il-governanza korporattiva, iridu jipprovdu proċess effiċjenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet u allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi.

2.4.1.

Fir-rigward tal-fondi allokati lill-Istati Membri bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, iridu jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin biex jiġi analizzat kif il-flus investiti ntefqu f’kull Stat Membru (1).

2.5.

Ix-xenarju tat-taxxa internazzjonali għaddej mill-akbar bidliet f’dawn l-aħħar mitt sena. Il-profitt taxxabbli minn uħud mill-akbar kumpaniji se jiġi rilokat mill-pajjiż ta’ residenza għall-pajjiż fejn iseħħ il-bejgħ u fejn jiġu kkonsenjati l-oġġetti u jingħataw is-servizzi. Barra minn hekk, madwar 136 pajjiż fi ħdan il-Qafas Inklużiv tal-OECD qablu dwar rata minima effettiva tat-taxxa korporattiva ta’ 15 %. Bidla importanti oħra hija li l-VAT fl-Ewropa għandha tiġi imposta skont il-prinċipju tad-destinazzjoni.

3.   L-importanza ta’ inċentivi adatti

3.1.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, l-intrapriżi, l-unitajiet domestiċi u l-investituri jeħtiġilhom jingħataw inċentivi adatti fil-forma ta’ prezzijiet li jirriflettu l-iskarsezza u l-esternalitajiet. Il-politiki ekonomiċi li jistabbilixxu objettivi ekonomiċi jew soċjali għandhom ikunu riflessi fil-prezzijiet li l-investituri privati u pubbliċi jsibu fis-suq.

3.2.

Madankollu, is-sistemi tat-taxxa korporattiva jittrattaw il-finanzjament b’dejn b’mod aktar favorevoli mill-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma, fis-sens li l-pagamenti tal-imgħax huma deduċibbli mit-taxxa iżda l-kost tal-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma mhuwiex. Dan jirriżulta f’żieda fl-ingranaġġ (livelli ta’ dejn) u għalhekk il-vulnerabbiltà tal-intrapriżi fi żminijiet ta’ taqlib ekonomiku.

3.3.

Sabiex tinkiseb ekonomija ekoloġika u diġitalizzata sostenibbli, jeħtieġ li tiġi indirizzata d-distorsjoni tal-finanzjament b’dejn-bil-bejgħ ta’ ishma. Id-dividendi, li huma soġġetti għal tassazzjoni doppja (l-ewwel fil-livell korporattiv u wara fil-livell tal-azzjonisti), huma importanti mhux biss bħala introjtu għall-pensjonanti u għall-finanzjament tal-istituzzjonijiet tar-riċerka, iżda b’mod partikolari bħala sors ta’ finanzjament għall-investiment f’żona ġdida.

3.4.

L-investiment fi proġetti ta’ investiment ġodda u aktar ekoloġiċi huwa assoċjat ma’ livell għoli ta’ riskju. Il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma huwa għalhekk is-sors preferut ta’ finanzjament. Qasam ewlieni għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-investiment ekoloġiku u diġitali huwa t-tneħħija tal-ostakli għas-sorsi ta’ kapital ta’ investiment ġdid.

3.5.

Għal intrapriżi ġodda u investituri li jfittxu opportunitajiet ta’ investiment aktar ekoloġiċi u diġitalizzati, suq kapitali li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali. Id-disponibbiltà tal-kapital hija kruċjali għal eżitu ta’ suċċess. Id-dividendi jgħinu biex tiżdied il-likwidità fis-suq.

3.6.

Is-sostenibbiltà diġà hija fattur kompetittiv immexxi mis-suq li huwa essenzjali għall-kapaċità tal-kumpaniji biex jattiraw klijenti, impjegati u investituri. Il-kunsiderazzjoni tas-sostenibbiltà hija importanti għas-sopravivenza fit-tul ta’ kumpanija. L-għodod regolatorji jridu jinbnew b’mod li jappoġġjaw il-kisba ta’ dawn l-għanijiet u jkunu konformi mal-prinċipji bażiċi ta’ kif joperaw in-negozji.

3.7.

Filwaqt li ma għandu jkun hemm l-ebda interferenza fil-politiki dwar id-dividendi jew influwenza indebita fuq il-kompożizzjoni tal-bordijiet tad-diretturi jew l-infurzar tar-responsabbiltà tad-diretturi lejn kumpanija, huma meħtieġa inċentivi adatti għal ekonomija aktar ekoloġika. Il-governanza ta’ kumpanija trid tqis ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-direttivi Ewropej rilevanti u l-linji gwida tal-OECD għall-kumpaniji multinazzjonali.

3.8.

It-tisħin globali huwa ta’ tħassib għalina lkoll, u l-kumpaniji għandhom iħallsu l-prezz tas-suq ġust għall-emissjonijiet u jnaqqsu s-CO2 fl-atmosfera. Dan ifisser mhux biss taxxi fuq l-emissjonijiet tas-CO2, iżda wkoll sussidji għal dawk l-attivitajiet li jnaqqsu s-CO2.

3.9.

Qasam importanti ieħor biex jintlaħqu l-objettivi ta’ ekonomija aktar ekoloġika u diġitalizzata huwa t-tassazzjoni ta’ intrapriżi dejjem aktar diġitalizzati. Hija meħtieġa soluzzjoni globali u kunsenswali, u huwa mistenni li jiġi ffinalizzat ftehim komprensiv qabel tmiem is-sena. It-taxxi fuq is-servizzi diġitali ma għandhomx jagħmlux ħsara lill-innovazzjoni jew jiddiżinċentivaw l-investimenti fit-teknoloġiji diġitali.

4.   Predispożizzjoni favur il-finanzjament b’dejn/bil-bejgħ ta’ ishma fit-tassazzjoni korporattiva

4.1.

Il-predispożizzjoni favur il-finanzjament b’dejn fis-sistemi tat-taxxa korporattiva jaffettwa l-kostijiet soċjoekonomiċi kif ukoll l-ingranaġġ tal-intrapriżi u l-governanza korporattiva. Id-dipendenza eċċessiva mill-finanzjament b’dejn tista’ timmina l-kisba tal-objettivi tal-Kummissjoni Ewropea hekk kif il-kumpaniji jsiru finanzjarjament vulnerabbli, u l-possibbiltà li jitwettqu proġetti ġodda u riskjużi ta’ investiment ekoloġiku se tiġi affettwata b’mod negattiv. Il-kapaċità li jitħallsu dividendi sabiex l-investituri jaslu biex jiddeċiedu jekk jinvestux fi proġetti ġodda se tkun ristretta.

4.2.

Abbażi tar-regoli tat-taxxa attwali, l-imgħax imħallas fuq self jitnaqqas mill-bażi għat-taxxa, filwaqt li dan mhuwiex il-każ għall-pagamenti mill-bejgħ ta’ ishma. Il-pagamenti mill-bejgħ ta’ ishma jikkonsistu f’żewġ partijiet: pagamenti tal-imgħax u qligħ kapitali. Dawn ir-regoli nazzjonali jagħmlu l-finanzjament permezz tad-dejn aktar vantaġġuż b’mod ċar mill-finanzjament bil-bejgħ ta’ ishma.

4.3.

Allowance speċjali intiż biex joffri lill-kumpaniji trattament tat-taxxa aktar simili għal investimenti ffinanzjati bil-bejgħ ta’ ishma, minn kif attwalment jingħata għall-investimenti ffinanzjati b’dejn, jista’ jnaqqas il-vulnerabbiltà korporattiva u jkun miżura utli għall-promozzjoni ta’ investimenti sostenibbli, aktar ekoloġiċi u diġitali.

4.4.

Ta’ min jinnota li jekk ir-rati statutorji tat-taxxa korporattiva jiżdiedu, ikun ekonomikament aħjar għal kumpanija li tinvesti permezz ta’ self, u b’hekk il-kumpaniji jiġu mħeġġa jiffukaw fuq il-finanzjament b’dejn saħansitra aktar minn qabel. Rata ta’ inflazzjoni ogħla u rati tal-imgħax ogħla jkollhom effett simili, u jżidu l-inċentivi għall-investiment permezz tas-self.

4.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu s-sistemi tat-tassazzjoni tagħhom aktar newtrali fir-rigward tal-finanzjament b’dejn u bil-bejgħ ta’ ishma. Dan għandu jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament u jagħmel l-ekonomija Ewropea aktar reżiljenti.

4.6.

Fid-Direttiva riveduta proposta dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva tal-2016, ġie introdott allowance għat-tkabbir u għall-investiment sabiex titnaqqas il-predispożizzjoni favur id-dejn u sabiex jiġu promossi l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp. L-allowance għat-tkabbir u għall-investiment jingħata billi ż-żieda fl-ekwità deduċibbli mill-bażi taxxabbli tiġi soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet (2).

4.7.

Il-Kummissjoni tal-UE ħabbret li fl-ewwel kwart tal-2022 se jiġi ppreżentat abbozz ta’ Direttiva li jindirizza l-predispożizzjoni favur id-dejn (3). Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jara proposta dettaljata u jipprovdi kummenti dwarha.

5.   Governanza korporattiva fid-dritt tal-kumpaniji

5.1.

Minbarra t-taxxi, id-dispożizzjonijiet regolatorji jistgħu jtejbu jew inaqqsu l-effett tal-inċentivi li jinħolqu b’mezzi oħra. Dispożizzjonijiet regolatorji diretti li jirregolaw is-sjieda u l-kapaċità li l-fondi jintużaw kif l-investituri u l-bordijiet korporattivi jqisu opportun, jistgħu joħolqu diffikultajiet biex jintlaħqu uħud mill-għanijiet mixtieqa.

5.2.

Huwa importanti għal ekonomija li tiffunzjona tajjeb li jkollha regoli u regolamenti adegwati li jaffettwaw l-operat tan-negozji u s-swieq. L-azzjonisti għandhom iżommu lill-maniġment ta’ kumpanija responsabbli jekk il-mezzi jintużaw għal benefiċċju personali u mhux biex jiżdied il-valur ta’ dik il-kumpanija (4). Għadd ta’ liġijiet jirregolaw imġiba korporattiva aċċettabbli f’termini tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus (5), kif ukoll ftehimiet estensivi dwar kodiċijiet tas-suq dwar l-imġiba korporattiva fl-Istati Membri. Kif imħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Rkupru (COVID-19), huwa importanti li s-sostenibbiltà tiġi inkorporata fil-qafas ta’ governanza korporattiva. Il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika biex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward ta’ inizjattiva possibbli dwar il-governanza korporattiva sostenibbli (6).

5.3.

Il-KESE jikkondividi l-viżjoni ta’ ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u diġitalizzata fil-futur, ikkaratterizzata b’ġustizzja, tkabbir u tassazzjoni effettiva, biex b’hekk jinħoloq ambjent li jwassal għal investiment u tkabbir li joħloq l-impjiegi. Biex il-flussi tal-investiment jingħataw direzzjoni mill-ġdid, huwa ta’ importanza kbira li l-kapital ikun disponibbli għall-ekonomija ekoloġika l-ġdida. Id-disponibbiltà ta’ fondi investibbli, flimkien ma’ ċertezza dwar ir-regoli u r-rispett tal-istat tad-dritt, huma fatturi importanti għat-tranżizzjoni b’suċċess tal-ekonomija Ewropea.

5.4.

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kumpaniji għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ ekonomija aktar ekoloġika, sostenibbli u diġitalizzata, u b’hekk ikun hemm enfasi fuq objettivi fit-tul u distribuzzjoni ġusta bejn il-pajjiżi u ċ-ċittadini.

5.5.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-kontroll aħħari fuq l-attivitajiet korporattivi u r-responsabbiltà għalihom għandhom ikunu f’idejn l-azzjonisti. Is-sidien ta’ kumpanija għandhom jinżammu responsabbli. Is-sistema attwali tal-kodiċijiet ta’ governanza korporattiva tal-Istati Membri u l-liġijiet tal-kumpaniji jiddependu tabilħaqq fuq l-azzjonisti, li huma s-sidien tal-kumpanija, u li fl-aħħar mill-aħħar jeżerċitaw kontroll fuq l-istrateġiji u l-prijoritajiet tal-kumpanija billi jaħtru l-bord tad-diretturi tal-kumpanija. Din ir-responsabbiltà tfisser li l-azzjonisti huma responsabbli għall-finanzi u l-kondotta tal-kumpanija, u għandhom jitilfu l-kapital jekk il-kumpanija tesperjenza telf. Prinċipju bażiku stabbilit sew bħal dan m’għandux jinbidel jew jiddgħajjef.

5.6.

L-objettivi fit-tul u l-esternalitajiet soċjali pożittivi għandhom, tabilħaqq, jiġu kkunsidrati sew mill-kumpaniji kemm fl-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum kif ukoll fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom. Dan huwa dejjem aktar meħtieġ mill-istandards tas-suq, mir-regoli settorjali li jirregolaw il-produzzjoni u mill-investituri madwar id-dinja, li spiss jirrikjedu standards ambjentali, soċjali u ta’ governanza fi ħdan il-korporazzjonijiet (7).

5.7.

Taħt l-influwenza tad-direttivi u r-regolamenti Ewropej, id-dritt nazzjonali tal-kumpaniji huwa parti integrali tas-sistema ġudizzjarja f’kull Stat Membru, fejn id-drittijiet u r-responsabbiltà huma attribwiti għal livelli adatti fi ħdan l-istruttura legali. Ir-regoli jeħtieġ li jkunu speċifiċi għall-pajjiż anke fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bordijiet tad-diretturi. Il-governanza u r-rakkomandazzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw kompetizzjoni ġusta u valuri ġusti fir-rigward tal-imġiba ta’ kumpanija.

5.8.

Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rwol meħtieġ tal-fondi privati għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni, huwa kruċjali li l-kapital ma jiġix imblukkat fil-kumpaniji, u l-fondi jkunu jistgħu jiġu investiti faċilment f’setturi ewlenin definiti mill-UE.

5.9.

Suq kapitali li jiffunzjona tajjeb fl-UE huwa fundamentali b’mod partikolari għal investimenti ġodda. Għalhekk, il-KESE jappella sabiex jittieħdu aktar passi lejn it-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (8).

5.10.

Il-likwidità tas-suq kapitali hija importanti għall-investimenti li għandhom isiru. Il-pagamenti ta’ dividendi, anke meta jista’ jagħti l-każ li jitqiesu li huma wisq fuq terminu qasir, jikkontribwixxu għall-ġabra ta’ fondi disponibbli għal investimenti ġodda fis-setturi ekoloġiċi u diġitali (9). Għalhekk huma kruċjali għal suq tal-kapital li jiffunzjona tajjeb meta jiġu investiti, jew f’intrapriżi ġodda jew f’kumpaniji li jħallsu d-dividendi. Jekk id-dividendi jitħallsu lill-investitur, l-investitur dejjem jista’ jagħżel li jerġa’ jinvesti fil-kumpanija eżistenti jew f’kumpanija oħra. Madankollu, jekk jinżamm il-qligħ, l-investitur jeħtieġlu jillikwida l-ishma bħala l-uniku mod biex jinvesti f’intrapriżi ġodda. Jista’ jkun tajjeb għall-kumpaniji eżistenti u l-investituri jekk il-kapital miżmum jiżdied fil-valur, iżda mhux se jagħmel fondi ġodda disponibbli għal impriżi ġodda jew investiment f’żona ġdida.

5.11.

Il-pagamenti ta’ dividendi jagħtu lill-investituri opportunità biex jirfinaw kontinwament l-istrateġija ta’ investiment tagħhom, u jikkontribwixxu għal proġetti ekoloġiċi, sostenibbli, etiċi u diġitali. Dan diġà ġie osservat f’ħafna każijiet fis-swieq kapitali u fil-qasam tal-ekwità privata (bħal, pereżempju, l-investiment fil-produzzjoni tal-batteriji għall-karozzi elettriċi, jew il-produzzjoni tal-azzar mingħajr karbonju).

5.12.

Il-kumpaniji l-ġodda għandhom jitħallew jikbru u jfittxu bis-sħiħ finanzjament mid-dividendi mħallsa lill-azzjonisti ta’ kumpaniji eżistenti u eżistenti, u b’hekk jippermettu allokazzjoni ġdida ta’ kapital, f’konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Jistgħu jiġu kkunsidrati inċentivi fiskali għal investiment ekoloġiku ġdid.

5.13.

Il-KESE jemmen li s-swieq kapitali u l-fondi privati jista’ jkollhom rwol kruċjali biex jinkoraġġixxu l-perkors tal-kumpaniji lejn ekonomija sostenibbli aktar ekoloġika u diġitalizzata. Kwalunkwe azzjoni ta’ politika mil-leġiżlatur Ewropew dwar id-dritt tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva għandha ssaħħaħ dan ir-rwol.

6.   Inċentivi għat-tnaqqis tas-CO2

6.1.

It-taxxi għandhom jintużaw biex jirfdu t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea u biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi (10). Huwa importanti li l-intrapriżi u l-unitajiet domestiċi jibbenefikaw mill-istess inċentivi sabiex ikun jista’ jinkiseb tnaqqis tas-CO2 fl-atmosfera bl-inqas kost possibbli.

6.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea twettaq inizjattivi konkreti biex jiġu stabbiliti taxxi fuq il-karbonju simili fl-Istati Membri sabiex jiġu armonizzati l-isforzi biex jinkiseb tnaqqis effettiv tal-livelli tas-CO2. Eżitu ideali għandu joħloq kundizzjonijiet uniformi fis-suq uniku tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet/it-tnaqqis li għandhom jiġu ntaxxati, kif ukoll il-metodi speċifiċi u r-rati ta’ tassazzjoni għal impatt ugwali fuq il-livell tas-CO2 fl-atmosfera.

6.3.

L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jadottaw politika dwar it-taxxa ambjentali komprensiva u simmetrika għall-effett tas-CO2 fuq it-tisħin globali. Hemm bżonn li jiġu introdotti taxxi b’rati kemm pożittivi, kif ukoll negattivi. Id-dħul iġġenerat mit-taxxi fuq is-CO2 għandu jintuża biex jiġu ffinanzjati inċentivi għal tekniki ta’ tnaqqis tas-CO2 fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

6.4.

Filwaqt li l-bejgħ ta’ prodotti tal-foresti huwa intaxxat bħala introjtu għas-sid, għandu jkun rikonoxxut li t-tħawwil ta’ siġar u t-tkabbir tal-foresti jnaqqsu s-CO2 fl-atmosfera, u għalhekk, f’approċċ simmetriku ta’ intaxxar fuq it-tisħin globali, għandhom jitħeġġu permezz ta’ taxxa negattiva fuq is-CO2. Din tkun miżura importanti biex jintlaħqu objettivi relatati mal-klima.

6.5.

Eżitu ideali għandu joħloq kundizzjonijiet uniformi madwar id-dinja fir-rigward tal-emissjonijiet/it-tnaqqis li għandhom jiġu intaxxati, kif ukoll tal-metodi speċifiċi u r-rati ta’ tassazzjoni għal impatt ugwali fuq il-livell tas-CO2 fl-atmosfera.

7.   L-evitar tad-diżinċentivi għad-diġitalizzazzjoni

7.1.

L-użu tad-data u mudelli kummerċjali ġodda wasslu għall-ħtieġa li jiġu rieżaminati l-prinċipji tat-tassazzjoni internazzjonali dwar kif għandu jiġi allokat id-dħul mit-taxxa fost il-pajjiżi. Huwa importanti li jintlaħaq u jiġi implimentat kunsens globali (11).

7.2.

Il-pakkett tat-taxxa jinkludi proposta għal taxxa minima korporattiva effettiva ta’ 15 %. Il-Ftehim tal-OECD/G20 għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa, b’mod partikolari minn pajjiżi b’rati tat-taxxa taħt il-livell limitu, u jiddikjara li “l-MLC (Konvenzjoni Multilaterali) se tirrikjedi li l-partijiet kollha jneħħu t-taxxi kollha fuq is-servizzi diġitali u miżuri simili rilevanti oħra fir-rigward tal-kumpaniji kollha, u li jimpenjaw ruħhom li ma jintroduċux miżuri bħal dawn fil-futur. Definizzjoni dettaljata ta’ x’jikkostitwixxi miżuri simili rilevanti se tiġi ffinalizzata bħala parti mill-adozzjoni tal-MLC u n-Nota ta’ Spjegazzjoni tagħha” (12).

7.3.

Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli adatti li jippromovu aktar diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ ekonomija aktar ekoloġika u diġitalizzata.

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Biex ikunu effettivi, il-flus iridu jinġabru b’mod kosteffettiv u jintefqu sew fl-Istati Membri, u jikkontribwixxu għal investimenti li ma kinux isiru mingħajr it-trasferimenti.

(2)  Mill-bażi taxxabbli jkun deduċibbli ammont ugwali għar-rendiment definit fuq iż-żidiet fil-bażi ta’ ekwità tal-allowance għat-tkabbir u għall-investiment. Ir-rendiment definit għandu jkun daqs ir-rendiment tal-bond referenzjarju tal-gvern ta’ 10 snin fiż-żona euro f’Diċembru tas-sena li tiġi qabel is-sena tat-taxxa rilevanti, miżjud bi premium ta’ riskju ta’ żewġ punti perċentwali. Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva, COM(2016) 685 final, 2016/0337 (CNS) (2016).

(3)  Allowance għat-Tnaqqis tal-Predispożizzjoni Favur id-Dejn (DEBRA), Komunikazzjoni dwar It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21, COM (2021) 251.

(4)  Għandu jiġi pprojbit l-użu ta’ fondi tal-kumpaniji mill-maniġers għall-infiq fuq beni ta’ lussu mhux relatati mal-għanijiet tal-kumpanija.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 6).

(6)  Konsultazzjoni dwar Governanza korporattiva sostenibbli, perjodu tal-konsultazzjoni: 26 ta’ Ottubru 2020 – 8 ta’ Frar 2021.

(7)  Il-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (kriterji ESG) jirreferu għal fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza korporattiva li jitqiesu meta jsir investiment f’kumpanija. Għalkemm l-oriġini tagħhom tmur lura għal għexieren ta’ snin, il-kriterji ESG saru referenza għal investiment soċjalment responsabbli f’dawn l-aħħar snin.

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji – pjan ta’ azzjoni ġdid (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20).

(9)  Diversi riċerkaturi kkontestaw jekk hemmx perspettiva għal żmien qasir fil-politika dwar id-dividendi, ara eż. Martin Carlsson-Wall et al., Corporate Governance and Short-Termism: An in-depth Analysis of Swedish data (Governanza Korporattiva u perspettiva għal żmien qasir: analiżi fil-fond tad-data Żvediża), Stockholm School of Economics (2021). Is-sejbiet empiriċi tagħhom, ibbażati fuq is-snin 2000-2019 b’rabta ma’ 786 kumpanija unika u 7 389 snin intrapriżi (firm-years), ma juru l-ebda indikazzjoni materjali ta’ perspettiva finanzjarja għal żmien qasir.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Mekkaniżmi ta’ tassazzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 21 ).

(11)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21 (ECO/558).

(12)  OECD/G20 Base Erosion and Profit Shifting Project Statement on a Two-Pillar Solution to Address the Tax Challenges Arising from the Digitalisation of the Economy, 8 October 2021 (Dikjarazzjoni tal-Proġett tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti dwar Soluzzjoni b’żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija), p. 7.


  翻译: