2.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 295/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(2022/C 295/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA TAL-UNJONI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

BIANCO DI CUSTOZA/CUSTOZA

PDO-IT-A0468-AM03

Data tal-applikazzjoni: 9.7.2019

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio Tutela Vino Custoza DOC [L-Assoċjazzjoni tal-Protezzjoni tal-Inbid tal-Custoza DOC]

Assoċjazzjoni tal-protezzjoni – parti b’interess leġittimu li tissottometti din l-applikazzjoni

2.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Kategorija tal-prodott tad-dwieli

Rabta

Restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni

3.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

3.1.   Modifika tal-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta minn Bianco di Custoza / Custoza għal Custoza

Modifika tal-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta minn Bianco di Custoza / Custoza għal Custoza.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ilha aktar minn 10 snin tippermetti li l-inbejjed ikunu magħrufa bħala Custoza kif ukoll bl-isem tradizzjonali Bianco di Custoza. Custoza issa sar l-uniku isem użat mill-vitikulturi u jintgħaraf mill-konsumaturi, u għalhekk ma għadx hemm raġuni biex tinżamm id-denominazzjoni doppja.

Din l-emenda tinvolvi bidla fl-isem fil-punti 1.1 (Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni), 1.4 (Deskrizzjoni tal-Inbid/Inbejjed), 1.5.2. (Rendimenti massimi għal kull ettaru), 1.6 (Definizzjoni taż-żona demarkata), 1.8 (Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet) u 1.9 (Rekwiżiti oħra applikabbli) tad-Dokument Uniku.

3.2.   Żieda ta’ restrizzjoni taż-żona tal-ibbottiljar

(a)

Ġie introdott rekwiżit li l-ibbottiljar (u l-proċess tat-tqaddid tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid Passito biss) isir fiż-żona tal-produzzjoni kif demarkata fl-Artikolu 3, għalkemm id-drittijiet li kien hemm minn qabel ta’ dawk il-produtturi li tradizzjonalment kienu jibbottiljaw l-inbid barra miż-żona tal-produzzjoni definita jibqgħu japplikaw.

L-applikazzjoni biex l-ibbottiljar tad-DOP Custoza jiġi llimitat għaż-żona tal-produzzjoni – rekwiżit applikat minn denominazzjonijiet oħra ta’ nbejjed rinomati – jikkostitwixxi wkoll pass kbir ’il quddiem fit-titjib tal-kwalità ssuġġerita mill-isem, li għandu l-għan li jippożizzjona l-Custoza bħala wieħed mill-ismijiet storiċi l-aktar importanti.

Il-karatteristiċi u l-kwalitajiet distintivi li ż-żona ta’ oriġini tagħti lill-inbejjed tad-DOP Custoza jiġu mħarsa aħjar bl-ibbottiljar tal-inbid fiż-żona tal-produzzjoni, peress li jfisser li r-regoli tekniċi kollha dwar it-trasport u l-ibbottiljar jiġu applikati u infurzati taħt ir-responsabbiltà u bil-kompetenza professjonali tal-vitikulturi ta’ dik l-istess żona demarkata.

Dan l-obbligu jevita r-riskji possibbli ta’ trasport barra miż-żona tal-inbid, bħal: ossidazzjoni u stress termiku minħabba temperaturi għoljin jew baxxi u deterjorazzjoni tal-prodott, li jaffettwaw ħażin il-karatteristiċi kimiċi/fiżiċi tiegħu (l-aċidità, il-polifenoli u s-sustanzi li jagħtu l-kulur) u l-karatteristiċi organolettiċi (il-kulur, l-aroma, it-togħma), u l-istabbiltà tiegħu. Ir-riskju ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika (minn batterji, viruses, fungi, moffa jew ħmira) jitnaqqas ukoll. Dan ir-rekwiżit jibbenefika lill-operaturi, li huma konxji mir-riskji u responsabbli għall-preservazzjoni tal-kwalità tad-DOP, u jagħti lill-konsumaturi assigurazzjoni rigward l-oriġini u l-kwalità tal-inbejjed u l-konformità tagħhom mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Barra minn hekk, il-kontrolli mill-korpi kompetenti huma aktar effettivi f’żona iżgħar.

L-eċċezzjoni għal din ir-regola għall-operaturi li tradizzjonalment kienu jibbottiljaw l-inbejjed Custoza hija ġġustifikata mill-fatt li dawk l-operaturi wrew il-kompetenza u l-għarfien tagħhom tad-denominazzjoni, biex b’hekk jgħinu jiggarantixxu l-kwalità meħtieġa għal dan l-inbid.

(b)

Ġie stabbilit u kkonfermat li ż-żona għall-produzzjoni tat-tip spumante (inbid spumanti), inklużi l-fermentazzjoni sekondarja u l-ibbottiljar, għandha tkun fiż-żona tal-produzzjoni flimkien mal-provinċji ta’ Brescia, Mantua, Trento, Treviso u Vicenza.

F’konformità mal-istess prinċipji ta’ protezzjoni u kompetenza stabbiliti fil-paragrafu preċedenti, sabiex jiġu mħarsa l-operaturi tradizzjonali, iż-żona tal-produzzjoni tal-inbejjed spumanti tibqa’ l-istess.

Din l-emenda tikkonċerna l-punt 1.9 tad-Dokument Uniku u l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Custoza

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

5.

Inbid spumanti ta’ kwalità

15.

Inbid minn għeneb imqadded

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Custoza, kategorija 1: Inbid

 

Kulur: isfar lewn it-tiben, xi kultant bi sfumaturi fl-aħdar ċar;

 

fwieħet l-inbid: tal-frott, distinta, kemxejn aromatika;

 

togħma: togħma tajba, delikata, bl-ammont perfett ta’ korporatura.

 

qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 11 %;

 

estratt minimu mingħajr zokkor: 17 g/l;

 

residwi ta’ zokkor riduċenti: massimu 7 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Custoza Riserva, Kategorija 1: Inbid

 

Kulur: minn isfar lewn it-tiben għal lewn id-deheb ta’ intensità li tvarja;

 

fwieħet l-inbid: intensiva, distinta u kemxejn aromatika;

 

togħma: ibbilanċjata, togħma tajba, bl-ammont perfett ta’ korporatura;

 

qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,5 %;

 

estratt minimu mingħajr zokkor: 20 g/l;

 

residwi ta’ zokkor riduċenti: massimu 7 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Custoza superior, Kategorija 1: Inbid

 

Kulur: minn isfar lewn it-tiben għal lewn id-deheb bit-tqaddim;

 

fwieħet l-inbid: pjaċevoli, distinta, kemxejn aromatika;

 

togħma: ibbilanċjata, robusta;

 

qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,50 %;

 

estratt minimu mingħajr zokkor: 20 g/l;

 

residwi ta’ zokkor riduċenti: massimu 7 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Custoza, Kategorija 5: inbid spumanti ta’ kwalità

 

Ragħwa: fina, dejjiema;

 

Kulur: isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja, possibbilment bi sfumaturi dehbiena;

 

fwieħet l-inbid: fragranti, tal-frott u kemxejn aromatika meta jintuża l-metodu Charmat; fina, eleganti u distinta jekk issir fermentazzjoni fil-flixkun;

 

togħma: friska, b’ħafna togħma, fina u armonjuża; dożaġġ żero sa nbid xott mezzan;

 

qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 11,5 %;

 

estratt minimu mingħajr zokkor: 15 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

5,0 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Custoza passito (inbid minn għeneb imqadded), Kategorija 15

 

Kulur: isfar lewn id-deheb;

 

fwieħet l-inbid: qawwija u tal-frott;

 

togħma: minn pjaċevoli għal ħelwa, ibbilanċjata, b’korpuratura kemxejn aromatika;

 

qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 15 %;

 

estratt minimu mingħajr zokkor: 22 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

12,00

Aċidità totali minima

4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

-

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.

Custoza

13 000 kg għeneb għal kull ettaru

2.

Custoza superiore

12 000 kg għeneb għal kull ettaru

3.

Custoza riserva

13 000 kg għeneb għal kull ettaru

4.

Custoza inbid spumanti ta’ kwalità

13 000 kg għeneb għal kull ettaru

5.

Custoza passito (il-kategorija ta’ nbid minn għeneb imqadded)

5 000 kg għeneb għal kull ettaru.

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

L-inbejjed Custoza DOC jiġu prodotti f’żona li tinkorpora l-muniċipalitajiet kollha li ġejjin jew parti minnhom: Sommacampagna, Villafranca di Verona, Valeggio sul Mincio, Peschiera del Garda, Lazise, Castelnuovo del Garda, Pastrengo, Bussolengo u Sona. Iż-żona hija demarkata b’dan il-mod: tibda ‘l isfel minn Sommacampagna, mid-distrett ta’ Cesure (altitudni ta’ 89 m), il-konfini jgħaddu mil-Lbiċ tul il-kanal tal-qatra tal-bord tat-titjib tal-art u tal-iskular Alto Agro Veronese sa Boscone, u tiltaqa’ mat-triq għal Villafranca għal medda qasira qabel ma tingħaqad mat-triq muniċipali li tgħaddi minn Pozzomoretto u Colombara. Imbagħad, il-konfini jingħaqdu mat-triq muniċipali li jmiss qrib Cà Delia, tkompli ma’ din it-triq wara C. Nuova Pigno u Le Grattarole sal-ġunzjoni mat-triq provinċjali ta’ Villafranca-Valeggio, li tingħaqad magħha sal-villaġġ ta’ Valeggio sul Mincio. Hija mbagħad tkompli lejn in-Nofsinhar tul it-triq muniċipali lejn Pozzolo sa C. Buse fejn tingħaqad mat-triq li tgħaddi mill-kanal tal-qatra ta’ Seriola Prevaldesca, li ssegwi lejn it-Tramuntana sal-pont magħruf bħala l-Ponte Lungo. Wara li taqsam dan il-pont, il-konfini jsegwu l-kanal tal-qatra ta’ Seriosa Serenelli lejn in-nofsinhar sal-konfini mal-Provinċja ta’ Mantua u r-Reġjun tal-Lombardija (altitudni ta’ 63 m). Il-linja tal-konfini mbagħad tirritorna lejn it-Tramuntana tul il-konfini reġjonali, tgħaddi minn Pignolada, Staffalonero, Prandina, Stazione di Salionze, Villa, Dolci u Pontata, u mbagħad titbiegħed mill-konfini biex issegwi t-triq ta’ Broglie-Madonna del Frassino għal medda qasira ħafna lejn il-Grigal sal-punt qrib Pignolini fejn taqsam l-awtostrada ta’ Serenissima. Hija mbagħad issegwi l-mogħdija li tgħaddi lejn il-Lvant ta’ Cà Gozzetto, tgħaddi minn Cà Serraglio, tgħaddi lejn il-Punent tal-punt ta’ altitudni ta’ 101 m, u tintemm f’Cà Berra Nuova (altitudni ta’ 91 m) fuq ix-xtajtiet tal-Lag Frassino. Il-konfini mbagħad jgħaddu tul ix-xatt tal-lag għal medda qasira, biex tingħaqad mal-mogħdija li tgħaddi minn Bertoletta, u tasal fil-gabuba tal-binarju tal-ferrovija f’altitudni ta’ 84 m. Hija mbagħad issegwi l-binarju lejn il-Lvant sal-kamra li jmiss f’altitudni ta’ 84 m qabel ma ddur fit-triq li tgħaddi minn Villa Montresor u tkompli sa Cappuccini fuq ix-xatt tal-Lag ta’ Garda. Minn Cappuccini, il-linja tal-konfini ssegwi x-xatt tal-Lvant tal-Lag ta’ Garda qabel ma mbagħad iddur ’il ġewwa qrib il-port ta’ Pacengo, issegwi l-mogħdija li tgħaddi mal-punti ta’ altitudni ta’ 93 m u ta’ 107 m u taħt Pacengo sa Cà Allegri. Hija mbagħad issegwi t-triq muniċipali ta’ Pacengo sa C. Fontana Fredda, qabel ma titla’ mogħdija oħra, tgħaddi altitudni ta’ 122 m, sa Le Tende. Minn hemm taqbad it-triq ta’ Pacengo-Colà sa C. alle Croci qabel ma tinżel lejn ix-Xlokk u ssegwi l-mogħdija lil hinn mill-punti ta’ altitudni ta’ 118 m u ta’ 113 m u tul Sarnighe, tiltaqa’ mal-konfini bejn il-muniċipalitajiet ta’ Lazise u Castelnuovo f’altitudni ta’ 112 m. Imbagħad il-linja terġa’ titla, tkompli lejn it-Tramuntana tul il-konfini muniċipali qabel ma tingħaqad fil-konfini bejn il-muniċipalitajiet ta’ Lazise u Pastrengo qrib Mirandola. Hija ssegwi l-konfini sakemm taqsam it-triq privinċjali ta’ Verona-Lago lejn il-Punent ta’ Osteria Vecchia, tingħaqad mat-triq lejn Verona (il-Lvant) sakemm ma tilħaq il-punt qrib Bussolengo fejn tingħaqad mat-triq muniċipali ta’ Cristo qrib altitudni ta’ 130 m. Hija mbagħad tkompli tul it-triq muniċipali ta’ Palazzolo sal-punt fejn l-awtostrada ta’ Brenner taqsam il-konfini muniċipali ta’ Bussolengo-Sona. Imbagħad, il-linja ssegwi l-konfini muniċipali lejn in-nofsinhar Civel, fejn tingħaqad mat-triq provinċjali ta’ Bussolengo-Sommacampagna, li ssegwi sakemm taqsam Sommacampagna u tiltaqa’ mat-triq lejn Custoza, li ssegwi sal-punt ta’ tluq f’Cesure. Lejn in-naħa tal-Punent ta’ Broglie, iż-żona tinkludi wkoll territorju żgħir fil-muniċipalità ta’ Peschiera del Garda, inkluża ż-żona ta’ Monte Zecchino, u delimitata kif ġej: mill-mogħdija lejn in-Nofsinhar ta’ Broglie (maġenb l-iskola primarja l-antika), il-linja tal-konfini tkompli lejn il-Punent lejn Cà Boschetti u Cà Rondinelli u mbagħad issegwi l-konfini provinċjali u reġjonali lil hinn minn Cà Boffei, Soregone, Cà Nuova Bazzoli. Imbagħad issegwi t-triq lejn Broglie sakemm taqsam il-mogħdija minn fejn bdiet il-linja.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Chardonnay B.

Cortese B. - Bianca Fernanda

Garganega B. - Garganego

Garganega B. - Grecanico dorato B.

Malvasia bianca B. - Iuvarella

Malvasia bianca B. - Malvasia

Malvasia bianca B. - Verdina

Manzoni bianco B. - Incrocio Manzoni 6.0.13 B [ibridu tal-Manzoni]

Pinot bianco B.

Pinot bianco B. - Pinot

Pinot bianco B. - Pinot blanc

Riesling italico B. - Riesling [Riesling Taljan]

Riesling renano B. - Riesling [Weisser Riesling]

Tocai friulano B.

Tocai friulano B. - Tuchì

Trebbiano toscano B. - Biancame B.

Trebbiano toscano B. - Procanico

Trebbiano toscano B. - Trebbiano

Trebbiano toscano B. - Ugni blanc.

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Karatteristiċi speċifiċi taż-żona ġeografika

Fatturi naturali

L-inbejjed Custoza jiġu prodotti f’żona relattivament żgħira li tokkupa l-biċċa l-kbira tal-parti tan-Nofsinhar tal-għoljiet moreni li jinsabu bejn il-periferija ta’ Verona u l-Lag ta’ Garda.

Iż-żona ta’ produzzjoni għandha n-naħa tal-Lbiċ tagħha mdawwra bix-xmara Mincio.

Iż-żona tinkorpora ż-żewġ partijiet tal-anfiteatru morena tal-Lvant ’il ġewwa mil-Lag ta’ Garda u l-pjanuri fluvjoglaċjali relatati mill-qrib, li huma komposti minn materjali simili għalkemm mhux preċiżament mill-istess oriġini. Din il-kompożizzjoni tal-morena, b’ammont sostanzjali ta’ minerali u mikroelementi, twassal għal rendimenti tajbin u għal kompożizzjoni organolettika bbilanċjata tal-għeneb.

F’aktar dettall, ix-xenarju morena li jikkaratterizza ż-żona ta’ produzzjoni Custoza DOC huwa ffurmat minn grupp dens ta’ għoljiet imtawla f’formazzjoni konċentrika. Dawn hemm tendenza li ma jkunux wieqfa, b’telgħat u nżul ta’ bejn il-50 u l-100 metru. Minħabba li dawn l-għoljiet huma ffurmati mid-depożiti li ħallew warajhom l-istess glaċieri li ffurmaw il-Lag ta’ Garda fil-qrib, fihom struttura tal-ħamrija varjata ħafna, bi pjanuri mifruxin ’l hawn u ’l hinn mimlija biż-żrar.

Id-daqs żgħir u l-uniformità konsiderevoli taż-żona ta’ produzzjoni Custoza DOC ifisser li l-kundizzjonijiet klimatiċi huma essenzjalment l-istess kullimkien. Iż-żona tesperjenza sjuf sħan, iżda mhux soffokanti u xtiewi relattivament kesħin imtaffija bil-qrubija tagħha lejn il-Lag ta’ Garda, li toħloq mikroklima li mhix favorevoli biss lejn il-vinji iżda anke lejn is-siġar taż-żebbuġ u ċ-ċipressi li huma karatteristika distintiva tal-inħawi lokali.

Il-preċipitazzjoni hija mifruxa pjuttost b’mod ugwali matul is-sena.

Il-mod li bih l-għoljiet huma organizzati jfisser li t-telgħat jiġu msaħħna matul il-jum u arja kiesħa tista’ takkumula billejl, biex b’hekk jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-karatteristiċi aromatiċi tal-għeneb abjad. L-irjieħ friski fis-sajf jistimolaw it-tkabbir tajjeb tad-dwieli.

Il-varjazzjonijiet fit-temperatura bejn binhar u billejl, b’mod partikolari matul l-aħħar fażi tas-sajran tal-għeneb, jgħinu jippreservaw is-sustanzi aċidiċi u mimlijin togħma tagħhom.

Għalhekk hemm varjazzjoni relattivament żgħira f’termini tal-inħawi u l-klima fiż-żona ta’ produzzjoni tal-inbejjed tal-Custoza DOC.

Fatturi storiċi u umani

L-inbid Custoza żviluppa f’żona ta’ vitikultura storika u dokumentata.

L-ewwel dokumentazzjoni ta’ vinji domestikati f’dik li llum hija ż-żona ta’ produzzjoni tal-Custoza DOC hija l-iskoperta ta’ żrieragħ tal-għeneb (Vitis sylvestris) mill-era tal-villaġġi tad-djar bl-istrippi tal-injam fiż-żona ta’ Pacengo u Peschiera. Hemm evidenza ta’ kultivazzjoni tal-vinji li teħodna lura sal-era Rumana (fost is-sejbiet arkeoloġiċi fiż-żona hemm oġġetti li jindikaw li l-inbid kien jintuża f’riti reliġjużi u oġġetti użati għall-preservazzjoni u t-trasport tal-inbid), u hemm dokumentazzjoni abbundanti dwar il-kultivazzjoni ta’ vinji fiż-żona – b’mod partikolai bejn Pastrengo u Sommacampagna – mis-seklu 9 ’il quddiem u matul il-Medjuevu.

Sat-tieni nofs tas-seklu 19, l-inbid lokali beda jsir magħruf bl-isem ta’ Custoza, l-isem ta’ villaġġ fil-muniċipalità ta’ Sommacampagna magħruf għal żewġ battalji li ġew miġġielda matul il-gwerer Taljani tal-unifikazzjoni. Iż-żona Sona-Custoza kienet ukoll elenkata bħala waħda mill-aqwa żoni għall-vitikultura tal-parti tal-Punent tal-provinċja ta’ Verona fi studju mwettaq miċ-Ċentru tal-Vitikultura u tal-Esperimentazzjoni bl-Inbid ta’ Conegliano fl-1939.

Il-Bianco di Custoza DOC inħoloq uffiċjalment minn Digriet Presidenzjali fit-8 ta’ Frar 1971, u kien fost l-ewwel inbejjed bojod li kisbu rikonoxximent bħala deżinjazzjoni ta’ oriġini fl-Italja. L-isem imqassar il-ġdid Custoza ġie approvat fl-2005.

L-Azzoċjazzjoni tal-Protezzjoni tal-Custoza ġiet stabbilita fl-1972.

Is-sistema ta’ kultivazzjoni tal-vinji l-aktar użata fiż-żona ta’ produzzjoni tal-Custoza DOC, u li damet tintuża għal żmien twil tul l-istorja tiegħu, kienet is-sistema tal-kannizzati. Fl-antik, l-għeneb ma kienx jitkabbar f’vinji ddedikati iżda biswit għelejjel oħra, li barra minn hekk kienu limitati mit-terren tal-għoljiet.

Fis-snin tmenin, bdew iseħħu bidliet radikali fiż-żona tal-produzzjoni tal-Custoza, li ħallew impatt kemm fuq il-metodu tat-tkabbir tad-dwieli kif ukoll fuq il-prattiki agronomiċi, u ppermettew lill-produtturi tal-inbid jisfruttaw bl-aħjar mod il-karatteristiċi speċifiċi tal-varjetajiet tad-dwieli indiġeni: il-Garganega, it-Tocai Friulano (magħrufa lokalment bħala t-“Trebbianello”) u l-Bianca Fernanda (klonu lokali ta’ Cortese). Bis-saħħa tat-titjib progressiv fit-teknoloġija u l-esperjenza miksuba matul iż-żmien, il-produtturi tal-inbid issa jistgħu jidentifikaw u japplikaw l-aktar tipi ta’ taħriġ u proċessi xierqa għat-tkabbir ta’ għeneb ta’ kwalità għolja u jidentifikaw il-mument ideali għall-ħsad tiegħu, biex b’hekk joħorġu l-kwalitajiet speċifiċi li huwa mogħni bihom dan l-għeneb permezz tal-interazzjoni bejn il-varjetà, il-ħamrija tal-għoljiet u l-mikroklima.

Madankollu, huwa meta l-għeneb jiġi magħmul fi nbid, meta n-noti aromatiċi partikolari ta’ kull varjetà kkultivata jiġu estratti mill-għeneb, li l-għarfien espert tal-produtturi lokali jidher tassew. Permezz ta’ dan, it-taħlita ta’ għeneb Custoza toħroġ il-fwieħa delikata, florali u tal-frott tal-Garganega, il-kulur karatteristiku tat-Tocai Friulano u l-ħjiel kemxejn aromatiku tal-Bianca Fernanda, kif ukoll il-karatteristiċi distinti tal-għeneb abjad l-ieħor imkabbar fiż-żona. Dawn il-fatturi kollha flimkien ifissru li l-inbid Custoza huwa kkaratterizzat mill-konnotazzjonijiet lokali qawwija tiegħu u li jiġi rikonoxxut faċilment permezz tal-isfumaturi fil-kulur, il-freskezza u l-potabbiltà inerenti tiegħu.

It-tradizzjoni tal-inbid ta’ Verona tinkludi wkoll il-produzzjoni ta’ nbejjed Passito u spumanti, għalkemm fi kwantitajiet żgħar biss. It-tqaddid tradizzjonali tal-għeneb fuq id-dielja jew fiż-żoni tat-tqaddid għandu tradizzjonijiet qodma fiż-żona kollha tal-Lag ta’ Garda, filwaqt li l-prattika tal-produzzjoni tal-inbid spumanti ġiet introdotta aktar reċentement f’nofs is-seklu li għadda.

Il-lista ta’ varjetajiet li jistgħu jintużaw għall-inbid spumanti ta’ kwalità Custoza tagħmilha possibbli li jiġu ottimizzati ż-żminijiet tal-ħsad minn varjetajiet bikrija bħax-Chardonnay u l-Pinot Bianco għal varjetajiet tardivi bħall-Garganega u t-Trebbiano, li tippermetti l-kompożizzjoni ta’ cuvées varjati u kumplessi ħafna. L-inbid spumanti jista’ jiġi prodott jew f’awtoklavi bl-użu tal-metodu Charmat jew fi fliexken bl-użu tal-metodu klassiku.

L-inbid Custoza passito jsir billi jintgħażlu jew għenieqed perfettament intatti fl-għalqa jew għażla tal-għenieqed l-iżjed skarsi li jitpoġġew flimkien f’ċestuni jew fuq tapit qabel ma jiddaħħlu f’żoni ta’ tqaddid arjati sew sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni ideali.

Il-perjodu medju tat-tqaddid idum minn 3 sa 4 xhur, li fi tmiemhom l-għeneb jitlef madwar nofs il-piż tiegħu qabel ma jiġi mgħaffeġ u magħmul fi nbid.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott

Il-karatteristiċi essenzjali tal-inbejjed Custoza huma – u minn dejjem kienu – il-freskezza u n-natura kemxejn aromatika tagħhom, u l-fatt li huma nbejjed potabbli li faċli jiġu kkombinati ma’ elementi oħra. Madankollu, meta fil-vinji jsiru għażliet speċifiċi partikolari, dawn l-inbejjed huma ideali ferm għat-tqaddim.

Il-Custoza huwa magħmul minn taħlita ta’ tliet varjetajiet ewlenin, jiġifieri l-Garganega, it-Tocai Friulano (magħrufa lokalment bħala t-“Trebbianello”) u l-Bianca Fernanda, li magħhom jistgħu jiżdiedu varjetajiet oħra mkabbra fiż-żona. Dan jagħtiha l-kumplessità tipika u aromatika ħafna tagħha li tiddistingwiha mill-inbejjed varjetali taż-żona. Il-profil sensorju li jirriżulta jinkludi kwalitajiet ta’ frott u florali, xi drabi akkumpanjati minn ħjiel ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar. Fil-qosor, it-taħlit tal-varjetajiet bażiċi jagħti lill-inbid Custoza l-identità tiegħu, filwaqt li l-użu ta’ varjetajiet addizzjonali jarrikkixxi dan bi fwejjaħ distintivi.

Din il-karatteristika importanti hija riflessa fil-produzzjoni baxxa tal-Custoza spumanti, li huwa kkaratterizzat mill-freskezza u l-aċidità miżjuda tiegħu, li hija bbilanċjata tajjeb ħafna man-noti aromatiċi u tal-frott.

Prodott rari ħafna iżda tradizzjonali huwa l-Custoza passito (inbid minn għeneb imqadded), ta’ lewn id-deheb u b’togħma ħelwa mezzana jew ħelwa, ispirat mill-inbejjed li tradizzjonalment kienu jiġu servuti wara ikliet festivi.

Ir-rabta kawżali bejn l-ambjent u l-prodott

Il-fatt li ftit li xejn ikun hemm varjazzjoni fil-kundizzjonijiet klimatiċi fiż-żona tal-produzzjoni tal-Custoza DOC (li, ovvjament, ma hijiex partikolarment kbira) ifisser li t-tipi differenti ta’ għeneb imkabbra fiż-żona (bil-perjodi ta’ tqaddim differenti tagħhom mifruxa maż-żmien, minn varjetajiet bikrija li jinħasdu fl-aħħar ta’ Awwissu għal varjetajiet tardivi li jinħasdu anki fit-tieni nofs ta’ Ottubru) jimmaturaw indaqs. Dan il-fattur jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tiswir tal-identità ta’ dawn l-inbejjed bojod.

Tal-istess importanza huwa l-effett tal-livell għoli ta’ diversità tal-ħamrija, ir-riżultat ta’ depożiti irregolari mħollija fiż-żona minn proċessi ta’ glaċjazzjoni varji. Dan l-aspett jimmaterjalizza ruħu fin-natura friska, żagħżugħa, spirituża tal-Custoza.

Minħabba l-kompożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari, il-ħamrija morena tgħinu biex tiżguraw il-ġerminazzjoni regolari tal-vinji kollha. L-interazzjoni bejn il-ħamrija u l-klima taż-żona tgħin lill-għeneb u lir-rimjiet jiżviluppaw u jimmaturaw kif xieraq.

Is-sjuf sħan iżda mhux soffokanti jwasslu għal konċentrazzjoni ta’ zokkrijiet, filwaqt li l-varjazzjonijiet tajba bejn it-temperaturi tal-jum u tal-lejl jgħinu fl-iżvilupp tas-sustanzi aromatiċi florali u tal-frott li jinsabu fl-inbejjed Custoza DOC.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti oħra)

(a)   Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-ibbottiljar fiż-żona ġeografika huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-prodott, li tiġi ggarantita l-oriġini tiegħu u li jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet ikunu effettivi.

Il-karatteristiċi u l-kwalitajiet distintivi li ż-żona ta’ oriġini tagħti lill-inbejjed tad-DOP Custoza jiġu mħarsa aħjar bl-ibbottiljar tal-inbid fiż-żona tal-produzzjoni, peress li jfisser li r-regoli tekniċi kollha dwar it-trasport u l-ibbottiljar jiġu applikati u infurzati taħt ir-responsabbiltà u bil-kompetenza professjonali tal-vitikulturi ta’ dik l-istess żona demarkata.

Dan l-obbligu jevita r-riskji possibbli ta’ trasport barra miż-żona tal-inbid, bħal: ossidazzjoni u stress termiku minħabba temperaturi għoljin jew baxxi u deterjorazzjoni tal-prodott, li jaffettwaw ħażin il-karatteristiċi kimiċi/fiżiċi tiegħu (l-aċidità, il-polifenoli u s-sustanzi li jagħtu l-kulur) u l-karatteristiċi organolettiċi (il-kulur, l-aroma, it-togħma), u l-istabbiltà tiegħu. Ir-riskju ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika (minn batterji, viruses, fungi, moffa jew ħmira) jitnaqqas ukoll. Dan ir-rekwiżit jibbenefika lill-operaturi, li huma konxji mir-riskji u responsabbli għall-preservazzjoni tal-kwalità tad-DOP, u jagħti lill-konsumaturi assigurazzjoni rigward l-oriġini u l-kwalità tal-inbejjed u l-konformità tagħhom mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Barra minn hekk, il-kontrolli mill-korpi kompetenti huma aktar effettivi f’żona iżgħar.

L-applikazzjoni biex l-ibbottiljar tad-DOP Custoza jiġi llimitat għaż-żona tal-produzzjoni – rekwiżit applikat minn denominazzjonijiet oħra ta’ nbejjed rinomati – jikkostitwixxi wkoll pass kbir ’il quddiem fit-titjib tal-kwalità ssuġġerita mill-isem. Din l-emenda proposta għandha l-għan li tippożizzjona l-Custoza bħala wieħed mill-ismijiet storiċi l-aktar importanti li jindika esklużivament inbejjed bojod.

Barra minn hekk, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet eżistenti, il-bottiljaturi kkonċernati jistgħu jiksbu deroga biex ikomplu jibbottiljaw fil-bini tagħhom barra miż-żona demarkata, sakemm jissottomettu applikazzjoni lill-Ministeru għall-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija, flimkien mad-dokumentazzjoni xierqa li turi li ilhom jibbottiljaw id-DOP Custoza għal mill-inqas sentejn (mhux neċessarjament konsekuttivi) mill-5 snin ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda li tintroduċi l-obbligu tal-ibbottiljar tad-DOP Custoza fiż-żona.

(b)   Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Deroga għall-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

F’konformità mal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33, il-proċessi involuti fil-produzzjoni tat-tip spumante (inbid spumanti), inklużi l-formazzjoni tar-ragħwa, l-operazzjonijiet ta’ stabbilizzazzjoni u dawk ta’ taħlil, jistgħu jsiru mhux biss fiż-żona tal-produzzjoni, iżda wkoll fil-provinċji ta’ Brescia, Mantua, Trento, Treviso u Vicenza.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/16009


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


  翻译: