26.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 107/20


Rikors ippreżentat fid-29 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-94/08)

(2008/C 107/32)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Rozet u L. Lozano Palacios, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkostata li, billi żamm fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-ħtieġa tan-nazzjonalità Spanjola sabiex tiġi eżerċitata l-kariga ta' kaptan u ta' l-ewwel uffiċjal fuq il-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera Spanjola minbarra l-bastimenti merkantili ta' tunnellaġġ gross ta' inqas minn 100 tunellata, li jittrasportaw merkanzija jew inqas minn 100 passiġġier, li joperaw esklużivament bejn portijiet jew punti li jinsabu f'żoni li fihom Spanja teżerċità s-sovranità tagħha, drittijiet sovrani jew ġurisdizzjoni, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari skond l-Artikolu 39 KE.

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skond il-leġiżlazzjoni Spanjola, il-karigi ta' kaptan u ta' l-ewwel uffiċjal fuq il-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera Spanjola minbarra l-bastimenti merkantili ta' tunnellaġġ gross ta' inqas minn 100 tunellata, li jittrasportaw merkanzija jew inqas min 100 passiġġier, li joperaw esklużivament bejn portijiet jew punti li jinsabu f'żoni li fihom Spanja teżerċità s-sovranità tagħha, drittijiet sovrani jew ġurisdizzjoni, għandhom ikunu okkupati minn ċittadini Spanjoli.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ħtieġa ġenerali tan-nazzjonalità Spanjola għall-kariga msemmija tmur kontra l-Artikolu 39 KE u ma tistax tkun ikkunsidrata bħala ġustifika mill-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 4 ta' l-imsemmi Artikolu. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ġiet ikkonfermata b'mod partikolari mis-sentenza mogħtija fil-Kawża C-405/01 (1), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-portata ta' din l-eċċezzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju għall-ħarsien ta' l-interessi ġenerali ta' l-Istat Membru kkonċernat u li, għal dak li jirrigwarda l-karigi msemmija, l-imsemmija interessi ma jistgħux jiġu pperikolati jekk prerogattivi ta' awtorità pubblika jkunu eżerċitati biss b'mod sporadiku, jew eċċezzjonali, minn ċittadini ta' Stati Membri oħra. Ir-Renju ta' Spanja ma emendax il-leġiżlazzjoni bil-mod rakkomandat mill-Kummissjoni, għalkemm fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata kien intrabat li jagħmel l-emendi neċessarji.


(1)  Sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Sepañola (C-405/01, Ġabra p. I-10391).


  翻译: