2.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 103/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Frar 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Fővárosi Ítélőtábla — Repubblika tal-Ungerija) — Donat Cornelius Ebert vs Budapesti Ügyvédi Kamara
(Kawża C-359/09) (1)
(Avukati - Direttiva 89/48/KEE - Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin - Direttiva 98/5/KE - Prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni - Użu ta’ titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti - Kundizzjonijiet - Inklużjoni fir-reġistru ta’ organizzazzjoni professjonali tal-avukati tal-Istat Membru ospitanti)
2011/C 103/08
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Ítélőtábla
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Donat Cornelius Ebert
Konvenut: Budapesti Ügyvédi Kamara
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Fővárosi Ítélőtábla — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 337) u tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3 p. 83) — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-possibbiltà li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ avukat, taħt it-titolu professjonali ta’ dan l-Istat, għall-avukati li jkunu membri tal-kamra tal-avukati f’dan il-pajjiż biss
Dispożittiv
(1) |
La d-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001, u lanqas id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni ma topponi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-obbligu li wieħed għandu jkun membru ta’ entità bħalma hija l-kamra tal-avukati, sabiex ikun jista’ jeżerċita l-attività ta’ avukat taħt it-titolu ta’ avukat tal-Istat Membru ospitanti. |
(2) |
Id-Direttivi 89/48 u 98/5 jikkumplimentaw lil xulxin billi jistabbilixxu għall-avukati tal-Istati Membri żewġ mezzi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali ta’ Stat Membru ospitanti. |