10.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 244/16


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2009 — Da Silva Pinto Branco vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża F-52/09)

2009/C 244/27

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Delfina Da Silva Pinto Branco (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: M. Erniquin, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni li r-rikorrenti titkeċċa. It-tieni nett, it-talba li tiġi nnominata uffiċjal jew, sussidjarjament li terġa’ titpoġġa fil-funzjonijiet tagħha bħala uffiċjal taħt prova. Fl-aħħar nett, it-talba għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali sostnuti.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-Awtorità tal-Ħatra datata l-24 ta’ Ottubru 2008, kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt tar-Rapporti datata t-8 ta’ Ottubru 2008, iż-żewġ rapporti dwar il-perijodu ta’ prova stabbiliti mill-evalwatur, datati, rispettivament t-22 ta’ Frar 2008 u l-10 ta’ Ġunju 2008, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li jiġi estiż il-perijodu ta’ prova, datata it-18 ta’ April 2008;

tinnomina lir-rikorrenti bħala uffiċjal sa mill-1 ta’ Marzu 2008, kif ukoll tagħtiha d-dritt għal kumpens li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kienet tirċievi kieku ġiet innominata uffiċjal fl-1 ta’ Marzu 2008 u l-emolumenti li hija effettivament irċeviet sa minn dik id-data sad-data tas-sentenza; inkella, sussidjarjament, terġa’ tpoġġi lir-rikorrenti fil-funzjonijiet tagħha bħala uffiċjal taħt prova fi ħdan is-servizz li kienet taħdem fih qabel ma tkeċċiet jew f’servizz ieħor tal-istituzzjoni sabiex tkun tista’ twettaq perijodu ta’ prova ġdid;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali sostnuti, li jammontaw għal EUR 5 000;

tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.


  翻译: