3.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 179/42 |
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2010 — Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-183/10)
(2010/C 179/75)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Sviluppo Globale GEIE (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone, avukat, R. Sciaudone, avukat, A. Neri, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2010, |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni, bħala awtorità kontraenti, ikkomunikat lir-rikorrenti li eskludiet l-offerta tal-konsorzju mmexxi minn Sviluppo Globale GEIE mil-lista ta’ kandidati stabbilita għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti EUROPEAID/129038/C/SER/SYR, dwar il-provvista ta’ assistenza teknika fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni u tal-iżvilupp lokali insostenn tal-Gvern Sirjan.
Insostenn tat-talba għall-annullament, ir-rikorrenti tinvoka żball manifest ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-kriterji ta’ għażla stabbiliti fl-avviż tas-sejħa għal offerti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-kriterji tal-għażla skont il-kapaċità teknika stabbiliti fl-avviż tas-sejħa għal offerti, billi eskludiet lill-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti mil-lista ta’ kandidati minkejja li dan kellu r-rekwiżiti meħtieġa mill-istess avviż. Tali żball manifest imwettaq mill-awtorità kontraenti huwa evidenti abbażi ta’ sempliċi paragun bejn il-kontenut tar-rekwiżiti ta’ kapaċità teknika stabbiliti għall-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati fis-sejħa għal offerti inkwistjoni, minn naħa, u l-konsistenza effettiva tal-kapaċità teknika tal-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti min-naħa l-oħra.
Barra minn hekk, u f’kull każ, ir-rikorrenti tinvoka n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-14 ta’ Frar 2010, peress li din bl-ebda mod ma tispjega għalfejn il-kandidatura ppreżentata mir-rikorrenti ma tissodisfax il-kriterji tal-għażla skont il-kapaċità teknika stabbiliti fl-avviż tas-sejħa għal offerti.