2.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 157/4 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja) fid-29 ta’ Marzu 2012 — Eva-Marie Brännström u Rune Brännström vs Ryanair Holdings plc
(Kawża C-150/12)
2012/C 157/06
Lingwa tal-kawża: L-Isvediż
Qorti tar-rinviju
Högsta domstolen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Eva-Marie Brännström u Rune Brännström
Konvenuta: Ryanair Holdings plc
Domandi preliminari
(1) |
Ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta’ dannu kkaġunat minn dewmien, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, tat-28 ta’ Mejju 1999, għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, tinkludi wkoll każijiet fejn il-wasla tal-passiġġieri fid-destinazzjoni tagħhom tiġi mdewma minħabba l-fatt li t-titjira ma seħħitx? Huwa rilevanti l-mument meta ġiet ikkanċellata t-titjira, pereżempju wara li jkun sar iċ-check-in? |
(2) |
Il-fatt li l-ajruport għandu problema teknika li, ikkunsidrata waħedha jew flimkien ma’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi, tagħmel kull inżul impossibbli jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (1)? Il-fatt li t-traspostatur bl-ajru kien jaf dwar il-problema teknika għandu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar x’jista’ jikkostitwixxi tali ċirkustanza? |
(3) |
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, liema miżuri għandhom jittieħdu mit-trasportatur bl-ajru sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament?
|
(4) |
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, teżisti differenza bejn il-miżuri li t-trasportatur bl-ajru għandu jieħu sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament u dawk li għandu jieħu sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal? |
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li […] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).