11.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 243/26 |
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2012 — Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-261/12)
2012/C 243/47
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon AE (Chalandri, il-Greċja) (rappreżentant: A. Krystallidis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tordna kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti bid-deċiżjoni illegali tad-Delegazzjoni tal-UE fis-Serbja tat-23 ta’ Marzu 2012 li tannulla l-għoti tal-kuntratt “Tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni (CPC) fir-Repubblika tas-Serbja” (ĠU 2011 S 147) li ngħata lir-rikorrenti fil-kapaċità tagħha bħala l-kumpannija ewlenija fil-konsorzju tal-imsemmi proġett; |
— |
tikkundannna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1) |
L-ewwel motiv jallega li l-konvenuta aġixxiet b’mod illegali billi akkużat lir-rikorrenti b’vantaġġ indebitu fil-konfront tal-offerenti l-oħra, meta dan il-kunflitt ta’ interess li r-rikorrenti qed tiġi akkużata bih jikkonċerna kumpannija oħra totalment indipendenti, jiġifieri lil European profiles SA u mhux lir-rikorrenti. |
(2) |
It-tieni motiv jallega li l-konvenuta naqset mill-obbligu tagħha li tipprovdi raġuni ċara u fattwali għall-annullament tal-kuntratt, bi ksur tal-Artikolu 18 tal-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, billi naqset milli tiġġustifika r-raġuni li permezz tagħha r-rikorrenti ingħatat vantaġġ indebitu fil-konfront tal-offerenti l-oħrajn. |
(3) |
It-tielet motiv jallega li l-konvenuta kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti billi naqset milli titlobha tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar ir-raġuni li tista’ tikkawża kunflitt ta’ interess, bi ksur tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba. |
(4) |
Ir-raba’ motiv jallega li l-konvenuta kisret l-obbligu tagħha li tagħti lir-rikorrenti aċċess għad-dokumenti li jistgħu jagħtu prova tal-allegata konnessjoni illegali u tal-vantaġġ indebitu lil DIADIKASIA Consortium, skont l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. |
(5) |
Il-ħames motiv jallega li dawk l-azzjonijiet tal-konvenuta jikkostitwixxu ksur serju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u żball ta’ liġi kif ukoll ksur tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Mġieba Amministrattiva Tajba, meta b’mod mhux mistenni annullat id-deċiżjoni tagħha li tagħti l-kuntratt tal-proġett inkwistjoni lill-konsorzju tar-rikorrenti minħabba allegati raġunijiet ta’ “kunflitt ta’ interess”. |