20.2.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 53/40 |
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2016 – Elche Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-901/16)
(2017/C 053/48)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Elche Club de Fútbol, SAD (Elche, Spanja) (rappreżentanti: M. Segura Catalán u M. Clayton, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
tilqa’ l-motivi għal annullament invokati fir-rikors; |
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 4060 finali, tal-4 ta’ Lulju 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Spanja lil Elche Club de Fútbol SAD (u lil clubs tal-futbol oħra) [SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 20 13/CP)], b’mod partikolari sa fejn din tikkonċerna lil Elche CF; |
— |
tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-miżura 3; |
— |
tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jeżiġi l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-miżura 3 mingħand Elche CF; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1. |
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni fl-identifikazzjoni tal-għajnuna u tal-benefiċċjarju, sa fejn il-Kummissjoni ikkunsidrat li, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, Elche CF ibbenefikat minn garanziji mogħtija mill-Instituto Valenciano de Finanzas (IVF) lil Fundación Elche CF. |
2. |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat il-garanziji mogħija mill-IVF lil Fundación Elche CF. Il-Kummissjoni la wriet l-imputabbiltà tal-Istat u lanqas l-għoti ta’ vantaġġ jew il-karattru selettiv ta’ dan tal-aħħar, ma evalwatx id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma mmotivatx sal-grad rikjest mil-liġi l-effett fuq il-kummerċ fiż-Żona Ekonomika Ewropea. |
3. |
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE fil-kwantifikazzjoni tal-għajnuna u tal-ammont li għandu jiġi rkuprat. |
4. |
Ir-raba’ motiv, sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna u l-applikazzjoni tal-linji gwida fil-qasam tas-salvataġġ u tar-ristrutturazzjoni. |