15.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/47


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2017 – EKETA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-198/17)

(2017/C 151/60)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Ethniko Kentro Erevnas kai Technologikis Anaptyxis (EKETA) (Thessaloniki, il-Greċja) (rappreżentanti: V. Christianos u S. Paliou, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara li t-talba mressqa mill-Kummissjoni Ewropea lill-ΕΚΕΤΑ biex jirrimborsa l-ammont ta’ EUR 38 241,00 mill-pagament irċevut minnu għall-proġett ACTIBIO, liema talba saret fin-nota ta’ debitu Nru 3241615335/29.11.2016, hija infondata fir-rigward tas-somma ta’ EUR 9 353,56;

tiddikjara li s-somma ta’ EUR 9 353,56 tikkostitwixxi spejjeż eliġibbli u li l-ΕΚΕΤΑ ma huwiex obbligat iħallas lura dik is-somma lill-Kummissjoni Ewropea, u

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

B’dan ir-rikors, l-Ethniko Kentro Erevnas kai Technologikis Anaptyxis (EKETA) jikkontesta t-talba mressqa mill-Kummissjoni permezz tan-nota ta’ debitu tagħha Nru 3241615335/29.11.2016, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proġett ACTIBIO. Permezz ta’ dik in-nota ta’ debitu, il-Kummissjoni talbet lill-ΕΚΕΤΑ jirrimborsa parti mill-pagament li rċieva mingħandha għall-proġett ACTIBIO, somma ta’ EUR 38 241,00. Din it-talba saret wara awditu fuq il-post li twettaq mill-Kummissjoni Ewropea fl-uffiċċji tar-rikorrent.

2.

F’dak il-kuntest, ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 272 TFUE, għandha tiddikjara li, mill-ammont imsemmi fin-nota ta’ debitu, is-somma ta’ EUR 9 353,56 tikkostitwixxi spejjeż eliġibbli u li l-ΕΚΕΤΑ ma huwiex marbut li jħallas dik is-somma lill-Kummissjoni.

3.

L-ΕΚΕΤΑ jsostni li l-imsemmi ammont ta’ EUR 9 353,56 jikkostitwixxi spejjeż tal-persunal u spejjeż indiretti eliġibbli, li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat bħala ineliġibbli. L-eliġibbiltà tal-ispejjeż tar-rikorrent hija pprovata mill-evidenza ppreżentata lill-Kummissjoni Ewropea fl-awditu fuq il-post u f’korrispondenza sussegwenti u li dan jippreżenta lill-Qorti Ġenerali.


  翻译: