8.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 364/2 |
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2018 minn Mylène Troszczynski mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-16 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-626/16, Troszczynski vs Il-Parlament
(Kawża C-462/18 P)
(2018/C 364/03)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Mylène Troszczynski (rappreżentant: F. Wagner, avocat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-626/16;
Għaldaqstant:
— |
tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tat-23 ta’ Ġunju 2016, meħuda skont l-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew 2009/C 159/01 tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008“dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew” kif emendat, li tikkonstata dejn fl-ammont ta’ EUR 56 554; |
— |
tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-888 innotifikata fit-30 ta’ Ġunju 2016 li tinforma lill-appellanti li ġie kkonstatat dejn fil-konfront tagħha wara d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tat-23 ta’ Ġunju 2016 dwar “irkupru ta’ somom indebitament imħallsa fuq il-bażi tal-assistenza parlamentari, skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentezzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju”; |
— |
tiddeċiedi skont il-liġi dwar l-ammont li għandu jiġi allokat lill-appellanti bħala kumpens għad-danni morali li jirriżultaw minn akkużi infondati magħmula qabel il-konklużjoni tal-investigazzjoni, kemm mill-ħsara li saret għar-reputazzjoni tagħha, kif ukoll mill-problemi kbar ħafna kkawżati fil-ħajja personali u politika tagħha bid-deċiżjoni kkontestata; |
— |
tiddeċiedi skont il-liġi dwar l-ammont li għandu jiġi allokat lill-appellanti fir-rigward tal-ispejjeż proċedurali; |
— |
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha; |
— |
qabel ma tiddeċiedi: tistieden lill-Parlament jipproduċi l-fajl amministrattiv ta’ J.O. u l-fajl rilevanti tal-OLAF. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi tal-ksur tal-forom essenzjali. Minn naħa, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi Bilde u Montel jikkostitwixxu fatt ġdid, li seħħ wara l-għeluq tal-parti bil-miktub tal-proċedura, li jiċċaraw in-natura u n-numru ta’ provi li għandhom jiġu prodotti. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura ġew issodisfatti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li ma setgħetx tkun taf fatti oħra minn dawk issottomessi lis-Segretarju Ġenerali. Il-proċedura għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament huwa simili għal rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, fejn id-dokumenti kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni xierqa tat-tilwima jistgħu jiġu pprovduti, anki waqt il-proċedura.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża u tar-rekwiżiti formali essenzjali. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma ppermettietx dibattitu ġust u kontradittorju billi ma imponietx ir-rispett fil-Parlament tal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament jiddisponi mill-fajl amministrattiv u mill-fajl tal-OLAF li minnu jista’ jikseb vantaġġji, peress li prova tax-xogħol tista’ tinstab fiż-żewġ fajls iżda tibqa’ mhux disponibbli għall-appellanti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset bħala regolari l-assenza ta’ smigħ tall-appellanti mis-Segretarju Ġenerali.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, żball fil-klassifikazzjoni tan-natura ġuridika tal-fatti u tal-provi, ta’ diskriminazzjoni, fumus persecutionis, ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ legalità kif ukoll użu ħażin ta’ poter. L-ewwel nett, l-assenza ta’ analiżi kritika tad-dokumenti prodotti jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni nett, hemm ksur tad-drittijiet politiċi tal-assistenti. It-tielet nett, fir-rigward tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, ir-riskju tal-prova għandha l-ewwel tinġarr mill-amministrazzjoni, li għandha tipprovdi raġunijiet iġġustifikati sabiex tikkontesta dak li ġie kweżit. Ir-raba’ nett, kien hemm trattament diskriminatorju mill-President u mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kontra id-deputati ta’ Front national. Fl-aħħar nett, ir-rifjut li jiġi pprovdut il-fajl amministrattiv u l-fajl tal-OLAF iqajjem dubji dwar il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ legalità u jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter.