5.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 399/24 |
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-576/18)
(2018/C 399/33)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky, D. Recchia, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad- 29 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża C-243/10, dwar l-irkupru mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna li ġie deċiż li hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/854/KE (1) tat- 2 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tal-imsemmija deċiżjoni u tal-Artikolu 260 TFUE; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa, li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 13 892,00bin-numru ta’ jiem ta’ persistenza tal-ksur, b’minimu ta’ EUR 8 715 000, li jibdew jgħoddu mill-jum tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-243/10 sal-jum tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża: |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità kkalkolati fuq bażi semestrali u stabbiliti mill-Kummissjoni għal EUR 126 840 għal kull jum, li jibdew jgħoddu mis-semestru ta’ wara d-data tas-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/854/KE tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar l-iskema ta’ għajnuna Liġi reġjonali nru 9 tal-1998 – applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna N 272/98 C 1/04 (eks NN 158/03 u CP 15/2003) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2997) (ĠU 2008, L 302, p. 9), tikkonstata li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mogħtija mill-Italja hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u tordna l-irkupru tagħha.
Permezz tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ Marzu 2012, mogħtija fil-Kawża C-243/10, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ma adottatx fit-termini stabbiliti l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji tagħha l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema li tirreferi għaliha l-imsemmija deċiżjoni, l-Italja kienet naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa ta’ din tal-aħħar.
Iktar minn sitt snin wara l-għoti ta’ din is-sentenza u minkejja l-bosta talbiet tal-Kummissjoni lill-Gvern Taljan, parti kbira minn din l-għajnuna għadha ma ġietx irkuprata. L-argumenti tal-Gvern Taljan f’dan ir-rigward, b’mod partikolari marbuta ma’ tilwim nazzjonali pendenti, ma jikkostitwixxux ġustifikazzjoni valida għal dan in-nuqqas li tittieħed azzjoni. Għaldaqstant, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-Italja għadha ma rkupratx l-integralità tal-għajnuna mħallsa u ma kkonformatx b’mod sħiħ mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-243/10.
Il-Kummissjoni titlob, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li l-Italja kisret l-Artikolu 260 TFUE u tikkundannaha tħallas somma f’daqqa flimkien ma’ pagamenti ta’ penalità sakemm tikkonforma b’mod sħiħ mas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-243/10.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar l-iskema ta’ għajnuna Liġi reġjonali nru 9 tal-1998 – applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna N 272/98 C 1/04 (eks NN 158/03 u CP 15/2003) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2997) (ĠU 2008, L 302, p. 9).