3.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 187/82


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2019 — Zubedi vs Il-Kunsill

(Kawża T-186/19)

(2019/C 187/88)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Khaled Zubedi (Damascus, is-Sirja) (rappreżentanti: M. Lester, QC u M. O’Kane, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal-21 ta’ Jannar 2019 (1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal-21 ta’ Jannar 2019 (2), sa fejn dawn japplikaw fir-rigward tar-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, li jallega li l-konvenut wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tiegħu billi inkluda lir-rikorrent fil-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw is-Sirja.

Ir-rikorrent ġie inkluż permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 fuq il-bażi li huwa wieħed minn grupp ta’ negozjanti prominenti fis-Sirja li, skont il-konvenut, kollha qegħdin jagħmlu profitti kbar mir-reġim tal-President Assad u billi jsostnu lill-istess reġim, billi jissieħbu ma’ kumpanniji sostnuti mill-Istat sabiex jiżviluppaw art esproprjata mingħand persuni spustati minħabba l-kunflitt fis-Sirja. Dan huwa kompletament falz fir-rigward tar-rikorrent, il-kriterji għall-inklużjoni ma ġewx issodisfatti u l-argument tal-konvenut ma kienx ibbażat fuq bażi suffiċjentement solida.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal-21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 181, p. 13).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal-21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 181, p. 4).


  翻译: