24.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 213/53 |
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 — Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-234/19)
(2019/C 213/52)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Infineon Technologies AG (Neubiberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Assmann u M. Peiffer, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-konvenuta nnotifikata bid-dokument C(2018) 3166 (ĠU 2019, L 14, p. 1) tat-28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV, kif ukoll |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors huwa bbażat fuq motiv wieħed li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 107 et seq. TFUE.
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV ma hijiex mogħtija minn riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE iżda hija ffinanzjata mill-kumpannija Ġermaniża li topera n-netwerk tal-elettriku, li hija rregolata mid-dritt privat u li l-aġir tagħha ma jistax jiġi attribwit lill-Istat. Is-soprataxxa inkwistjoni lanqas ma tista’ titqies li hija ekwivalenti, fl-applikazzjoni tagħha, għal imposta fuq il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma teżerċita ebda kontroll fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku li jamministraw dawn il-fondi.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk fuq il-bażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV hija materjalment differenti miċ-ċirkustanzi li kienu inkwistjoni fil-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord et u fil-Kawża C-262/12, Vent De Colère!. Madankollu, il-każ ineżami jista’ jitqabbel mas-soprataxxa inkwistjoni fil-Kawża C-405/16 P, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, u għalhekk ma għandux jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.