10.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fit-28 ta’ Ġunju 2021 – Bursa Română de Mărfuri SA vs Autoritatea naţională de reglementare în domeniul energiei (ANRE)

(Kawża C-394/21)

(2022/C 191/05)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Bursa Română de Mărfuri SA

Konvenut: Autoritatea naţională de reglementare în domeniul energiei (ANRE)

Intervenjent: Federația Europeană a Comercianților de Energie

Domandi preliminari

1)

Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1), b’mod partikolari l-Artikolu 1(b) u l-Artikolu 3 tiegħu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (2), jipprojbixxi Stat Membru milli jkompli jalloka liċenzja waħda għall-organizzazzjoni u għall-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-enerġija mid-dħul fis-seħħ tiegħu? Mill-1 ta’ Jannar 2020, hemm obbligu għall-Istat Rumen li jtemm monopolju eżistenti fir-rigward tal-operat tas-suq tal-elettriku?

2)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa fir-Regolament (UE) 2019/943, b’mod partikolari l-Artikolu 1(b) u (c) u l-Artikolu 3 tiegħu, jinkludi l-operatur ta’ suq tal-elettriku bħala suq għan-negozju ta’ prodotti bażiċi? Huwa rilevanti għar-risposta li, għad-definizzjoni tas-suq tal-elettriku, il-punt 40 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jirreferi għad-definizzjoni tas-swieq tal-elettriku fl-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2019/944?

3)

Għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ liċenzja waħda għall-operat tas-suq tal-elettriku minn Stat Membru jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kkunsidrati flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 106(1) TFUE?


(1)  ĠU 2019, L 158, p. 54.

(2)  ĠU 2019, L 158, p. 125.


  翻译: