20.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/19


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2021 minn ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport A/S, Danske Fragtmænd A/S mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-5 ta’ Mejju 2021 fil-Kawża T-561/18, ITD u Danske Fragtmænd vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-442/21 P)

(2021/C 382/25)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport A/S, Danske Fragtmænd A/S (rappreżentant: L. Sandberg-Mørch, advokat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Jørgen Jensen Distribution A/S, Dansk Distribution A/S, Ir-Renju tad-Danimarka

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Mejju 2021 fil-Kawża T-561/18 sa fejn din tiċħad il-motivi tal-appellanti li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji sabiex tikkonkludi li l-kumpens għall-obbligu ta’ servizz postali universali (OSU) jikkostitwixxi għajnuna kompatibbli; li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji li tistabbilixxi li l-garanzija tal-Istat kienet għajnuna eżistenti; u li l-Kummissjoni ltaqgħet ukoll ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha tat-tqassim żbaljat tal-ispejjeż;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-esklużjoni mill-ispejjeż netti evitati (SNE) tal-benefiċċji intanġibbli (li jikkonsistu fir-reputazzjoni u l-ubikwità azjendali) li kellha Post Danmark bħala konsegwenza tal-OSU.

2.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji meta ddeċidiet li l-għajnuna kienet kompatibbli abbażi tal-qafas SIEĠ għat-twettiq tal-obbligu li jiġi pprovdut OSU, iżda mbagħad awtorizzat l-għajnuna għall-ispejjeż għat-tkeċċija tal-impjegati fil-kuntest tat-trasformazzjoni/ristrutturar ta’ Post Danmark.

3.

It-tielet, bi ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFEU, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji meta kkonkludiet li l-allokazzjoni żejda tal-ispejjeż komuni fil-kont tal-OSU ta’ Post Danmark ma kinitx għajnuna tal-Istat.

L-appellanti jsostnu li l-konklużjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq żewġ żbalji ta’ liġi, li jikkorrispondu għal żewġ subaggravji:

a.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi ddeċidiet li l-Artikolu 4(4)(c) tar-Regolament tal-Kontabbiltà tal-2006 u l-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament tal-Kontabbiltà tal-2011 huma biss applikazzjoni speċifika tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 4(4)(a) u 4(4)(b) tar-Regolamenti ta’ Kontabbiltà 2006 u 2011.

b.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-adegwatezza tal-allokazzjoni ta’ spejjeż komuni ta’ Post Danmark hija evidenzjata mill-fatt li l-kontijiet ta’ Post Danmark kienu suġġetti għal verifiki regolari.


  翻译: