22.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 471/23


Appell ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2021 minn Casa Regina Apostolorum della Pia Società delle Figlie di San Paolo mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-223/18, Casa Regina Apostolorum della Pia Società delle Figlie di San Paolo vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-492/21 P)

(2021/C 471/30)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Casa Regina Apostolorum della Pia Società delle Figlie di San Paolo (rappreżentant: F. Rossi, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-223/18, li kellha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7973 final tal-4 ta’ Diċembru 2017, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39913 (2017/NN) – l-Italja – Kumpens allegat tal-isptarijiet pubbliċi fir-Reġjun tal-Lazio;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligu ta’ istruttorja; interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ attività ta’ solidarjetà, tal-kunċett ta’ impriża u ta’ attività ekonomika skont l-Artikolu 106 TFUE u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Taljana li tinstab fid-Digriet Leġiżlattiv 229/1999, billi tenfasizza li l-iskema ta’ finanzjament tal-Istat Taljan lir-reġjuni ma jaqax taħt is-sistema ta’ solidarjetà, iżda taħt sistema ekonomika skont il-modalitajiet applikabbli għall-iskema tas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEG).

B’mod partikolari hija tikkontesta l-kunċett ta’ attività ta’ solidarjetà sostnut mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li baqgħa kompletament ġeneriku u mingħajr konnessjoni mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Italja fir-rigward tal-provvista tas-servizzi tas-saħħa. Il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, qieset li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2020 fil-kawża Dover hija applikabbli għall-kawża preżenti, mingħajr ma wettqet analiżi fid-dettall tar-riforma tal-1999 fl-Italja, fuq kollox mingħajr ma qabblitha mal-leġiżlazzjoni li tirregola s-sistema ta’ provvista servizzi tas-saħħa fir-Repubblika Slovakka.

Barra minn dan, l-appellanti tikkontesta l-fatt li l-kunċett ta’ attività universali jista’ jeskludi l-applikabbiltà tal-iskema msemmija fl-Artikolu 106 TFUE, fid-dawl tal-fatt li servizz ipprovdut b’mod universali, għalkemm b’mod inkomplet, jista’ jitqies ekonomiku bħal servizzi oħra, bħat-trasport multimodali, l-enerġija elettrika, l-ilma, it-telefonija eċċ., u għalhekk huwa kopert mill-kunċett innifsu ta’ SIEĠ.

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma tispeċifikax li l-Istat jittrasferixxi lir-reġjuni ċertu ammont ta’ finanzjament u li mbagħad huma r-reġjuni li għandhom iħallsu lid-diversi impriżi tas-saħħa pubbliċi u privati għas-servizzi abbażi ta’ tariffi skont l-għażla tal-pazjent/utent.

Għalhekk, ir-reġjuni jiffirmaw kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi mal-operaturi kollha pubbliċi u privati billi jħallsu s-servizzi fuq bażi ta’ tariffa stabbilita minn qabel. Kull stabbiliment tas-saħħa jorganizza l-attività rispettiva tiegħu b’mod speċifiku u awtonomu, sabiex ikun jista’ jattira lill-pazjent lejn l-istess stabbiliment.

Barra minn dan, il-pazjent jista’ jikkuntattja kemm stabbiliment tas-saħħa pubbliku jew stabbiliment tas-saħħa privat sabiex jitlob servizz privat, sabiex b’dan il-mod jevita l-listi ta’ stennija li jeżistu fl-hekk imsejħa sistema akkreditata. Għalhekk, qed tiġi kkontestata d-dikjarazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet fil-bidu tas-sentenza: “1 Fl-Italja, is-sistema tas-saħħa hija organizzata fil-kuntest tas-Servizio sanitario nazionale (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, iktar ’il quddiem is-‘SNS’). Fil-kuntest tas-SNS, is-servizzi tas-saħħa huma ffinanzjati direttament permezz tal-kontribuzzjonijiet soċjali tal-affiljati u permezz ta’ riżorsi tal-Istat, b’tali mod li dawn is-servizzi huma offruti mingħajr ħlas jew kważi mingħajr ħlas, lill-pazjenti kollha affiljati mas-SNS, minn korpi pubbliċi jew privati akkreditati. Huma r-reġjuni li essenzjalment jiggarantixxu l-ġestjoni tas-SNS”.

Dan l-argument ma huwiex ikkonfermat mill-organizzazzjoni tas-saħħa effettiva fl-Italja u mill-kontenut leġiżlattiv fis-seħħ; mhux biss talli hekk, iżda talli l-Qorti Ġenerali ma tiċċarax id-dikjarazzjoni li tgħid li “is-servizzi tas-saħħa huma ffinanzjati direttament permezz tal-kontribuzzjonijiet soċjali tal-affiljati u permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, li tikkostitwixxi rappreżentazzjoni astratta u mhux kuntestwalizzata.

Il-Qorti Ġenerali, fi kliem ieħor, la indikat liema huma l-“kontribuzzjonijiet soċjali tal-affiljati” u lanqas liema huma r-“riżorsi tal-Istat”. B’mod iktar speċifiku l-Qorti Ġenerali ma twettaqx analiżi bir-reqqa dwar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-SIEĠ fis-sens tal-Artikolu 106 TFUE, u fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Altmark tal-2003.

Il-Kummissjoni l-ewwel u l-Qorti Ġenerali sussegwentement messhom wettqu analiżi fid-dettall tas-sistema, anki fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Anness 26 tat-Trattat li jagħmel speċifikament riferiment għas-SIEĠ u tal-fatt li ma ġie mfassal ebda kunċett speċifiku li jidentifika dan is-settur partikolari ta’ servizzi.

Fl-aħħar mill-aħħar, is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali hija sempliċement it-traspożizzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, li tqis li din ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

Konsegwentement, jibqgħu mhux mittiefsa l-ilmenti sostnuti b’mod iddettaljat mill-appellanti li, bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, ikkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba li din kienet totalment ġenerika u ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Italja.

Lanqas ma huwa possibbli li jiġi sempliċement traspost il-kontenut tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Dovera.

Mill-kumplament, il-kontestazzjoni fuq il-mertu tal-appellanti, li l-ewwel ġiet suġġetta għall-eżami tal-Kummissjoni u sussegwentement għal istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, hija speċifikament intiża għad-determinazzjoni ta’ jekk is-sistema tas-saħħa Taljan jaqbilx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106 TFUE u għalhekk mal-iskema tas-SIEĠ.

F’dan ir-rigward, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti deċiżjoni u għalhekk tilmenta nuqqas ta’ motivazzjoni.


  翻译: